EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sħubija pubblika-privata biex tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Sħubiji pubbliċi-privati taħt Orizzont Ewropa' for an updated information about the subject.

Sħubija pubblika-privata biex tingħata spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju

L-Impriża Konġunta Shift2Rail (S2R JU) hija sħubija pubblika-privata li nħolqot biex tiġi koordinata u ġestita r-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju fl-Unjoni Ewropea (UE). Ibbażata fi Brussell, tfittex li timplimenta l-programm għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE Orizzont 2020 biex tinbena tmexxija tal-UE fit-teknoloġiji ferrovjarji.

ATT

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail.

SOMMARJU

L-Impriża Konġunta Shift2Rail (S2R JU) hija sħubija pubblika-privata li nħolqot biex tiġi koordinata u ġestita r-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur ferrovjarju fl-Unjoni Ewropea (UE). Ibbażata fi Brussell, tfittex li timplimenta l-programm għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE Orizzont 2020 biex tinbena tmexxija tal-UE fit-teknoloġiji ferrovjarji.

X'JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024. Jiddeskrivi l-objettivi u l-kompiti tal-Impriża Konġunta (JU), l-istruttura u l-organizzazzjoni tagħha, kif ukoll il-finanzjament tagħha.

PUNTI EWLENIN

Huwa l-komponent teknoloġiku taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea. Ifittex li tinkiseb sistema tat-trasport tal-UE li hija aktar kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħad-domanda tat-traffiku li qed togħla, il-konġestjoni, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-bidla fil-klima.

Objettivi

S2R titratta l-attivitajiet kollha ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ferroviji kofinanzjati mill-UE skont l-objettivi ġenerali li ġejjin li jikkontribwixxu għal:

l-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020, b'mod partikolari parti mill-Isfida ta’ Trasport Intelliġenti, Ekoloġiku u Integrat,

l-ilħuq taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea,

tranżizzjoni aktar malajr u b’inqas spejjeż għal sistema ferrovjarja aktar attraenti, faċli għall-utent (inkluż għal persuni b’mobbilità mnaqqsa), kompetittiva, effiċjenti u sostenibbli,

l-iżvilupp ta’ industrija tal-ferroviji b’saħħitha u globalment kompetittiva.

Għandha rwol ewlieni fir-riċerka u fl-innovazzjoni relatata mal-ferroviji. Tmexxi wkoll l-azzjonijiet kollha ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-UE relatati mal-ferroviji.

Pjan Ewlieni

S2R tfassal u timplimenta Pjan Ewlieni strateġiku li jindirizza 5 temi:

ferroviji kost-effiċjenti u affidabbli, inkluż ferroviji ta’ spid għoli u ta’ kapaċità għolja;

sistemi avvanzati tal-ġestjoni u tal-kontroll tat-traffiku;

infrastruttura kost-effiċjenti u affidabbli ta’ kapaċità għolja;

soluzzjonijiet tal-IT għal servizzi ferrovjarji attraenti; u

teknoloġiji għal trasport sostenibbli u attraenti ta’ merkanzija Ewropea.

Dan il-Pjan ġie tradott fi pjanijiet ta’ ħidma annwali orjentati lejn ir-riżultati bi pjanijiet dettaljati ta’ investiment.

Azzjonijiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni

Il-JU tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni prinċipalment permezz ta’ għotjiet lill-membri tagħha u lil parteċipanti oħrajn permezz ta’ akkwisti pubbliċi jew l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja wara sejħiet għal proposti.

Ir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni tal-programm Orizzont 2020 japplikaw għall-S2R JU.

Organizzazzjoni u operat

Is-sħubija tinkludi l-Kummissjoni Ewropea u lil Alstom, Ansaldo STS, Bombardier, Construcciones y Auxiliar de Ferrocarriles (CAF), Network rail, Siemens, Thales u lil Trafikverket. Il-JU hija forma ta’ entità legali li nħolqot għall-finijiet taħt l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-JU tinkludi:

Bord Governattiv, inkarigat mit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi u

Direttur Eżekuttiv, responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-membri industrijali tal-JU għandhom drittijiet ugwali ta’ votazzjoni fil-Bord tat-Tmexxija. Hemm ukoll 2 korpi konsultattivi: Kumitat Xjentifiku u Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati.

S2R JU tinkoraġġixxi l-involviment ta’ dawk li jagħmlu t-tagħmir tal-ferroviji, ta’ maniġers tal-infrastruttura, ta’ kumpaniji ferrovjarji, ta’ operaturi tal-metro, tat-tramm u tal-ferroviji ħfief, ta’ korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità, ta’ assoċjazzjonijiet tal-persunal professjonali, ta’ assoċjazzjonijiet tal-utenti, kif ukoll ta’ istituzzjonijiet xjentifiċi rilevanti u ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) tipprovdi wkoll konsulenza lill-JU u tipprovdi għarfien espert dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà u ta’ sigurtà.

Baġit

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-S2R JU tammonta għal massimu ta’ €450 miljun minn Orizzont 2020. Biex taċċessa dan il-finanzjament, l-industrija ferrovjarja għandha tintrabat li tikkontribwixxi tal-inqas €470 miljun, b’tali modi li għall-perjodu bejn l-2014-2020 il-baġit kollu tal-S2R JU huwa stmat li jammonta għal mill-inqas €920 miljun.

Fondi addizzjonali jistgħu jiġu allokati minn strumenti oħrajn tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, sabiex jiġu appoġġjati azzjonijiet għall-varar ta’ prodotti li jkunu ġew żviluppati mill-S2R JU u li juru riżultati promettenti.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ir-Regolament japplika mis-7 ta’ Lulju 2014.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 642/2014

7.7.2014

-

ĠU L 177, 17.06.2014, p. 9-33.

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 104-173).

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/214 tal-10 ta' Frar 2015 li tapprova l-Pjan Direttur Shift2Rail (ĠU L 36 tat-12.2.2015, p. 7).

L-aħħar aġġornament: 17.02.2015

Top