Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kooperazzjoni intensifikata fis-sorveljanza marittima Ewropea

Kooperazzjoni intensifikata fis-sorveljanza marittima Ewropea

It-tlaqqigħ flimkien ta’ dejta dwar is-sorveljanza marittima mill-awtoritajiet ċivili u militari jista’ jgħin sabiex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tax-xogħol u jitnaqqsu l-ispejjeż. Iż-żieda tal-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tad-dejta jistgħu jġibu magħhom ukoll reazzjonijiet aktar effikaċi għal avvenimenti f’ħin reali fuq il-baħar, bħal aċċidenti, inċidenti ta’ tniġġis, serq jew theddidiet għas-sigurtà.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Għarfien aħjar tas-sitwazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni mtejba fost l-awtoritajiet tas-sorveljanza marittima: il-passi li jmiss fi ħdan l-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għall-qasam marittimu tal-UE (COM(2014) 451 finali tat-8 ta’ Lulju 2014)

SOMMARJU

It-tlaqqigħ flimkien ta’ dejta dwar is-sorveljanza marittima mill-awtoritajiet ċivili u militari jista’ jgħin sabiex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tax-xogħol u jitnaqqsu l-ispejjeż. Iż-żieda tal-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tad-dejta jistgħu jġibu magħhom ukoll reazzjonijiet aktar effikaċi għal avvenimenti f’ħin reali fuq il-baħar, bħal aċċidenti, inċidenti ta’ tniġġis, serq jew theddidiet għas-sigurtà.

X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?

Hija tistabbilixxi l-progress li sar fl-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) minn mindu ġie stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea fl-2010. Hija tipproponi gwida u prijoritajiet oħrajn fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Is-CISE huwa wieħed mill-objettivi strateġiċi ewlenin tal-Politika Marittima Integrata tal-UE u element importanti tal-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima.

X’inhu s-CISE Marittimu?

Dan huwa proċess kollaborattiv volontarju li jibni fuq il-pjattaformi u s-sistemi eżistenti ta’ kondiviżjoni u skambju ta’ informazzjoni. L-interoperabbiltà mtejba bejn dawn għandha tottimizza l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet ta’ sorveljanza, li sussegwentement tirriżulta f’għarfien marittimu aħjar. Barra minn hekk, l-għan ewlieni tas-CISE Marittimu huwa li jagħti spinta lis-sikurezza, lis-sigurtà u lill-protezzjoni ambjentali fl-oqsma marittimi tal-UE.

X’inhuma l-benefiċċji tiegħu?

  • għarfien akbar tas-sitwazzjoni marittima li jippermetti operazzjonijiet ta’ sorveljanza risponsivi u kkoordinati aħjar;
  • tnaqqis sostanzjali fl-isforzi tal-ġbir tad-dejta;
  • tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi u operattivi tal-attivitajiet ta’ sorveljanza marittima.

Kisbiet fil-livell tal-UE:

Ġew stabbiliti għadd ta’ sistemi li jservu oqsma ta’ politika differenti u li jaqsmu setturi differenti. Dawn jinkludu:

  • SafeSeaNet, li tipprovdi servizzi marittimi integrati għall-monitoraġġ tat-traffiku (għarfien tas-sitwazzjoni) u għall-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE;
  • Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f’każ ta’ Emerġenza, li tiffaċilita l-komunikazzjoni matul diżastri u inċidenti marittimi;
  • Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti, sistema ta’ monitoraġġ fuq bażi satellitarja li tipprovdi dejta lill-awtoritajiet tas-sajd dwar il-pożizzjoni ġeografika, id-direzzjoni u l-veloċità tal-bastimenti;
  • Netwerk ta’ Sorveljanza Marittima, li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni marittima operattiva u servizzi bħal pożizzjonijiet tal-vapuri, direzzjonijiet, dejta ta’ identifikazzjoni, chat jew ritratti;
  • Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur), sistema b’aktar minn skop wieħed li tipprevjeni l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali fil-fruntieri esterni tal-UE;
  • L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Fruntieri Esterni - Frontex, li tippromwovi, tikkoordina u tiżviluppa l-ġestjoni tal-fruntieri Ewropej;
  • “Single Windows” Nazzjonali, li jipprovdu pjattaformi nazzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ rappurtar u kondiviżjoni ta’ informazzjoni relatata mal-vapuri u li huma marbuta mas-sistema ta’ skambju u informazzjoni marittima tal-UE.

X’inhuma l-oqsma ta’ prijorità għall-kooperazzjoni trans-settorjali u transkonfinali ulterjuri?

  • kondiviżjoni aġġornata tal-pożizzjonijiet tal-bastimenti u tal-inġenji tal-ajru ta’ viġilanza sabiex jiġi assigurat l-aktar rispons veloċi possibbli fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ tal-massa u/jew avvenimenti oħrajn fuq il-baħar;
  • għodod kollaborattivi għall-ġestjoni ta’ kriżijiet transkonfinali;
  • l-ikkombinar tad-dejta u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar bastimenti suspettużi li jinnavigaw fl-ibħra tal-UE;
  • reġistri nazzjonali ta’ dgħajjes għal skopijiet ta’ rikreazzjoni sabiex ikun jista’ jsir l-ipproċessar kompjuterizzat tat-talbiet ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll bosta azzjonijiet oħrajn. Pereżempju, hija għandha l-ħsieb li:

  • tiżviluppa manwal mhux vinkolanti dwar is-CISE Marittimu sal-aħħar tal-2016 b’rakkomandazzjonijiet tal-aqwa prassi u tagħrif dwar kif għandu jiġi applikat is-CISE;
  • tappoġġja miżuri li jiżviluppaw, iżommu u jiċċirkolaw standards li jippermettu li s-sistemi ta’ sorveljanza marittima jkunu interoperabbli;
  • tkompli tanalizza l-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti fil-livell tal-UE sabiex tneħħi kwalunkwe ostakoli legali li fadal għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni trans-settorjali, filwaqt li tassigura l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti ta’ protezzjoni tad-dejta.

Sal-2018, il-Kummissjoni ser tniedi wkoll proċess ta’ rieżami sabiex tivvaluta l-implimentazzjoni tas-CISE Marittimu u jekk hemmx bżonn li tittieħed azzjoni ulterjuri.

Għal aktar tagħrif, ara Is-sorveljanza marittima integrata fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar Abbozz ta’ Pjan Direzzjonali lejn l-istabbiliment tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għas-sorveljanza tal-qasam marittimu tal-UE (COM(2010) 584 finali tal-20 ta’ Ottubru 2010)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top