EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom

Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom

 

SOMMARJU TA’:

Azzjoni Konġunta 2008/487/PESK b’appoġġ għall-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ottawa

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/700/PESK b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena 2010–2014, adottat mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni ta’ Ottawa

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1428 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Maputo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ottawa

Deċiżjoni (PESK) 2021/257 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Oslo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom (il-Konvenzjoni ta’ Ottawa)

X’INHU L-GĦAN TAL-AZZJONI KONĠUNTA U TAD-DEĊIŻJONI?

PUNTI EWLENIN

Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni ta’ Mini kontra l-Persunal

  • Aktar minn 80 % tal-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti huma stati partijiet li jfisser li huma rratifikaw il-konvenzjoni. Iċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti mhumiex stati partijiet.
  • L-Istati Membri kollha tal-UE huma stati partijiet.
  • L-Istati partijiet jaqblu li:
    • ma jużawx mini kontra l-persunal (AP)*;
    • ma jiżviluppawx, ma jipproduċux, ma jakkwistawx, ma jaħżnux, ma jżommux jew jittrasferixxu mini AP;
    • ma jassistux, ma jħeġġux jew jinduċu b’xi mod ieħor lil xi ħadd biex jipparteċipa f’attività pprojbita mill-konvenzjoni.
  • L-Istati partijiet għandhom jeqirdu l-ħażniet kollha ta’ mini AP fi żmien 4 snin u jnaddfu ż-żoni bil-mini taħt il-ġurisdizzjoni jew il-kontroll tagħhom fi żmien 10 snin.

L-azzjoni konġunta tal-UE tistabbilixxi żewġ objettivi:

  • il-promozzjoni tal-konvenzjoni lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma sarux partijiet (magħrufa bħala “universalizzazzjoni”);
  • l-għoti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha minn dawk il-pajjiżi li saru partijiet.

Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-azzjoni konġunta tipprevedi żewġ tipi ta’ azzjonijiet:

  • l-organizzazzjoni ta’ seminars fuq bażi reġjonali jew sottoreġjonali biex il-pajjiżi jiġu mħeġġa jsiru partijiet għall-konvenzjoni;
  • l-għoti ta’ pariri tekniċi u żjarat ta’ assistenza lill-pajjiżi biex tingħata għajnuna fl-implimentazzjoni sħiħa.

Pjanijiet ta’ azzjoni u involviment tal-UE

L-APMBC hija l-bażi legali li tiggwida l-azzjonijiet tal-istati partijiet fl-isforz internazzjonali biex jintemmu t-tbatija u d-diżgrazzji kkawżati mill-mini kontra l-persunal. Ġew stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni f’intervalli regolari biex jappoġġaw din l-implimentazzjoni. L-UE adottat deċiżjonijiet biex timplimenta l-konvenzjoni u tappoġġja dawn l-azzjonijiet:

  • Id-Deċiżjoni 2012/700/PESK b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Cartagena 2010–2014;
  • Deċiżjoni (PESK) 2017/1428 li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Maputo 2014–2019.

Pjan ta’ Azzjoni ta’ Oslo

Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Oslo jistabbilixxi l-azzjonijiet li l-Istati Partijiet se jieħdu matul il-perjodu 2020–2024.

Il-pjan jidentifika azzjonijiet f’għadd ta’ oqsma:

  • l-aħjar prattika għall-implimentazzjoni tal-konvenzjoni;
  • universalizzazzjoni;
  • il-qerda tal-ħażniet u ż-żamma ta’ mini kontra l-persunal;
  • stħarriġ u tneħħija ta’ żoni bil-mini;
  • edukazzjoni u tnaqqis tar-riskju tal-mini;
  • assistenza lill-vittmi;
  • kooperazzjoni u assistenza internazzjonali;
  • miżuri biex tiġi żgurata l-konformità.

Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/257 tistabbilixxi għadd ta’ għanijiet biex jiġi implimentat il-pjan. Dawn jinkludu:

  • il-promozzjoni tal-universalizzazzjoni;
  • l-appoġġ tal-isforzi tal-istati partijiet biex jimplimentaw l-aspetti tal-assistenza għall-vittmi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Oslo;
  • l-appoġġ għall-isforzi ta’ stħarriġ u tneħħija u l-edukazzjoni u t-tnaqqis tar-riskju tal-mini;
  • l-inkoraġġiment lill-istati li jżommu mini kontra l-persunal għal skopijiet permessi biex iżidu l-kapaċitajiet ta’ rappurtar tagħhom;
  • il-wiri tal-impenn kontinwu tal-UE u l-Istati Membri tagħha għall-konvenzjoni.

Id-deċiżjoni tistabbilixxi wkoll għadd ta’ proġetti biex jgħinu l-kisba ta’ dawn l-għanijiet b’baġit ta’ EUR 2.6 miljun.

MINN META JAPPLIKAW L-AZZJONI KONĠUNTA U D-DEĊIŻJONI?

L-azzjoni konġunta ilha tapplika mit-23 ta’ Ġunju 2008 u d-deċiżjoni mit-18 ta’ Frar 2021.

SFOND

Għal iktar informazzjoni ara:

TERMINI EWLENIN

Mina kontra l-persunal. Mina ddisinjata biex tisplodi bil-preżenza, bil-viċinanza jew b’kuntatt ma’ persuna u li tinkapaċita, tkorri jew toqtol persuna waħda jew aktar.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/487/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2008 b’appoġġ għall-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ l-1997 dwar il-Projbizzjoni ta’ l-Użu, il-Kumulu ta’ Ħażna, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini ta’ l-Art Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom, fil-qafas ta’ l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ĠU L 165, 26.6.2008, pp. 41–44).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/700/PESK tat-13 ta’ Novembru 2012 fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena 2010–2014, adottat mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom (ĠU L 314, 14.11.2012, pp. 40–46).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1428 tal-4 ta’ Awwissu 2017 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Maputo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom (ĠU L 204, 5.8.2017, pp. 101–109).

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1428 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/257 tat-18 ta’ Frar 2021 b’appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Oslo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom (ĠU L 58, 19.2.2021, pp. 41–50).

DOKUMENTI RELATATI

Viżjoni kondiviża, azzjoni komuni: Ewropa aktar b’saħħitha – Strateġija globali għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni Ewropea, it-28 ta’ Ġunju 2016.

l-aħħar aġġornament 16.05.2022

Top