Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Perikli li jirriżultaw minn radjazzjoni jonizzanti (mill-2018)

Perikli li jirriżultaw minn radjazzjoni jonizzanti (mill-2018)

Il-leġiżlazzjoni ġġib ħames direttivi individwali f’test wieħed u tistabbilixxi standards tas-sigurtà bażiċi biex tipproteġi lil individwi kontra l-perikli li jistgħu jirriżultaw mill-esponiment għal radjazzjoni jonizzanti

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom.

SOMMARJU

Normalment, dożi ta’ radjazzjoni jonizzanti huma tant baxxi li ma jkollhom ebda effett avvers fuq is-saħħa, madankollu, xi wħud, b’mod partikolari l-kanċer, jistgħu jitfaċċaw f’data aktar tard. Biex tnaqqas il-periklu, direttiva tal-Unjoni Ewropea, adottata f’Diċembru 2013, tintroduċi standards tas-sigurtà ġodda.

Dawn huma bbażati fuq kważi żewġ deċenni ta’ riċerka internazzjonali dwar ir-radjuprotezzjoni mill-Aġenzija tal-Enerġija Atomika Internazzjonali, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku u korpi internazzjonali oħrajn. Dawn jirrappreżentaw avvanz sinifikanti fir-radjuprotezzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma: mediċi, industrijali, ġenerazzjoni tal-enerġija u ġestjoni tal-iskart.

Mira

Il-leġiżlazzjoni hija mfassla sabiex tipproteġi s-saħħa tal-ħaddiema, lill-pubbliku ġenerali, lill-pazjenti u lil individwi oħrajn billi tiggarantixxi livell ta’ limitu uniformi ta’ protezzjoni. Dan japplika għal kwalunkwe esponiment ippjanat, eżistenti, aċċidentali jew ta’ emerġenza li jista’ jirriżulta. Il-gvernijiet tal-UE jistgħu japplikaw standards bażiċi ogħla jekk ikunu jixtiequ.

Pubblikazzjoni tad-dożi massimi jew fil-każ ta’ emerġenza

Id-Direttiva tipprovdi għall-pubblikazzjoni ta’ dożi ta’ radjazzjoni massimi sabiex il-pubbliku jkun jista’ jiċċekkja jekk irċeviex, minn sorsi varji, aktar mil-limitu legali. Hemm ukoll dispożizzjonijiet għall-għoti ta’ informazzjoni meta sseħħ emerġenza. Din għandha tkopri dejta u tbassir tat-temp, movimenti tal-arja u depożiti fl-art, rati ta’ dożi ambjentali u livelli ta’ kontaminazzjoni ta’ ikel essenzjali.

L-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġu li jinfurmaw lil kull min jgħix fi ħdan 50 kilometru minn impjant ta’ riskju, u li jista’ jkun infettat, bil-miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa li huma għandhom jieħdu fil-każ ta’ kwalunkwe emerġenza.

Rimi

Id-Direttiva fiha miżuri għar-rimi ta’ materjal radjuattiv u l-ħżin temporanju, jew finali ta’ skart radjuattiv, u l-esponiment tal-ħaddiema għal radjazzjoni kosmika minn ajruplani, mezzi spazjali u tajran frekwenti.

Eżenzjoni

Ir-radjazzjoni jonizzanti minn apparat mediku mhijiex koperta mil-leġiżlazzjoni, iżda mid-direttiva dwar l-apparat mediku (Direttiva 93/42/KEE).

Revoka

Id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom sejrin jiġu revokati b’effett mis-6 ta' Frar 2018.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2013/59/Euratom

6.2.2014

6.2.2018

ĠU L 13 tas-17.1.2014.

L-aħħar aġġornament: 11.08.2014

Top