Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-riċiklaġġ tal-vapuri

Ir-riċiklaġġ tal-vapuri

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-vapuri

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Jimmira li jimpedixxi, inaqqas u jimminimizza aċċidenti, korrimenti u effetti negattivi oħrajn fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent meta vapuri jiġu riċiklati u l-iskart perikoluż li jkun fihom jitneħħa.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni tapplika għall-vapuri kollha li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż tal-UE u għall-bastimenti b’bandiera mhux tal-UE l jidħlu jew li jankraw, f’port tal-UE.. L-uniċi eċċezzjonijiet huma bastimenti tal-gwerra, bastimenti oħrajn fuq servizz tal-gvern mhux kummerċjali u vapuri b’tunnellaġġ gross inqas minn 500. Tistabbilixxi r-responsabilitajiet għas-sidien tal-vapuri u għall-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi oħrajn.
  • Kull vapur ġdid għandu jkollu abbord inventarju tal-materjali perikolużi (bħal asbestos, ċomb jew merkurju) li jkun fih, jew fl-istruttura tiegħu jew fit-tagħmir tiegħu. L-użu ta’ ċertu materjal perikluż huwa pprojbit.
  • Qabel ma vapur jiġi riċiklat, is-sid għandu jipprovdi lill-kumpanija li tkun qed twettaq ix-xogħol b’informazzjoni speċifika dwar il-bastiment u għandu jħejji pjan ta’ riċiklaġġ tal-vapur. Dan, pereżempju, jidentifika t-tip u l-ammont ta’ materjal u skart perikoluż li jkun se jiġi ġġenerat mill-bastiment li ma jkunx iktar tajjeb għall-użu.
  • Ir-riċiklaġġ jista’ biss iseħħ fil-faċilitajiet elenkati fil-Lista ta’ faċilitajiet tal-UE, li tnediet mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2323. Il-faċilitajiet jistgħu jinstabu fl-UE jew f’pajjiżi mhux tal-UE. Għandhom jikkonformaw ma’ serje ta’ rekwiżiti relatati mas-sigurtà tal-ħaddiema u mal-protezzjoni ambjentali.
  • Dawn ir-rekwiżiti huma mfasslin sabiex jipprevjenu riskji għas-saħħa tal-ħaddiema involuti u għall-popolazzjoni tal-madwar u sabiex jimminimizzaw kwalunkwe effett avvers fuq l-ambjent. Jipprovdu wkoll għal taħriġ speċifiku u għal apparat protettiv għall-impjegati li jkunu qed iżarmaw il-bastimenti u jeħtieġu li jinżamm reġistru ta’ kwalunkwe inċident jew aċċident.
  • Il-leġiżlazzjoni fiha proċess ta’ awtorizzazzjoni għad-deposti ta’ riċiklaġġ tal-vapuri fi ħdan l-UE. Dawk f’pajjiżi oħrajn għandhom jissottomettu applikazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea u għandhom juru li huma jissodisfaw il-kriterji kollha fir-regolament.
  • Fl-2014, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/241/UE, li tawtorizza lill-pajjiżi tal-UE li jkollhom vapuri li jtajjru l-bandiera tagħhom jew li jkunu rreġistrati taħt il-bandiera tagħhom sabiex jirratifikaw jew jikkonformaw mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Ħong Kong għar-Riċiklaġġ Sikur u Ambjentalment bla Periklu tal-Vapuri. Il-Konvenzjoni tkopri d-disinn u l-bini ta’ vapuri sabiex tiffaċilita r-riċiklaġġ sikur u ambjentalment bla periklu mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà tal-vapur u l-effiċjenza operattiva tiegħu. Teħtieġ ukoll faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-vapuri sabiex jaħdmu b’mod sikur u li jibża’ għall-ambjent, u sabiex jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regoli dwar ir-riċiklaġġ tal-vapuri.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jissottomettu rapporti dwar ir-riċiklaġġ tal-vapuri kull tliet snin, inkluż informazzjoni bħal listi tal-vapuri li għalihom inħareġ ċertifika li huma lesti għar-riċiklaġġ u informazzjoni dwar ir-riċiklaġġ illegali tal-vapuri. Deċiżjoni li temenda (UE) 2018/853 tistabbilixxi li r-rapporti għandhom ikopru tliet snin.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2014. Madanakollu, xi regoli japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-vapuri u jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, pp. 1-20)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni (UE) 2018/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda r-Regolament (UE) Nru 1257/2013 u d-Direttivi 94/63/KE u 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kunsill 86/278/KEE u 87/217/KEE f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli ta’ proċedura fir-rappurtar fil-qasam tal-ambjent u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE (ĠU L 150, 14.6.2018, pp. 155-161)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/2323 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li tistabbilixxi l-Lista Ewropea tal-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-vapuri skont ir-Regolament (KE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riċiklaġġ tal-vapuri (ĠU L 345, 20.12.2016, pp. 119-128)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/241/UU tal-14 ta’ April 2014 dwar ir-ratifika ta’, jew l-adeżjoni mal-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Ħong Kong tal-2009 dwar ir-Riċiklaġġ ta’ Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent, mill-Istati Membri fl-interess tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 128, 30.4.2014, pp. 45-46)

l-aħħar aġġornament 04.01.2023

Top