Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Suq uniku tal-UE għal kapital sabiex jagħti spinta lill-impjiegi u t-tkabbir

Suq uniku tal-UE għal kapital sabiex jagħti spinta lill-impjiegi u t-tkabbir

In-negozji fl-Unjoni Ewropea (UE) għandhom tendenza li jiddependu ħafna fuq il-banek iżda inqas fuq is-swieq finanzjarji*, li wkoll jistgħu joffru sorsi ta’ finanzjament u, b’mod usa’, jagħtu spinta lit-tkabbir. Sabiex tgħinhom jaċċessaw dawn is-sorsi alternattivi ta’ finanzjament, il-Kummissjoni Ewropea nediet proġett sabiex tiżviluppa “Unjoni tas-Swieq Kapitali” Ewropea.

ATT

Green Paper Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2015) 63 final tat-18.2.2015)

SOMMARJU

In-negozji fl-Unjoni Ewropea (UE) għandhom tendenza li jiddependu ħafna fuq il-banek iżda inqas fuq is-swieq finanzjarji*, li wkoll jistgħu joffru sorsi ta’ finanzjament u, b’mod usa’, jagħtu spinta lit-tkabbir. Sabiex tgħinhom jaċċessaw dawn is-sorsi alternattivi ta’ finanzjament, il-Kummissjoni Ewropea nediet proġett sabiex tiżviluppa “Unjoni tas-Swieq Kapitali” Ewropea.

X’TAGĦMEL IL-GREEN PAPER?

Din tistabbilixxi l-objettivi ewlenin tal-iżvilupp sal-2019 ta’ “unjoni tas-swieq kapitali” għat-28 pajjiż tal-UE (1). Il-green paper tesplora metodi kif jitħeġġeġ l-użu ta’ swieq finanzjarji Ewropej u biex dawn jiġu integrati aħjar.

PUNTI EWLENIN

Objettivi

L-għan tal-unjoni tas-swieq kapitali huwa li:

  • iżżid is-sorsi alternattivi ta’ finanzjament għajr il-banek għan-negozji - b’mod partikolari impriżi żgħar u medji (SMEs) - u għal proġetti ta’ infrastruttura fi ħdan l-UE,
  • tagħti spinta lill-investimenti fil-pajjiżi tal-UE.

Miżuri fuq terminu qasir

Il-Green Paper tidentifika diversi oqsma fejn hemm ħtieġa li jsir progress malajr:

  • 1.

    Il-bini ta’ suq sostenibbli ta’ titolizzazzjoni ta’ kwalità għolja Ewropew. It-titolizzazzjoni hija operazzjoni finanzjarja fejn is-self jinġabar flimkien u jinbiegħ lill-investituri fis-swieq. Vantaġġ ewlieni ta’ din l-operazzjoni huwa li l-banek jistgħu jneħħu dan is-self - bħal self lil SMEs - u r-riskji tiegħu mill-karti tal-bilanċ tagħhom u mbagħad iżidu l-kapaċità tagħhom li jsellfu. L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas Ewropew li jiddependi fuq operazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzati.

  • 2.

    Il-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-swieq kapitali għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs. Waħda mill-inizjattivi hija li jiġu rieżaminati r-regoli attwali li jobbligaw lill-kumpaniji jipproduċu prospett* sabiex jaċċessaw is-swieq kapitali u jiġbru l-kapital. L-għan huwa li jiġi żgurat li dawn ir-rekwiżiti ma jkunux jinvolvu wisq spejjeż u ma jkunux ta’ piż mil-lat amministrattiv għall-kumpaniji jew kumplessi wisq għall-investituri.

  • 3.

    Miżuri oħrajn. Dawn jinkludu l-iżvilupp tal-pjazzament privat Ewropew*, l-appoġġ għall-ħolqien tal-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil* u passi biex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kreditu fuq l-SMEs.

Miżuri fuq terminu twil

Il-Green Paper tesplora kif jistgħu jingħelbu diversi ostakoli għall-iżvilupp u l-intergrazzjoni tas-swieq kapitali Ewropej. L-isfidi jinkludu:

  • l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni tal-provvista ta’ finanzjament billi jiġu attirati investituri istituzzjonali, fil-livell tal-konsumatur u dawk internazzjonali lejn is-swieq kapitali,
  • it-titjib fl-effikaċja tas-suq: l-ostakoli jinkludu diverġenzi fost il-pajjiżi tal-UE f’diversi oqsma bħat-taxxa, il-liġijiet tal-kumpaniji u l-insolvenza.

SFOND

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija komponent ewlieni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa li tnieda f’Novembru 2014.

Għal aktar informazzjoni, ara L-Unjoni tas-Swieq Kapitali fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN

* Swieq finanzjarji: swieq fejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa jipparteċipaw fil-kummerċ ta’ assi bħal bonds, muniti u derivattivi (prodotti li l-valuri tagħhom huma dderivat mill-valur ta’ assi sottostanti bħal komodità jew munita, eż. futuri u opzjonijiet).

* Prospett: dokument iddettaljat li jistabbilixxi informazzjoni dwar il-kumpanija, u t-termini u r-riskji ta’ investiment.

* Pjazzament privat: meta t-titoli jsiru disponibbli għall-bejgħ għal numru ristrett ta’ investituri magħżula, magħrufa wkoll bħala “offerta privata”. Dan huwa f’kuntrast ma’ offerta pubblika fejn it-titoli jkunu disponibbli għall-bejgħ fis-suq miftuħ.

* Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil: fondi li jistgħu jinvestu f’assi fuq terminu twil jew mhux elenkati, bħal infrastruttura jew SMEs mhux elenkati. Ir-regoli li jirregolawhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’April 2015.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjonil lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (COM(2014) 903 final tas-26.11.2014)

l-aħħar aġġornament 11.08.2015



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top