Fjuwils — it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Id-Direttiva (UE) 2016/802 — it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti fjuwils likwidi
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
-
Din tikkodifika u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE — il-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni Ewropea (UE) — li ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi.
-
Din għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit li huma riżultat tal-ħruq ta’ ċerti tipi ta’ fjuwils likwidi.
-
Għalhekk din jenħtieġ li tnaqqas l-effetti perikolużi ta’ dawn l-emissjonijiet fuq is-saħħa u l-ambjent, li jistgħu jaqbżu lil dawk li ġejjin mis-sorsi kollha bbażati fuq l-art fl-UE sal-2020.
PUNTI EWLENIN
Id-Direttiva tistabbilixxi l-kontenut tal-kubrit massimu permissibbli ta’:
-
żejt kombustibbli tqil,
-
żejt tal-gass,
-
żejt tal-gass tal-baħar; u
-
żejt tad-diżil tal-baħar.
Żejt kombustibbli tqil u żejt tal-gass
-
Il-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li jipprojbixxu l-użu, fit-territorji tagħhom, ta’:
-
żjut kombustibbli tqal jekk il-kontenut tal-kubrit tagħhom jaqbeż 1 % tal-massa;
-
żjut tal-gass jekk il-kontenut tal-kubrit tagħhom jaqbeż 0.1 % tal-massa.
Fjuwils tal-baħar
-
Id-Direttiva tinkorpora t-tibdiliet ewlenin fil-liġi internazzjonali dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja mill-bastimenti. Din tinkorpora fil-liġi tal-UE l-Anness VI revedut tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Arja mill-Bastimenti, 1973 (magħrufa bħala l-MARPOL) kif hi modifikata mill-Protokoll tal-1978 relatat magħha, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2010.
-
L-Anness VI tal-MARPOL jintroduċi limiti tal-kubrit aktar stretti għall-fjuwil tal-baħar f’żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit (SOx-ECAS) li, fl-UE, jinsabu fil-Baltiku u fl-Ibħra tat-Tramuntana u fil-Kanal Ingliż. Dawn il-limiti huma fissi għal 1 % mill-1 ta’ Lulju 2010 u għal 0.1 % mill-1 ta’ Jannar 2015. Kontenut ogħla tal-kubrit xorta għadu possibbli, iżda jekk ikun hemm sistemi ta’ tindif ta’ egżost sostenibbli installati abbord biss.
-
Mill-1 ta’ Jannar 2012, f’żoni tal-baħar barra SOx-ECAs, il-limiti tal-kubrit huma 3.5 % u mill-1 ta’ Jannar 2020 se jinżlu għal 0.5 %. L-istess rekwiżit, imsejjaħ ukoll il-limitu globali tal-kubrit, se jidħol ukoll fis-seħħ fil-livell internazzjoni kif ġie deċiż f’Ottubru 2016 mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Din id-deċiżjoni importanti se tnaqqas b’mod sinifikanti l-impatt tal-emissjonijiet tal-bastimenti fuq is-saħħa tal-bniedem u se tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni globali għall-operaturi tal-bastimenti.
-
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jippermettu l-użu ta’ metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet* li jistgħu jipprovdu tnaqqis fl-emissjonijiet tal-inqas ekwivalenti għal, jew saħansitra ikbar, mit-tnaqqis miksub bl-użu ta’ fjuwil ta’ kontenut baxx ta’ kubrit, diment li:
-
ma jkollhom ebda impatt negattiv sinifikanti fuq l-ambjent, bħal ekosistemi marini; u
-
jiġu żviluppati soġġett għalapprovazzjoni xierqa u mekkaniżmi ta’ kontroll.
Implimentazzjoni
-
Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva tiġi implimentata b’mod korrett, il-pajjiżi tal-UE jridu:
-
jiżguraw kampjunar frekwenti u eżatt tal-fjuwil tal-baħar li jitqiegħed fis-suq jew jintuża abbord bastiment, kif ukoll jiżguraw verifika regolari tal-ġurnali ta’ abbord tal-bastimenti u n-noti ta’ konsenja tal-bunker*;
-
jintroduċu penali li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jindirizzaw in-nonkonformità.
-
Fl-2013, bdiet ħidma teknika taħt il-Forum Ewropew dwar Trasport Marittimu Sostenibbli sabiex jiġu diskussi strateġiji koordinati biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kosteffettiva tad-Direttiva 2012/33/UE (li emendat id-Direttiva 1992/32/KE u li fittxet li tnaqqas b’mod sostanzjali l-emmissjonijiet mill-bastimenti minħabba l-kombustjoni tal-fjuwils tal-baħar). Il-forum involva l-pajjiżi tal-UE, l-industrija marittima u assistenza teknika mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA).
-
Abbażi ta’ dik il-ħidma, ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/253. Din introduċiet aktar spezzjonijiet fil-portijiet tad-dokumenti u l-kampjunar tal-fjuwil, kif ukoll is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar relatati għall-pajjiżi tal-UE. Din nediet ukoll is-sistema ta’ informazzjoni tal-UE (Thetis-EU), żviluppata mill-EMSA għall-użu fuq bażi volontarja, li tippermetti lill-awtoritajiet jaqsmu r-riżultati ta’ kuljum tal-ispezzjonijiet tal-kubrit fil-fjuwil fuq bastimenti individwali.
Progress xjentifiku u tekniku
Sabiex tibqa’ aġġornata mal-progress xjentifiku u tekniku, wara li kkonsultat kumitat tar-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea għandha d-dritt li tadotta atti delegati biex temenda l-valuri ta’ emissjoni ekwivalenti għall-metodi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet u l-kriterji għall-użu tagħhom.
META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Id-Direttiva (UE) 2006/802 hija l-verżjoni kodifikata tad-Direttiva tal-Kunsill 1992/32/KE u l-emendi sussegwenti tagħha. Din ilha tapplika mill-10 ta’ Ġunju 2016.
SFOND
-
L-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja bħad-diossidu tal-kubrit jistgħu jimxu distanzi twal u, fi snin riċenti, l-emissjonijiet mit-trasport marittimu, b’mod li dejjem jiżdied, bdew jaffettwaw il-kwalità tal-arja fl-UE.
-
L-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit jikkawżaw xita aċiduża u jiġġeneraw trab fin. Dan it-trab huwa perikoluż għas-saħħa tal-bneidem, jikkawża mard respiratorju u kardjovaskulari u jnaqqas l-istennija tal-għomor fl-UE b’sentejn.
* TERMINI EWLENIN
Metodu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet: alternattiva għall-użu ta’ fjuwil tal-baħar b’kontenut baxx ta’ kubrit, inkluż kwalunkwe fitting, materjal, apparat jew sistema li għandhom jitwaħħlu f’bastiment; jew proċedura oħra, fjuwil alternattiv jew metodu ta’ konformità Il-metodu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet jeħtieġ li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva billi juri li hu verifikabbli, kwantifikabbli u li jista’ jiġi infurzat.
Noti ta’ konsenja tal-bunker: dokumenti li joħroġ fornitur lill-konsumaturi bħala prova li l-fjuwil ikun wasal.
DOKUMENT EWLIENI
Direttiva (EU) 2016/802tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi (kodifikazzjoni) (ĠU L 132, 21.5.2016, pp. 58–78)
l-aħħar aġġornament 27.02.2017
Top