EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Niġġieldu l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE

Niġġieldu l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE

Il-komunikazzjoni tirrevedi l-istrateġija tal-Kummissjoni ppreżentata fl-2004 għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) f’pajjiżi barra mill-UE. Din tippreżenti modi kif din tista’ tittejjeb biex tqis l-ambjent li qiegħed jinbidel.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Kummerċ, tkabbir u proprejtà intelletwali - Strateġija għall-ħarsien u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali fil-pajjiżi terzi (COM(2014) 389 final tal-1 ta’ Lulju 2014).

SOMMARJU

X'TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Il-komunikazzjoni tirrevedi l-istrateġija tal-Kummissjoni ppreżentata fl-2004 għall-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) f’pajjiżi barra mill-UE. Din tippreżenti modi kif din tista’ tittejjeb biex tqis l-ambjent li qiegħed jinbidel.

PUNTI EWLENIN

Il-komunikazzjoni tissuġġerixxi l-miżuri li ġejjin:

l-iżvilupp ta’ interazzjoni ikbar mal-awtoritajiet pubbliċi, mas-soċjetà ċivili u oħrajn għas-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar l-impatt tal-ksur tal-proprjetà intellettwali (PI) barra l-UE;

it-titjib tal-ġbir u r-rappurtar tad-dejta dwar il-ksur u l-identifikazzjoni ta’ pajjiżi prijoritarji fejn hija meħtieġa azzjoni;

il-bini fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE billi, pereżempju, tiġi approvata l-proposta tal-Kummissjoni għal leġiżlazzjoni dwar is-sigrieti kummerċjali (kompetenzi u informazzjoni kummerċjali mhux żvelati);

l-inkoraġġiment ta’ kooperazzjoni ikbar bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE permezz tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

il-kontinwazzjoni tal-isforzi għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-IP fil-qasam internazzjonali;

l-inklużjoni tal-protezzjoni tal-IP fi ftehimiet kummerċjali bilaterali tal-UE, bħalma sar reċentement ma’ Singapor, il-Kanada, il-Ġeorġja, u l-Moldova;

l-istabbiliment ta’ djalogi dwar l-IP ma’ pajjiżi ewlenin, bħal dawk li qed jitwettqu diġà maċ-Ċina, ir-Russja u l-Brażil;

il-provvista ta’ assistenza teknika lil pajjiżi li qed jiżviluppaw li jixtiequ jtejbu s-sistemi tal-IP tagħhom, iżda ma għandhomx ir-riżorsi biex jagħmu dan;

l-użu ta’ arranġamenti bilaterali u multilaterali differenti għas-solvien tat-tilwim biex jindirizzaw problemi; u

l-għoti ta’ għajnuna lil kumpaniji li qed jesperjenzaw diffikultajiet relatati mal-IP barra mill-UE permezz tal-assistenza ta’ uffiċjali kwalifikati jew helpdesks tal-UE.

SFOND

Il-prodotti u s-servizzi ġodda jeħtieġu jkunu protetti jekk irridu li l-kreattività u l-innovazzjoni jifjorixxu. Id-DPIs jagħtu din il-protezzjoni. Dawn jistgħu jgħinu wkoll lil pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iżidu l-potenzjal tal-assi intellettwali tagħhom u biex jintegraw aktar fil-kummerċ internazzjonali.

Il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura tal-ksur tal-IP kontra l-kumpaniji Ewropej espandew b’mod konsiderevoli minn meta ntlaħaq qbil dwar l-istrateġija tal-2004. It-teknoloġija diġitali, b’mod partikolari, tagħmel possibbli r-riproduzzjoni bl-ingrossa ta’ kwalità għolja u bi prezzijiet baxxi. Fl-2008, il-prodotti foloz u kkuppjati kienu stmati għal valur ta’ 2 % tal-kummerċ internazzjonali totali.

l-aħħar aġġornament 10.09.2015

Top