EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fondi tas-suq monetarju

Fondi tas-suq monetarju

 

SOMMARJU TA’

Ir-Regolament (UE) 2017/1131 dwar il-fondi tas-suq monetarju

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) sabiex jagħmlu l-fondi tas-suq monetarju (MMFs)* aktar reżiljenti u f’pożizzjoni aħjar sabiex jirreżistu x-xokkijiet tas-suq. Huwa jagħmel dan billi jiżgura regoli uniformi dwar ir-rekwiżiti prudenzjali, il-governanza u t-trasparenza għall-maniġers tal-MMFs.

PUNTI EWLENIN

Il-leġiżlazzjoni tapplika għall-MMFs kollha ġestiti u/jew ikkummerċjalizzati fl-UE. Hemm tliet tipi ta’ MMFs:

  • valur tal-assi nett varjabbli(VNAV), li jiddependi primarjament fuq il-varjazzjonijiet fis-suq;
  • dejn pubbliku valur nett fiss tal-assi (CNAV), li jipprova jżomm prezz fiss għal kull sehem;
  • valur nett ta’ volatilitá baxxa tal-assi (LVNAV) — kategorija ġdida ta’ MMF li tista’ toffri prezz fiss taħt kundizzjonijiet stretti u rekwiżiti ta’ likwidità ogħla.

Huwa jesiġi li l-MMFs ikollhom biżżejjed assi likwidi sabiex ilaħħqu ma’ kwalunkwe rtirar f’daqqa ta’ investiment.

  • L-LVNAVs u s-CNAVs għandu jkollhom mill-inqas 10% tal-assi li jimmaturaw (jiġifieri li għandhom jitħallsu lura mill-emittent) fi żmien jum wieħed u 30% li jimmaturaw fi żmien ġimgħa waħda.
  • Il-VNAVs jeħtieġ li jkollhom mill-inqas 7.5% tal-assi li jimmaturaw fi żmien jum wieħed u 15% li jimmaturaw fi żmien ġimgħa waħda.

Huwa jintroduċi regoli dwar id-diversifikazzjoni tal-portafoll u l-valutazzjoni tal-assi. MMF jista’ jinvesti mhux aktar minn:

  • 5% tal-assi tiegħu fi strumenti tas-suq monetarju maħruġa mill-istess korp;
  • 10% tal-assi tiegħu f’depożiti magħmula mal-istess istituzzjonijiet ta’ kreditu;
  • 17.5% f’MMFs oħrajn sabiex jiġu evitati investimenti ċirkolari.

Ir-regolament jistabbilixxi:

  • limitu ta’ 15% fuq il-ftehimiet ta’ riakkwist invers* mal-istess kontraparti;
  • limiti speċifiċi għal bonds koperti.

Huwa jimpedixxi lill-MMFs milli jirċievu kwalunkwe għajnuna finanzjarja mingħand istituzzjonijiet oħrajn, notevolment banek.

Huwa jesiġi wkoll li l-maniġers tal-fondi MMF:

  • japplikaw proċeduri prudenti ta’ valutazzjoni tal-kwalità għall-investimenti potenzjali;
  • ikunu konxji tal-attivitajiet tal-investituri tagħhom;
  • jipprovdu l-informazzjoni xierqa dwar is-sorveljanza lill-awtoritajiet rilevanti.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrevedi l-leġiżlazzjoni sal-21 ta’ Lulju 2022.

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

  • Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2018/708 li jistabbilixxi standards tekniċi fir-rigward tal-mudell li għandu jintuża minn maniġers ta’ MMFs meta jipprovdu rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti kif stipulat fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2017/1131.
  • Regolament Delegat (UE) 2018/990 li jemenda u jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1131 fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet u l-karti kummerċjali garantiti b’assi sempliċi, trasparenti u standardizzati, ir-rekwiżiti għall-assi riċevuti bħala parti minn ftehimiet ta’ retroriakkwist u l-metodoloġiji ta’ valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu.
  • Regolament Delegat (UE) 2021/1383 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2018/990 fir-rigward tar-rekwiżiti għal assi riċevuti minn MMFs bħala parti minn ftehimiet ta’ retroriakkwisti.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-21 ta’ Lulju 2018, apparti xi regoli li ilhom japplikaw mill-20 ta’ Lulju 2017 (l-Artikoli 11(4), 15(7), 22 u 37(4)). Huwa japplika għal fondi li jeħtieġ li jbiddlu r-regoli tagħhom mill-21 ta’ Jannar 2019 (l-Artikolu 44).

SFOND

  • Il-fondi tal-MMFs jintużaw primarjament bħala alternattiva għad-depożiti bankarji sabiex jiġu investiti flus kontanti żejda għal perjodi qosra ta’ żmien. Huma jagħtu ċ-ċans lill-investituri jiddiversifikaw l-azjendi finanzjarji tagħhom, filwaqt li jippermettulhom jirkuprawhom fi żmien qasir. Fl-UE, il-fondi jiġġestixxu assi ta’ madwar €1 triljun, li jintużaw sabiex jiffinanzjaw l-ekonomija reali.
  • Madankollu, it-taqlib fis-suq, kif deher fil-kriżi finanzjarja tal-2007/2008,u aktar reċentement f’Marzu 2020, jista’ jwassal sabiex il-fondi jinħatfu kollha. Jekk gruppi kbar ta’ investituri jibdew jirtiraw il-flus kontanti tagħhom, jista’ jkun hemm oħrajn madwar l-UE li jsegwu l-passi tagħhom, tant li jikkawżaw dannu lis-sistema finanzjarja.
  • Il-leġiżlazzjoni tal-UE ssegwi passi simili mill-grupp tal-G20 ta’ pajjiżi industrijalizzati u mill-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja sabiex jissaħħu s-sorveljanza u r-regolamentazzjoni tas-sistema bankarja parallela.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Fond tas-suq monetarju. Fond reċiproku li joħroġ ishma lil investituri biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom.
Ftehim ta’ riakkwist invers. Fejn ix-xerrej ta’ titoli jaqbel li jbigħhom lura bi prezz miftiehem f’data speċifika.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-fondi tas-suq monetarju (ĠU L 169, 30.6.2017, pp. 8–45).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/1131 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/708 tas-17 ta’ April 2018 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-mudell li għandu jintuża minn maniġers ta’ fondi tas-suq monetarju meta jipprovdu rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti kif stipulat fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 119, 15.5.2018, pp. 5–28).

l-aħħar aġġornament 16.11.2021

Top