Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-edukazzjoni fit-tfulija: it-trawwim tal-kreattività, tal-innovazzjoni u tal-kompetenza diġitali

L-edukazzjoni fit-tfulija: it-trawwim tal-kreattività, tal-innovazzjoni u tal-kompetenza diġitali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Konklużjonijiet tal-Kunsill — l-edukazzjoni fit-tfulija bikrija u l-edukazzjoni primarja

X'INHU L-GĦAN TAL-KONKLUŻJONIJIET?

Huma jistabbilixxu l-benefiċċji potenzjali għaż-żgħażagħ tal-promozzjoni tal-ħolqien, l-innovazzjoni u l-użu ta’ għodod u mezzi diġitali fl-edukazzjoni bikrija u jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jinkisbu.

PUNTI EWLENIN

L-inkoraġġiment tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali f'età bikrija jista' jwassal għal benefiċċji personali u ekonomiċi fil-ħajja adulta.

Il-benefiċċji potenzjali jinkludu:

  • li tiġi pprovduta bażi soda għat-tagħlim ulterjuri, l-iżvilupp ta’ livell ogħla ta’ għarfien u t-titjib tal-abbiltà tat-tfal li jiżviluppaw ħiliet kreattivi u ta’ ħsieb kritiku
  • li jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni li ġejja jkollha l-ħiliet meħtieġa għall-innovazzjoni u l-ġenerazzjoni ta’ prodotti u servizzi ġodda li jkunu vitali għas-suċċess ekonomiku
  • li jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tissodisfa d-domanda dejjem tikber għal utenti kompetenti tat-teknoloġija diġitali, kif ukoll esperti fit-teknoloġija tal-komunikazzjoni u l-informatika*.

Ir-rwol tal-kreattività u tal-innovazzjoni

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw:

  • ir-rwol tal-għalliema u tal-professjonisti Ewropej fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) sabiex jgħinu lit-tfal isiru adulti kreattivi u innovattivi,
  • li l-logħob u l-użu ta’ għodod diġitali f’età bikrija huma importanti għall-iżvilupp u t-tagħlim,
  • li l-użu xieraq tal-għodod diġitali jista’ jtejjeb l-attivitajiet fil-klassijiet tal-iskejjel u jtejjeb ukoll il-motivazzjoni, il-fehim u t-tagħlim,
  • li jeħtieġ li t-tfal jitgħallmu kif jużaw it-teknoloġiji diġitali b’mod sikur u responsabbli u kif jinterpretaw, jużaw, jikkondividu, joħolqu u jevalwaw b’mod kritiku tali informazzjoni.

X'jistgħu jagħmlu l-pajjiżi tal-UE?

Il-pajjiżi tal-UE huma mistiedna, fost l-oħrajn, sabiex jinkoraġġixxu:

  • lill-korpi tat-tagħlim u tat-taħriġ sabiex jakkomodaw għodod ta’ tagħlim ġodda fil-programmi tagħhom u jadattaw il-metodi tat-tagħlim sabiex jippromwovu l-kreattività u l-innovazzjoni,
  • lill-awtoritajiet tal-edukazzjoni sabiex jgħammru l-iskejjel u faċilitajiet oħrajn għall-edukazzjoni tat-tfal b’mod li jkunu jistgħu jindukraw il-kreattività u l-innovazzjoni,
  • l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod diġitali għall-finijiet ta’ tagħlim u bħala parti minn approċċ ġenerali għat-tagħlim,
  • il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u l-għalliema fil-livell reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali.

Azzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE huma mistiedna sabiex:

  • jużaw riżorsi Ewropej bħall-Programm Erasmus+ u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment sabiex jappoġġjaw miżuri u inizjattivi mmirati biex jippromwovu l-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenzi diġitali,
  • jidentifikaw metodi u prattiki effettivi għall-għalliema u għall-professjonisti tal-ECEC sabiex jgħinu lit-tfal jiżviluppaw kapaċitajiet kreattivi u innovattivi u kompetenza diġitali.

U x’għandha tagħmel il-Kummissjoni?

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ottubru 2015

F'Ottubru 2015, il-Kunsill adotta sett ieħor ta' konklużjonijiet. Dawn huma relatati mat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u l-promozzjoni tas-suċċess l-iskola.

* TERMINI EWLENIN

Teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet: kwalunkwe apparat jew applikazzjoni tal-komunikazzjoni flimkien mas-servizzi u l-applikazzjonijiet assoċjati miegħu/magħha

DOKUMENT EWLIENI

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni fit-tfulija bikrija u tal-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, tal-innovazzjoni u tal-kompetenza diġitali (ĠU C 172, 27.5.2015, pp. 17–21)

DOKUMENTI RELATATI

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 36-40)

l-aħħar aġġornament 30.11.2016

Top