Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Dritt għall-aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali u dawk ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

Dritt għall-aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali u dawk ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2013/48/UE — dritt ta’ aċċess għal avukat, għal kuntatt ma’ partijiet terzi u awtoritajiet konsulari fil-każ ta’ kustodja

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tiżgura li l-persuni suspettati, akkużati u rikjesti fi proċeduri ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (minn issa ’l quddiem “ċittadini”) ikollhom aċċess għal avukat u jkollhom id-dritt illi jikkomunikaw waqt li jkunu mċaħħdin mil-libertà.

PUNTI EWLENIN

Dritt għal aċċess għal avukat

Iċ-ċittadini jeħtieġ li jkollhom aċċess għal avukat mingħajr dewmien bla bżonn:

  • qabel ma jiġu interrogati minn awtorità tal-infurzar tal-liġi (pereżempju l-pulizija) jew awtorità ġudizzjarja;
  • waqt azzjoni investigattiva jew ta’ ġbir ta’ evidenza oħra (pereżempju konfrontazzjoni);
  • mill-mument taċ-ċaħda ta’ libertà;
  • f’ħin xieraq qabel jidhru quddiem qorti kriminali.

B’mod aktar speċifiku, il-liġi tkopri:

  • id-dritt li jiltaqgħu fil-privat u li jkkomunikaw ma’ avukat;
  • id-dritt li l-avukat jipparteċipa b’mod effettiv meta l-persuna tiġi interrogata, u li jattendi l-azzjonijiet investigattivi u atti ta’ ġbir ta’ evidenza;
  • il-kunfidenzjalità ta’ kull forma ta’ komunikazzjoni (laqgħat, korrispondenza, konversazzjonijiet fuq it-telefown, eċċ).

Fir-rigward ta’ persuni soġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew, id-direttiva tistabbilixxi d-dritt għall-aċċess għal avukat fil-pajjiż eżekuttiv tal-UE u li jinħatar avukat fil-pajjiż emittenti.

Drittijiet fil-każ ta’ ċaħda ta’ libertà

Ċittadini mċaħħdin mil-libertà għandhom id-dritt, mingħajr dewmien bla bżonn:

  • li tal-inqas ikollhom persuna tal-għażla tagħha infurmata dwar iċ-ċaħda tal-libertà tagħhom. Jekk il-persuna arrestata tkun wild, id-detentur ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jenħtieġ li jiġi infurmat mill-aktar fis;
  • biex jikkomunika ma’ tal-inqas persuna waħda tal-għażla tiegħu.

Jekk ikunu mċaħħdin mil-libertà f’pajjiż tal-UE għajr dak tagħhom stess, għandhom id-dritt illi jinfurmaw lill-awtoritajiet konsulari tagħhom, li dawn iżuruhom, li jikkomunikaw magħhom u li jkollhom rappreżentazzjoni legali organizzata minnhom.

Eċċezzjonijiet

Id-Direttiva tippermetti l-possibbiltà ta’ deroga temporanja minn ċerti drittijiet f’ċirkostanzi eċċezzjonali u skont kundizzjonijiet definiti b’mod strett (pereżempju, meta jkun hemm bżonn li jiġu evitati konsegwenzi avversi serji għall-ħajja, il-libertà u l-integrità fiżika ta’ persuna).

Għajnuna legali

Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tistabbilixxi regoli minimi komuni rigward id-dritt għall-għajnuna legali għal persuni ssuspettati, akkużati u rikjesti sabiex tiżgura l-effettività tad-Direttiva (UE) 2013/48. Din titlob lill-pajjiżi tal-UE jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati li ma għandhomx riżorsi biżżejjed biex iħallsu għall-assistenza ta’ avukat ikollhom id-dritt għal għajnuna legali meta l-interessi tal-ġustizzja jitolbu dan. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw test tal-mezzi (biex jivvalutaw jekk il-persuna għandhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas għall-assistenza legali), test tal-merti (biex jivvalutaw jekk l-għoti ta’ għajnuna legali jkunx fl-interess tal-ġustizzja), jew it-tnejn biex jiddeterminaw jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata.

Id-Direttiva (UE) 2016/1919 hija l-aktar test legali riċenti ppjanat bħala parti mill-pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali adottat mill-Kunsill f’Novembru 2009.

Din id-direttiva għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-5 ta’ Mejju 2019.

META TIBDA TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva ilha tapplika mis-26 ta’ Novembru 2013 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-27 ta’ Novembru 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, pp. 1-12).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU L 297, 4.11.2016, pp. 1-8)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2016/1919 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU C 378 24.12.2013, pp. 8-10).

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Novembru 2013 dwar id-dritt għal għajnuna legali għall-persuni suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali (ĠU C 378, 24.12.2013, pp. 11-14).

Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, pp. 1-10)

Id-Direttiva 2010/64/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali(ĠU L 280, 26.10.2010, pp. 1-7).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ ta’ drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU C 295, 4.12.2009, pp. 1-3)

l-aħħar aġġornament 23.11.2017

Top