Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Azzjonijiet biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja

Azzjonijiet biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2014/61/UE dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li tiffaċilita u tippromwovi l-introduzzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika (ECN) b’veloċità għolja (jiġifieri internet broadband veloċi b’veloċitajiet ta’ aktar minn 30 Mbps) fl-UE. L-ostakolu ewlieni huwa wieħed finanzjarju peress li l-ispejjeż tal-installazzjoni tal-infrastruttura fiżika jammontaw sa 80 % tal-ispejjeż totali (eż. tħaffir ta’ toroq biex jitqiegħed il-fibre broadband).
  • B’mod ġenerali, huma offruti 4 approċċi:
    • il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid ta’ infrastruttura fiżika eżistenti;
    • il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili u l-installazzjoni ta’ infrastruttura fiżika ġdida b’mod aktar effiċjenti;
    • it-tagħmir ta’ bini b’infrastruttura fiżika mibni ġdid u li jkun sarlu xogħol kbir ta’ rinnovazzjoni; u
    • is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għal xogħlijiet ċivili.

PUNTI EWLENIN

Il-pilastri ewlenin tad-Direttiva huma kif ġej:

  • 1.

    L-aċċess għal infrastruttura fiżika eżistenti

    • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-operaturi tan-networks* (it-telekomunikazzjoni, kif ukoll l-enerġija, it-trasport u l-ilma) jagħtu lill-operaturi tat-telekomunikazzjoni aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom.
    • L-operaturi tan-networks huma meħtieġa li jagħtu aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom, abbażi ta’ termini u kundizzjonijiet raġonevoli, inkluż il-prezz.
  • 2.

    Il-koordinazzjoni ta’ xogħlijiet ċivili

    • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-operaturi tan-networks jinnegozjaw ftehimiet mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni sabiex jikkoordinaw ix-xogħlijiet ċivili.
    • Jekk dan ix-xogħol ikun iffinanzjat mill-fondi pubbliċi, l-operaturi tan-networks għandhom jissodisfaw kull talba raġonevoli u f’waqtha għall-koordinazzjoni sakemm din ma tinvolvi l-ebda spiża addizzjonali u ma timpedixxix il-kontroll tal-koordinazzjoni. Dan jimplika li kwalunkwe spiża inkrementali assoċjata mal-koinstallazzjoni għandha tiġi rkuprata, inkella t-talba tista’ tiġi miċħuda.
    • Għan-negozjar ta’ ftehim dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, il-pajjiżi tal-UE għandhom jesiġu li kull operatur tan-network jagħmel disponibbli, fuq talba ta’ fornitur ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, ċerta informazzjoni minima dwar xogħlijiet ċivili li jkunu għaddejjin jew ippjanati: (a) il-post u t-tip ta’ xogħlijiet; (b) l-elementi tan-network involuti; (c) id-data stmata għall-bidu tax-xogħlijiet u t-tul ta’ żmien tagħhom; u (d) punt ta’ kuntatt.
  • 3.

    It-trasparenza

    Sabiex itejbu l-proċess tal-installazzjoni, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-impriżi li jinstallaw l-ECN ikollhom aċċess għal ammont minimu ta’ informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti, bħal:

    • il-post u r-rotta,
    • it-tip/l-użu tal-infrastruttura,
    • punt ta’ kuntatt.

L-għoti ta’ tali informazzjoni se jiżgura li l-ispejjeż ta’ dawn il-proġetti jinżammu baxxi kemm jista’ jkun (pereżempju billi tiġi aċċessata infrastruttura fiżika li diġà teżisti u billi jiġu kkoordinati x-xogħlijiet tal-inġinerija). L-aċċess għal din l-informazzjoni minima jista’ jkun limitat għar-raġunijiet li ġejjin:

  • is-sigurtà tan-networks u l-integrità tagħhom;
  • is-sigurtà nazzjonali;
  • is-saħħa jew is-sikurezza pubblika; u
  • il-kunfidenzjalità jew is-sigrieti tal-operat u dawk kummerċjali.

L-għoti ta’ permessi

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għal xogħlijiet ċivili meħtieġa għall-installazzjoni tal-ECN għandha tkun disponibbli permezz ta’ punt ta’ informazzjoni uniku.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jippermettu li l-applikazzjonijiet għall-permessi jitressqu b’mod elettroniku.
  • Id-deċiżjonijiet dwar il-permessi għandhom isiru fi żmien 4 xhur u kull ċaħda li jingħata permess għandha tiġi ġġustifikata bis-sħiħ.

Bini lest biex jiġu installati networks ta’ veloċità kbira

  • Bini ġdid u xogħol kbir ta’ rinnovazzjoni għandhom ikunu mgħammra bl-infrastruttura fiżika (bħal kanali żgħar) li kapaċi jospitaw ECN b’veloċità għolja. Il-kostruzzjonijiet għandu jkollhom punt ta’ aċċess u jkunu aċċessibbli faċilment mill-fornituri tan-networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni. Dan għandu jsir b’mod teknoloġikament newtrali (jiġifieri l-infrastruttura la għandha tkun teħtieġ u lanqas għandha tassumi teknoloġija partikolari). Huma possibbli eżenzjonijiet (pereżempju, għal monumenti jew villeġġjaturi).
  • Il-fornituri għandhom id-dritt li jilħqu l-punt ta’ aċċess taħt termini u kundizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji.

Proċeduri barra l-qorti

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jimplimentaw proċeduri barra l-qorti għar-riżoluzzjoni f’waqtha tat-tilwim li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-Direttiva.

Penali

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miżuri nazzjonali adottati skont din id-Direttiva. Il-penali pprovduti għandhom ikunu xierqa, effettivi, proporzjonati, u dissważivi.

Rakkomandazzjoni dwar sett ta’ għodod biex jgħin fl-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19

F’Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat rakkomandazzjoni li tipprovdi gwida lill-pajjiżi tal-UE dwar kif jiżviluppaw u jaqblu, sat-30 ta’ Marzu 2021, dwar sett ta’ għodod tal-aħjar prattiki komuni biex jiffaċilitaw l-installazzjoni ta’ networks fissi u bla fili ta’ kapaċità kbira ħafna billi jneħħu l-ostakli amministrattivi mhux meħtieġa, u permezz tal-assenjament koordinat tal-ispettru tar-radju għan-networks tal-ħames ġenerazzjoni (5G) taħt kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment, b’mod partikolari għall-każijiet industrijali transfruntiera. Konsegwentement, il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkomunikaw pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni (30 ta’ April 2021) lill-Kummissjoni u għandhom jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod (30 ta’ April 2022).

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1 ta’ Jannar 2016 u r-regoli kellhom jiġu applikati sa mill-1 ta’ Lulju 2016.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tirrevedi din id-Direttiva, kif tħabbar fil-Komunikazzjoni dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Operaturi tan-networks: fornituri ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni iżda wkoll ta’ utilitajiet, kemm jekk għall-enerġija, it-tisħin pubbliku, l-ilma, l-ilma mormi jew it-trasport.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155, 23.5.2014, pp. 1-14)

DOKUMENTI RELATATI

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1307 tat-18 ta’ Settembru 2020 dwar sett ta’ għodod komuni tal-Unjoni biex titnaqqas l-ispiża tal-implimentazzjoni ta’ networks b’kapaċità għolja ħafna u biex jiġi żgurat aċċess f’waqtu għall-ispettru tar-radju tal-5G li jiffavorixxi l-investiment, sabiex titwitta t-triq għall-konnettività b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 305, 21.9.2020, pp. 33-41)

l-aħħar aġġornament 25.11.2020

Top