Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konsultazzjoni - l-estensjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-UE għal prodotti mhux agrikoli

Konsultazzjoni - l-estensjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-UE għal prodotti mhux agrikoli

Din il-karta tħares lejn l-argumenti favur u kontra l-estensjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeogragika (mogħtija diġà fil-livell tal-UE lil prodotti agrikoli li għandhom karatteristiċi speċifiċi relatati mal-post tal-oriġini tagħhom) għal prodotti mhux agrikoli. Din tqajjem sensiela ta’ mistoqsijiet dwar aspetti differenti tas-suġġett. Il-gruppi interessati ntalbu jwieġbu għalihom sabiex jgħinu fid-deċiżjoni dwar l-azzjoni li l-UE għandha tieħu.

ATT

Green Paper: Nagħmlu l-aħjar mill-kompetenzi tradizzjonali tal-Ewropa: il-possibilità li tiġi estiża l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika tal-Unjoni Ewropea għal prodotti mhux agrikoli (COM(2014) 469 final tal-15.7.2014).

SOMMARJU

Din il-karta tħares lejn l-argumenti favur u kontra l-estensjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeogragika (mogħtija diġà fil-livell tal-UE lil prodotti agrikoli li għandhom karatteristiċi speċifiċi relatati mal-post tal-oriġini tagħhom) għal prodotti mhux agrikoli. Din tqajjem sensiela ta’ mistoqsijiet dwar aspetti differenti tas-suġġett. Il-gruppi interessati ntalbu jwieġbu għalihom sabiex jgħinu fid-deċiżjoni dwar l-azzjoni li l-UE għandha tieħu.

X'TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

L-iskop tad-dokument ta’ konsultazzjoni huwa li jistaqsi lill-gruppi konċernati jekk għandux ikun hemm protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika (IĠ) madwar l-UE għal prodotti mhux agrikoli. Il-45 mistoqsija jvarjaw minn x’tip ta’ sinjal għandu jkun protett għall-konsegwenzi potenzjali ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-IĠ madwar l-UE. Il-Kummissjoni sejra tuża dawn it-tweġibiet fid-deċiżjoni dwar l-azzjoni ulterjuri li għandha tieħu.

PUNTI EWLENIN

  • L-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-IĠ lil prodotti mhux agrikoli tista’ tkun ta’ benefiċċju ekonomiku. Din tista’ żżid il-pubbliċità tal-post tal-oriġini, tgħin iżżomm l-impjieg fil-qasam u tippermetti lill-produtturi sabiex jikkoperaw aħjar. Din tista’ twassal ukoll għat-tnaqqis tal-abbużi bħal prodotti foloz.
  • Sistema unifikata tista’ tgħin il-kummerċ tal-prodotti bi protezzjoni tal-IĠ ma’ pajjiżi barra mill-UE.
  • Is-sistemi nazzjonali attwali disponibbli għall-protezzjoni ta’ prodotti mhux agrikoli jirriżultaw f’livelli differenti ta’ protezzjoni tal-IĠ madwar l-Ewropa. Fil-preżent ma teżisti l-ebda sistema globali tal-UE li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-IĠ.
  • Meta IĠ hija stabbilita sew fl-imħuħ tal-konsumaturi, l-imitaturi jistgħu jieħdu vantaġġ u dan jista’ jwassal għal telf ekonomiku għall-produtturi.
  • Minħabba li l-protezzjoni legali fil-livell tal-UE fil-preżent hija pprovduta għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, protezzjoni standardizzata għal prodotti oħra trid tkun kompatibbli mal-qafas eżistenti.

SFOND

Il-kwistjoni tal-protezzjoni tal-IĠ għal prodotti mhux agrikoli kienet identifikata mill-Kummissjoni Ewropea f’komunikazzjoni tal-2011. Din kienet segwita minn Study on geographical indications for non-agricultural products in the Internal Market (L-istudju dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli fis-Suq Intern) li l-awturi tiegħu argumentaw favur l-introduzzjoni tal-protezzjoni tal-IĠ fil-livell tal-UE. Fl-2013, saret seduta pubblika li kompliet issaħħaħ din il-pożizzjoni. Din sussegwentement wasslet għall-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ din il-karta li tfittex li tiġbor l-opinjonijiet tal-partijiet interessati kollha.

TERMINI EWLENIN

L-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) huma sinjali li jintużaw fuq prodotti li għandhom oriġini ġeografika speċifika u karatteristiċi attribwibbli għaliha. L-użu tal-IĠ jista’ jgħin lill-produtturi jgawdu kompetizzjoni aktar ġusta, filwaqt li l-konsumaturi jiksbu informazzjoni iżjed affidabbli dwar il-prodotti li jkunu qed jixtru.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit web tad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs tal-Kummissjoni Ewropea.

l-aħħar aġġornament 08.12.2014

Top