Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Rom

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Rom

Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill issaħħaħ il-Qafas tal-Unjoni Ewropea (UE) tal-2011 għall-integrazzjoni tar-Rom permezz ta’ strument legali mhux vinkolanti, li għandu l-għan li jħaffef il-progress billi jipprovdi gwida għall-pajjiżi tal-UE filwaqt li jiffoka l-attenzjoni tagħhom fuq għadd ta’ miżuri konkreti li huma kruċjali biex jimplimentaw l-istrateġiji tagħhom b’mod aktar effettiv.

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1).

SOMMARJU

Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill issaħħaħ il-Qafas tal-Unjoni Ewropea (UE) tal-2011 għall-integrazzjoni tar-Rom permezz ta’ strument legali mhux vinkolanti, li għandu l-għan li jħaffef il-progress billi jipprovdi gwida għall-pajjiżi tal-UE filwaqt li jiffoka l-attenzjoni tagħhom fuq għadd ta’ miżuri konkreti li huma kruċjali biex jimplimentaw l-istrateġiji tagħhom b’mod aktar effettiv.

KWISTJONIJIET EWLENIN

Il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin huma koperti fir-Rakkomandazzjoni:

  • Azzjoni speċifika mmirata biex issaħħaħ l-integrazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni (b’rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà u mingħajr ma tiġi dduplikata l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE);
  • Prinċipji ġenerali li jiżguraw l-allokazzjoni trasparenti u xierqa tal-fondi (mhux biss tal-UE iżda wkoll fondi nazzjonali u lokali) għall-inklużjoni tar-Roma;
  • Miżuri orizzontali u strutturali essenzjali bħall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-ħarsien tat-tfal u n-nisa Roma; l-adozzjoni ta’ approċċ ta’ investiment soċjali; l-għoti tas-setgħa lir-Roma; it-tisrif ta’ impenji nazzjonali f’azzjoni lokali, permezz tat-tisħiħ tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; il-monitoraġġ tal-impatt tal-politiki; it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ħidma tal-“korpi ta’ ugwaljanza”; it-tisħiħ tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Roma u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni transnazzjonali.

Fil-qasam tal-edukazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-pajjiżi tal-UE jiżguraw l-aċċess sħiħ tar-Roma għal edukazzjoni prinċipali ta’ kwalità tajba u biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola. Dan huwa kruċjali kemm fl-livell primarju u sekondarju, kif ukoll għall-edukazzjoni vokazzjonali. Ir-Rakkomandazzjoni tidentifika firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza, jekk dawn jiġu ppjanati u implimentati b’attenzjoni.

Fil-qasam tal-impjiegi, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tenfasizza l-importanza li jiġi żgurat trattament ugwali u li jitnaqqas id-distakk bejn ir-Roma u ħaddiema oħra, sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Roma. Minbarra l-interventi mmirati, bħal servizzi speċifiċi u individwali għall-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, l-attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tar-Roma fil-politiki ġenerali tista’ tagħmel differenza sinifikanti.

Fil-qasam tal-kura tas-saħħa, ir-Rakkomandazzjoni timmira li tipprovdi gwida prattika ħafna li tvarja mill-iżgurar ta’ kopertura tas-sigurtà bażika, permezz ta’ ppjanar tal-familja sa skemi ta’ tilqim mingħajr ħlas għall-gruppi l-aktar emarġinati.

Fil-qasam tal-akkomodazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tixħet l-attenzjoni għall-approċċ integrat, l-eliminazzjoni tas-segregazzjoni tal-ispazju u l-promozzjoni tal-aċċess mhux diskriminatorju għal akkomodazzjoni soċjali. Ir-rakkomandazzjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-pajjiżi tal-UE lejn l-iżvilupp lokali u investimenti territorjali mmexxija mill-komunità, li jistgħu wkoll jiġu appoġġati minn finanzjament mill-UE.

Fir-rigward tal-finanzjament, ir-Rakkomandazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati fondi suffiċjenti għal strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u lokali.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet orizzontali bħall-antidiskriminazzjoni, il-protezzjoni tat-tfal u n-nisa Roma, it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali u l-għoti tas-setgħa lir-Roma, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tenfasizza l-importanza tal-infurzar prattiku tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE) u tixħet l-attenzjoni tal-Istati Membri sabiex jagħmlu użu mill-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala referenza addizzjonali biex jidentifikaw dispożizzjonijiet u prattiki illegali.

Ir-rispett għad-drittijiet tar-Roma huwa intrinsikament marbut mal-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, mal-projbizzjoni tat-tallaba fit-toroq li jinvolvu t-tfal, mal-infurzar bis-sħiħ tal-leġiżlazzjoni kontra żwiġijiet taħt l-età, mal-ġlieda kontra żwiġijiet sfurzati u l-għoti tas-setgħa lir-Rom sabiex ikollhom rwol bħala ċittadini attivi ta’ pajjiż.

Il-politiki ġenerali għandu jkollhom ukoll rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tar-Rom. F’dan il-kuntest, ir-Rakkomandazzjoni titlob investiment fil-kapital uman u fil-politiki ta' koeżjoni soċjali, kif ukoll għal rabta bejn l-integrazzjoni tar-Roma mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma fil-pajjiżi b’popolazzjoni sostanzjali Rom.

Ir-Rakkomandazzjoni tkompli telabora fuq il-progress meħtieġ biex jiġu stabbiliti l-miżuri strutturali għall-integrazzjoni tar-Roma u tittejjeb l-effikaċja tagħhom, bħal: il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki, azzjoni lokali, it-tisħiħ tal-korpi responsabbli għall-promozzjoni tat-trattament ugwali kif ukoll ir-rwol tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Roma u żieda fil-kooperazzjoni transnazzjonali. Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi wkoll gwida prattika dwar kif il-progress f’dan ir-rigward jista’ jinkiseb aħjar.

Peress li l-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hu li ttejjeb l-effikaċja tal-miżuri għall-integrazzjoni tar-Roma fil-pajjiżi tal-UE, li, fi kliem ieħor, jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, ir-rappurtar se jkun ukoll marbut mill-qrib ħafna mal-Qafas tal-UE.

L-informazzjoni pprovduta mill-pajjiżi tal-UE dwar il-miżuri adottati f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni se tikkontribwixxi direttament għar-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom.

SFOND

Il-komunità Roma hija l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa. Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb l-effikaċja tal-istrumenti mmirati lejn l-integrazzjoni soċjoekonomika tar-Rom permezz ta’ approċċ fit-tul u azzjonijiet multisettorjali (l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, eċċ.).

F’dawn l-aħħar snin, l-UE uriet tmexxija politika b’saħħitha lejn il-pajjiżi tal-UE fir-rigward tal-integrazzjoni tar-Rom u rnexxielha żżomm l-integrazzjoni tar-Roma b'mod sod fuq l-aġendi kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi tal-UE.

Fl-2011, il-mexxejja tal-UE impenjaw ruħhom fil-“Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom”. Għalhekk, il-pajjiżi kollha tal-UE żviluppaw l-istrateġiji proprji tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma li tfasslu skont il-ħtiġijiet partikolari tal-popolazzjoni Roma f’pajjiżhom. Ġie stabbilit ukoll mekkaniżmu ta’ rappurtar annwali għall-evalwazzjoni tal-progress fil-post. Barra minn hekk, l-UE stabbilixxiet rabta bejn l-integrazzjoni tar-Rom u l-aġenda ta' tkabbir aktar wiesgħa tagħha, l-Istrateġija Ewropa 2020. Fl-2012, fi ħdan is-“Semestru Ewropew”, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħareġ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi Għall-Pajjiżi dwar l-integrazzjoni tar-Rom fil-pajjiżi tal-UE b’popolazzjoni mdaqqsa tar-Rom. Fl-aħħarnett, l-UE rnexxielha ssaħħaħ l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-inklużjoni tar-Rom mhux biss fit-28 pajjiż tal-UE (1), iżda wkoll fil-pajjiżi tat-tkabbir, fejn il-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Rom tibqa’ prijorità ewlenija taħt il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin

Madankollu, hija r-responsabbiltà primarja tal-pajjiżi tal-UE li jbiddlu s-sitwazzjoni tal-popolazzjonijiet emarġinati, u ghalhekk azzjoni għall-appoġġ tal-integrazzjoni tar-Roma taqa’ l-ewwel u qabel kollox f’idejhom.

L-uniku mod biex jintlaħaq dan l-objettiv hu permezz ta’ impenn politiku fl-ogħla livell fil-pajjiżi kollha tal-UE. Fil-livell tal-UE, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom li ġiet adottata unanimament fid-9 ta’ Diċembru 2013, kienet pass importanti ħafna fil-proċess lejn integrazzjoni aħjar tar-Rom. Din żiedet strument ġdid fix-xenarju legali u politiku, iżda aktar importanti minn hekk, kienet tirrappreżenta impenn politiku b’saħħtu u kondiviż mill-pajjiżi kollha tal-UE biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jinkiseb titjib reali.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi dwar l-UE u r-Rom u l-liġi kontra d-diskriminazzjoni.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa (COM(2010) 133 final tas-7 ta’ April 2010).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għall-Istrateġiji ta’ Integrazzjoni Nazzjonali tar-Rom (COM(2014) 209 final tat-2 ta’ April 2014).

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji ta’ Integrazzjoni Nazzjonali tar-Rom (SWD(2014) 121 final tat-2 ta’ April 2014.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Passi ’l quddiem fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (COM(2013) 454 final tas-26 ta' Ġunju 2013).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014 (COM(2013) 700 final tas-16 ta' Ottubru 2013).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE (COM(2012) 226 final tal-21 ta’ Mejju 2012).

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE (SWD(2012) 133 final tal-21 ta’ Mejju 2012).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020 (COM(2011) 173 final tal-5 ta' April 2011).

l-aħħar aġġornament 16.06.2015



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top