EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-indirizzar tal-epidemija tal-obeżità fit-tfulija

L-indirizzar tal-epidemija tal-obeżità fit-tfulija

 

SOMMARJU TA’:

Konklużjonijiet dwar it-twaqqif taż-żieda fil-piż żejjed u l-obeżità fit-tfulija

X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET?

Dawn jistiednu lill-pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex jieħdu serje ta’ azzjonijiet ikkoordinati sabiex jindirizzaw iż-żieda fl-għadd ta’ tfal li għandhom piż żejjed u/jew huma obeżi — waħda mill-isfidi ewlenin dwar is-saħħa tal-lum li spiss twassal għal konsegwenzi tas-saħħa u ekonomiċi serji, kemm fil-perjodu qasir kif ukoll fil-perjodu twil.

PUNTI EWLENIN

Il-konklużjonijiet jistiednu lill-pajjiżi tal-UE biex jindirizzaw il-piż żejjed u l-obeżità fit-tfulija, pereżempju billi:

  • jaħdmu mal-produtturi tal-ikel, mal-bejjiegħa bl-imnut u mas-settur tal-catering sabiex iħeġġu titjib fil-prodotti tal-ikel u b’mod partikolari sabiex jippromwovu l-għażla sana bħala l-għażla faċli;
  • jiżviluppaw kodiċi ta’ kondotta sabiex jiżguraw li r-reklamar (u forom oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni) immirat lejn it-tfal ma jippromwovix ikel b’ħafna enerġija, melħ, zokkor, aċidi saturati jew aċidi xaħmin trans li ma jikkonformawx mal-linji gwida nutrizzjonali nazzjonali jew internazzjonali;
  • janalizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi tal-piż żejjed u l-obeżità fl-adulti u fit-tfulija (pereżempju spejjeż tas-saħħa u soċjali u l-piż fuq il-baġit pubbliku u fuq il-baġits tal-familja fi gruppi ta’ popolazzjonijiet differenti).

Huma jistiednu lill-pajjiżi tal-UE flimkien mal-Kummissjoni biex:

  • jaħdmu flimkien, mal-partijiet rilevanti, fuq aspetti bħal tnaqqis fil-kummerċjalizzazzjoni lit-tfal u lill-adolexxenti ta’ ikel li ma jikkonformax mal-linji gwida nutrizzjonali internazzjonali jew nazzjonali, jiġġieldu l-istili ta’ ħajja sedentarji u jużaw għodod ibbażati fuq l-evidenza (minħabba l-konnessjoni b’saħħitha bejn il-kummerċjalizzazzjoni u l-piż żejjed);
  • iwieġbu b’mod urġenti għall-isfida tal-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar permezz ta’ pjattaformi onlajn u l-midja soċjali — li diffiċli jiġu mmonitorjati peress li l-messaġġi spiss huma mmirati lejn tfal individwali;
  • jiżviluppaw u jevalwaw programmi u linji gwida bbażati fuq l-evidenza dwar il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni ta’ interventi, dijanjożi u kura għal tfal u adoloxxenti li għandhom piż żejjed u huma obeżi li jinsabu f’riskju;
  • ikomplu jappoġġjaw il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-obeżità fit-tfulija 2014-2020, speċjalment permezz ta’ attivitajiet li jinvolvu l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u l-effetti bħal titjib fil-prodotti tal-ikel u kummerċjalizzazzjoni mmirata lejn it-tfal.

Huma jistiednu lill-Kummissjoni biex:

  • tappoġġja l-ħidma konġunta tal-pajjiżi tal-UE, speċjalment fl-oqsma ta’ titjib fil-prodotti tal-ikel, analiżi ekonomika tal-konsegwenzi tal-obeżità, kummerċjalizzazzjoni u akkwist pubbliku tal-ikel;
  • tappoġġja l-abbozzar tal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-reklamar tal-ikel, b’mod partikolari b’rabta mat-tfal u mal-adoloxxenti, filwaqt li tinvolvi lid-diversi partijiet interessati kif xieraq;
  • tiżgura approċċ dwar is-saħħa fil-politiki kollha effettiv sabiex tippromwovi kunsiderazzjonijiet dwar is-saħħa, il-prevenzjoni u n-nutrizzjoni fis-setturi u l-inizjattivi.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Konklużjonijiet tal-Kunsill li jikkontribwixxu fit-twaqqif taż-żieda fil-piż żejjed u l-obeżità fit-tfulija (ĠU C 205, 29.6.2017, pp. 46-52)

l-aħħar aġġornament 06.11.2017

Top