Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kompetizzjoni tal-UE — it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni Ewropea

Kompetizzjoni tal-UE — it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 773/2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri biex jiġu investigati l-kartelli mill-Kummissjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jirregola kif il-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-kartelli* u l-prattiki antikompetittivi. Huwa jistabbilixxi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta hija tinvestiga allegazzjonijiet ta’ tali mġiba.

Skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (preċedentement l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea) il-kartelli u l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti rispettivament huma illegali.

PUNTI EWLENIN

Il-Kummissjoni tista’:

  • tiftaħ investigazzjoni fi kwalunkwe ħin u tippubblika d-deċiżjoni tagħha li tagħmel dan;
  • tintervista lill-individwi u tistaqsi lill-impjegati tal-kumpanija meta twettaq spezzjoni;
  • tiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom hija tippremja lill-kumpaniji li jkunu qed jiġu investigati għall-kooperazzjoni tagħhom;
  • tiddeċiedi jekk taċċettax jew tirrifjutax kwalunkwe lment li tirċievi li jallega mġiba illegali.

Meta tniedi investigazzjoni, il-Kummissjoni:

  • toħroġ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet li biha tinforma lill-kumpaniji kkonċernati dwar l-allegazzjonijiet kontrihom u tagħtihom l-opportunità li jwieġbu bil-miktub;
  • tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih il-kumpaniji jistgħu jiddeċiedu li jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet dwar riżolviment*;
  • tagħti lill-kumpaniji d-dritt li jippreżentaw il-każ tagħhom fi smigħ orali privat ippresedut minn Uffiċjal tas-Seduta indipendenti;
  • tagħti lill-kumpaniji aċċess għall-evidenza u għad-dokumenti li jkunu qed jintużaw kontrihom, sakemm dawn ma jkunx fihom sigrieti kummerċjali, informazzjoni kunfidenzjali jew dokumenti interni tal-Kummissjoni jew nazzjonali.

Il-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni joffri:

  • immunità minn multi għal kumpanija li l-ewwel tissottometti evidenza li jeżisti kartell;
  • tnaqqis ta’ multi għal kumpaniji li sussegwentement jipprovdu evidenza sostantiva addizzjonali tal-allegata attività illegali.

Kwalunkwe persuna tista’ tressaq ilment mal-Kummissjoni li jallega mġiba illegali. Biex jagħmlu dan, huma għandhom:

  • juru li għandhom interess leġittimu fil-kwistjoni;
  • jipprovdu dettalji sħaħ tal-identità u tan-negozju tagħhom stess;
  • jistabbilixxu dettalji tal-allegata mġiba u jissottomettu evidenza xierqa.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Mejju 2004.

SFOND

Biex jipproteġu kemm lill-konsumaturi kif ukoll lill-kumpaniji, ir-regoli tal-UE jiddikjaraw illegali kartelli li jistabbilixxu prezzijiet jew tqassim tas-swieq bejn il-kompetituri (Artikolu 101 tat-TFUE). Dawn għandhom ukoll l-għan li jipprevjenu lil-kumpaniji milli jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom f’suq billi jitolbu prezzijiet inġusti jew jillimitaw il-produzzjoni (Artikolu 102 tat-TFUE).

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Kartell: grupp ta’ żewġ kumpaniji jew aktar li jippruvaw jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jiffissaw il-prezzijiet, jillimitaw il-provvista, jew permezz ta’ prattiki restrittivi oħra sabiex jikkontrollaw il-prezzijiet tal-bejgħ.
Diskussjonijiet dwar riżolviment: proċedura li fiha kumpanija tirrikonoxxi parteċipazzjoni f’kartell illegali u r-responsabbiltà tagħha.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, pp. 18-24)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 773/2004 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Tlieta — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjonijiet, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għall-impriżi — Artikolu 101 (ex Artikolu 81 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 88-89)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Tlieta — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni dwar il-kompetizzjonijiet, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għall-impriżi — Artikolu 102 (ex Artikolu 82 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 89)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1419/2006 tal-25 ta’ Settembru 2006 li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 4056/86 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex jinkludi l-kabotaġġ u s-servizzi internazzjonali ta’ trasport marittimu mhux regolari (ĠU L 269, 28.9.2006, pp. 1-3)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1-25)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 06.03.2018

Top