Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv

Il-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv

L-Istati Membri tal-UE qegħdin jaħdmu fuq il-ġlieda kontra l-problema dejjem tikber tad-doping fl-isports rikreattiv permezz ta' inizjattivi varji.

ATT

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal- 10 ta' Mejju 2012 dwar il-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv (2012/C 169/03).

SOMMARJU

L-Istati Membri tal-UE qablu li jaħdmu fuq il-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv billi ħadu inizjattivi varji.

Id-doping huwa problema li qiegħda tikber fl-isport rikreattiv, fl-isport amatorjali, fiċ-ċentri tal-fitness u saħansitra lil hin mill-qasam sportiv. Fl-isport rikreattiv, l-għan primarju tal-miżuri tal-anti-doping huwa s-salvagwardja tas-saħħa tal-popolazzjoni li tagħmel l-eżerċizzju u l-integrità tal-ambjenti sportivi rikreattivi.

L-Istati Membri tal-UE jagħrfu li d-doping fl-isport rikreattiv u fl-ambjenti tal-isport rikreattiv bħaċ-ċentri ta' fitness huwa problema madwar l-UE kollha li taffettwa b'mod partikolari liż-żgħażagħ u toħloq theddida għas-saħħa ta' dawk li jagħmlu użu mid-doping fuq livell individwali u għal nies fl-ambjent immedjat ta' dawk li jagħmlu użu mid-doping.

Jinnutaw ukoll li d-doping jagħmel ħsara lill-integrità tal-isports rikreattiv u huwa relatat ma' fenomeni soċjali negattivi bħat-traffikar illegali ta' sustanzi dopanti.

Ftit hemm għarfien dwar id-doping fl-isport rikreattiv fil-livell tal-UE u f'dak internazzjonali.

Inizjattivi maqbula mill-Istati Membri tal-UE jinkludu:

  • l-iżvilupp ta' programmi edukattivi, kampanji ta' informazzjoni jew miżuri preventivi oħrajn dwar id-doping fi sport rikreattiv;
  • kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-moviment tal-isport u s-settur tal-fitness fuq l-iżvilupp ta' proġetti konġunti, linji gwida u regolamenti;
  • qafas ta' miżuri nazzjonali effettivi u xierqa għall-investigazzjoni u sanzjonar tal-produzzjoni, traffikar, distribuzzjoni u pussess ta' sustanzi dopanti fl-isport rikreattiv.

L-Istati Membri tal-UE taw lil Grupp Espert tal-UE fuq l-Anti-Doping il-kompitu li jiġbor l-aqwa prattiċi fil-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreattiv fl-Istati Membri tal-UE, fost affarijiet oħrajn fir-rigward ta' miżuri ta' prevenzjoni, edukazzjoni, kontroll u miżuri relatati kif ukoll irkupru minn abbuż minn sustanzi. Il-Grupp ta' Esperti qiegħed jaħdem fuq il-produzzjoni ta' sett ta' rakkomandazzjonijiet li jiġġieldu d-doping fl-isport rikreattiv li jistgħu jiġu applikati kemm fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell nazzjonali.

L-Istati Membri talbu wkoll lill-Kummissjoni Ewropea tibda studju sabiex tiżviluppa bażi ta' evidenza għal politiki ddisinjati sabiex jiġġieldu d-doping fl-isport rikreattiv, inkluż permezz ta' ġbir ta' informazzjoni dwar l-użu ta' sustanzi dopanti fl-isport rikreattiv fl-Istati Membri tal-UE.

Huma talbu lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi u tappoġġa l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiċi f'dan il-qasam u ssuġġerew l-oqsma li ġejjin:

  • edukazzjoni, informazzjoni u żieda fl-għarfien;
  • ittestjar għal sustanzi dopanti fl-isport rikreattiv;
  • il-kura u l-irkupru mill-abbuż tad-doping fl-isport rikreattiv;
  • it-tikkettar u l-kontroll tal-kontenut f'supplimenti nutrittivi sabiex jiġi evitat it-teħid bla intenzjoni ta' sustanzi dopanti;
  • miżuri leġiżlattivi li urew li huma effettivi fl-indirizzar tad-doping fl-isports rikreattiv fl-Istati Membri tal-UE individwali.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

L-iskadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2012

-

-

ĠU C 169 tal-15.6.2012

L-aħħar aġġornament: 04.02.2014

Top