Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar l-istatistika

Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar l-istatistika

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika

Id-Deċiżjoni 2006/233/KE li tadotta l-Ftehim dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera fil-qasam tal-istatistika

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

Il-ftehim għandu l-għan li:

Id-deċiżjoni tadotta ftehim f’isem il-Komunità Ewropea (illum l-UE), biex tikkoopera mal-Iżvizzera fil-qasam tal-istatistika.

PUNTI EWLENIN

Il-partijiet jaqblu li:

  • jiżviluppaw u jużaw metodi ta’ statistika armonizzati, definizzjonijiet u klassifiki;
  • jiżguraw li l-istatistika tagħhom tikkonforma mal-prinċipji tal-imparzjalità, l-affidabilitá, l-oġġettività, l-indipendenza xjentifika, il-kosteffettività u l-kunfidenzjalità, kif definit fil-Liġi Statistika Ewropew (ir-Regolament (KE) Nru 223/2009) u l-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatisika Ewropea;
  • jevitaw li jqiegħdu piż eċċessiv fuq in-negozji u l-organizzazzjonijiet li jwieġbu għal stħarriġ.

L-Iżvizzera għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-istatistika kif deskritta fl-Anness A tal-ftehim, kif emendat mid-Deċiżjoni Nru 2/2019 tal-Kumitat tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea/l-Iżvizzera. Dan jinkludi r-rispett tal-prinċipji tal-istatistika u l-kunfidenzjalità u l-applikazzjoni ta’ nomenklaturi tal-istatistika. Barra minn hekk, Anness A fih atti legali relatati mal-istatistika dwar:

  • in-negozju
  • it-trasport u t-turiżmu
  • il-kummerċ barrani
  • l-aspetti demografiċi u soċjali
  • l-ekonomija
  • agrikoltura
  • l-ambjent.

Bħall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea li wkoll jissottomettu data lill-Eurostat, l-istatistika sottomessa mill-Iżvizzera hija regolata mir-regoli li jirregolaw il-programm statistiku tal-UE. It-temi u l-oqsma statistiċi kollha koperti mill-programm statistiku huma rilevanti għall-Iżvizzera wkoll.

Kull sena, jitfassal programm statistiku annwali tal-UE/Iżvizzera b’mod parallel mal-programm statistiku globali tal-UE.

Kumitat konġunt li jikkonsisti mir-rappreżentanti tal-partijiet kontraenti jimmaniġġja u jimplimenta l-ftehim. Il-kumitat jista’:

  • jirrevedi l-annessi tal-ftehim;
  • jiddeċiedi dwar miżuri oħrajn biex jiżgura li l-ftehim jaħdem kif suppost.

L-entitajiet Żvizzeri jistgħu jipparteċipaw fil-programmi statistiċi tal-UE bl-istess drittijiet u obbligi tal-entitajiet tal-UE, iżda mhumiex intitolati għal xi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Eurostat. Sabiex tkopri l-ispiża tal-parteċipazzjoni tagħha, l-Iżvizzera tikkontribwixxi finanzjarjament għall-programm statistiku tal-UE kull sena. Ir-regoli dwar din il-kontribuzzjoni huma stabbiliti f’Anness B tal-ftehim, kif emendat mid-Deċiżjoni Nru 3/2010 tal-Kumitat tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea/l-Iżvizzera.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistika (ĠU L 90, 28.3.2006, pp. 2–20).

Emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/233/KE tas-27 ta’ Frar 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-istatistika (ĠU L 90, 28.3.2006, p. 1).

DOKUMENTI RELATATI

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-koperazzjoni fil-qasam tal-istatistika (ĠU L 90, 28.3.2006, p. 21).

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, pp. 164–173).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 09.09.2021

Top