Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Trattat ta’ Brussell (It-Trattat li Jgħaqqad)

It-Trattat ta’ Brussell (It-Trattat li Jgħaqqad)

 

SOMMARJU TA’:

Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej

X’KIEN L-GĦAN TAT-TRATTAT?

It-Trattat ta’ Brussell li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej (magħruf bħala “t-Trattat li Jgħaqqad”) ġie ffirmat bl-intenzjoni espliċita li jgħaqqad it-3 Komunitajiet Ewropej eżistenti f’dak iż-żmien (KE) — il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (KEEA jew aktar komunement magħrufa bħala “Euratom”).

Filwaqt li żammet it-3 komunitajiet legalment indipendenti, it-Trattat li Jgħaqqad irrazzjonalizza l-istituzzjonijiet tagħhom billi għaqqad il-korpi eżekuttivi tagħhom li kienu għadhom indipendenti - b’hekk ġab l-għadd ta’ istituzzjonijiet Ewropej komuni għal 5 - u emenda t-3 trattati komunitarji bix-xieraq.

PUNTI EWLENIN

Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda

  • Il-korpi eżekuttivi ngħaqdu kif ġej:
    • Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej — il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-lum — issostitwixxa bħala korp wieħed il-Kunsill Speċjali tal-Ministri tal-KEFA, il-Kunsill tal-KEE u l-Kunsill tal-Euratom;
    • Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej — il-Kummissjoni Ewropea tal-lum — issostitwiet bħala entità waħda l-Awtorità Għolja tal-KEFA, il-Kummissjoni tal-KEE u l-Kummissjoni tal-Euratom.
  • Madankollu, il-korpi eżekuttivi uniċi ġodda jkomplu jaġixxu skont it-trattati li jirregolaw kull waħda mit-3 komunitajiet, kif ukoll skont l-artikoli l-ġodda ta’ dan it-trattat.
  • Ir-regoli li jirregolaw il-kompożizzjoni u l-funzjonament tagħhom ġew immuntati f’għamla ta’ test wieħed u l-artikoli korrispondenti tat-trattati tal-KE ġew revokati.
  • Fejn kien hemm differenzi bejn it-3 trattati rigward il-Kunsill:
    • it-tul tal-presidenza kien allinjat ma’ dak l-itwal previst mit-Trattati tal-KEE u l-Euratom;
    • ir-regoli dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet kienu armonizzati biss sa fejn meħtieġ għal atti adottati fuq il-bażi tat-3 trattati (jiġifieri dwar l-istituzzjonijiet, il-baġit u l-amministrazzjoni komuni);
    • il-kunċetti ta’ maġġoranza sempliċi, maġġoranza kwalifikata u unanimità ġew armonizzati skont il-mudelli tat-Trattati KEE u Euratom;
    • Coreper ġie formalizzat bħala korp preparatorju tal-Kunsill u ġie estiż għat-Trattat tal-KEFA.
  • Fejn kien hemm differenzi bejn it-3 trattati dwar il-Kummissjoni:
    • in-numru ta’ membri ġie stabbilit għal 9;
    • ir-regoli dwar in-nomina tal-membri u l-istatus tagħhom, u dwar il-funzjonament tal-Kummissjoni b’mod ġenerali, ġew allinjati ma’ dawk tat-Trattat KEE;
    • id-data li fiha l-Kummissjoni hija mitluba tippubblika r-rapport ġenerali tagħha dwar l-attivitajiet tal-Komunitajiet Ewropej ġiet armonizzata, kif ukoll id-data li fiha l-Assemblea Parlamentari għandha tiltaqa’ sabiex teżamina dan ir-rapport;
    • ir-regoli dwar kif il-Kummissjoni hija politikament responsabbli lejn l-Assemblea Parlamentari ġew allinjati ma’ dawk tat-Trattati KEE u Euratom, bil-possibbiltà li t-tmexxija tal-Kummissjoni tiġi ċċensurata f’kull ħin (u mhux biss fl-eżami tar-rapport ġenerali annwali).

Baġit amministrattiv wieħed għall-KE

  • Il-baġit ikopri n-nefqa tal-istituzzjonijiet kollha tal-KE, inklużi dawk tal-Assemblea Parlamentari u tal-Qorti tal-Ġustizzja.
  • In-nefqa għall-interventi skont it-Trattat tal-KEFA u l-infiq għar-Riċerka u l-Iżvilupp skont it-Trattat Euratom kienu, madankollu, miżmuma taħt baġits separati.

Amministrazzjoni waħda għall-KE

  • L-uffiċjali u l-aġenti l-oħra kollha tal-istituzzjonijiet tal-KE jappartjenu għal amministrazzjoni waħda.
  • Ir-regoli li jirregolawhom u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom huma uniformi u joħorġu minn status wieħed.
  • Ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-KE fil-każ ta’ ħsara kkawżata minn tort personali ta’ uffiċjal jew aġent għall-azzjoni tagħhom huma unifikati.
  • Il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-KE kif ukoll lill-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tagħhom huma wkoll unifikati fi protokoll wieħed għat-trattat.

Is-sedi tal-istituzzjonijiet tal-KE

  • Biex iwieġbu għal oġġezzjonijiet legali mressqa mil-Lussemburgu, il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-KE ngħataw is-setgħa li jiddeċiedu bi ftehim reċiproku dwar is-soluzzjoni li għandha tinstab fir-rigward tal-istabbilment tas-sedi tal-korpi eżekuttivi tal-KE fi Brussell. Id-deċiżjoni ttieħdet fl-istess jum bħall-iffirmar tat-Trattat u kienet tikkonsisti fit-tfassil ta’ Brussell bħala s-sede provviżorju.

MINN META JAPPLIKA T-TRATTAT?

Iffirmat fit-8 ta’ April 1965, ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 1967.

SFOND

Qabel it-Trattat li Jgħaqqad, it-3 Komunitajiet Ewropej diġà kellhom xi istituzzjonijiet komuni bis-saħħa tal-Konvenzjoni tal-1957 dwar ċerti istituzzjonijiet komuni għall-Komunitajiet Ewropej: l-Assemblea Parlamentari (aktar tard issir il-Parlament Ewropew), il- Qorti tal-Ġustizzja u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

It-Trattat li Jgħaqqad kien pass importanti lejn l-UE moderna. It-trattat ġie revokat — bl-eċċezzjoni tal-Protokoll tat-8 ta’ April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej — bit-Trattat ta’ Amsterdam iffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 152, 13.7.1967, pp. 2-17 (DE, FR, IT, NL))

Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 266-272)

DOKUMENTI RELATATI

Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar

Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea

Emendi suċċessivi għat-trattat ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss bħala referenza.

Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

Il-Konvenzjoni dwar ċerti istituzzjonijiet komuni għall-Komunitajiet Ewropej

Trattat ta’ Amsterdam li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati (ĠU C 340, 10.11.1997, pp. 1-144)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 21.03.2018

Top