Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-monitoraġġ tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga bejn l-UE u pajjiżi mhux tal-UE

Il-monitoraġġ tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga bejn l-UE u pajjiżi mhux tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 111/2005 — regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament jiddistingwi bejn sustanzi skedati u mhux skedati* .

  • Hemm 4 kategoriji ta’ sustanzi skedati fl-Anness I tar-Regolament.
    • Kategorija 1: l-aktar sustanzi sensittivi, li minnhom jistgħu jiġu prodotti drogi illeċiti bl-aktar mod faċli (pereżempju, 1-phenyl-2-propanone, piperonal).
    • Kategorija 2: sustanzi inqas sensittivi (sottokategorija 2A: anidride aċetiku; sottokategorija 2B: phenylacetic acid, anthranilic acid, piperidine u potassium permanganate).
    • Kategorija 3: sustanzi kimiċi bl-ingrossa li jista’ jkollhom tipi differenti ta’ użi fil-proċess ta’ manifattura (pereżempju, aċeton, aċidu idrokloriku).
    • Kategorija 4: minn Diċembru 2013, sustanzi li jkopru prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju li fihom l-efedrina jew il-psewdoefedrina.

Obbligi tal-operaturi

  • L-operaturi għandhom jiddokumentaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ sustanza skedata b’tali mod li jiżvelaw:
    • l-isem tas-sustanza,
    • il-kwantità u l-piż tagħha, u
    • l-isem u l-indirizz tal-esportatur, tal-importatur, tad-distributur u tad-destinatarju aħħari.
  • L-operaturi għandhom iżommu rekords tat-tranżazzjonijiet kollha għal perjodu ta’ 3 snin.

Liċenzja għas-sustanzi tal-kategorija 1

  • L-operaturi (minbarra l-aġenti doganali u t-trasportaturi) għandhom jiksbu liċenzja mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż fejn huma stabbiliti jekk huma involuti f’attivitajiet ta’ importazzjoni, esportazzjoni jew intermedjarji li jinvolvu sustanzi tal-kategorija 1.
  • Qabel ma jagħtu liċenzja, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-kompetenza u l-integrità tal-applikant b’mod partikolari.
  • Il-liċenzja tista’ tiġi sospiża jew revokata mill-awtoritajiet kull meta l-kundizzjonijiet li taħthom tkun inħarġet il-liċenzja ma jibqgħux issodisfati jew meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li hemm riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati.

Reġistrazzjoni għal sustanzi tal-kategorija 2 u tal-kategorija 3

  • L-operaturi bbażati fl-UE (minbarra l-aġenti doganali u t-trasportaturi) għandhom jiksbu reġistrazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE li fih huma stabbiliti jekk huma involuti fl-attivitajiet ta’ importazzjoni, esportazzjoni jew intermedjarji li jinvolvu sustanzi tal-kategorija 2 jew fl-esportazzjoni ta’ sustanzi tal-kategorija 3.

Notifika tal-awtoritajiet

  • L-operaturi għandhom:
    • jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti immedjatament dwar kwalunkwe ċirkostanza, bħal ordnijiet jew tranżazzjonijiet mhux tas-soltu li jinvolvu sustanzi skedati, li jissuġġerixxu li sustanzi bħal dawn maħsuba għal attivitajiet ta’ importazzjoni, esportazzjoni jew intermedjarji jistgħu jiġu żvijati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi;
    • jipprovdu kwalunkwe informazzjoni disponibbli li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw il-leġittimità tal-ordni jew tat-tranżazzjoni rilevanti msemmija hawn fuq;
    • jipprovdu lill-awtoritajiet b’informazzjoni rilevanti dwar it-tranżazzjonijiet tagħhom li jinvolvu sustanzi skedati, fil-forma ta’ sommarju.

Notifika ta’ qabel l-esportazzjoni

  • L-esportazzjonijiet kollha ta’ sustanzi tal-kategoriji 1 u 4 u l-esportazzjonijiet kollha ta’ sustanzi tal-kategoriji 2 u 3 lejn ċerti pajjiżi ta’ destinazzjoni jeħtieġu li tintbagħat notifika ta’ qabel l-esportazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fl-UE lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, skont il-konvenzjoni tan-NU.
  • Il-pajjiż ta’ destinazzjoni għandu perjodu ta’ 15-il jum tax-xogħol biex iwieġeb, fi tmiem liema operazzjoni tal-esportazzjoni tista’ tiġi awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-esportazzjoni tal-UE. Dan jista’ jkun biss jekk ma jiġi riċevut l-ebda parir mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ destinazzjoni li jindika li din l-operazzjoni ta’ esportazzjoni tista’ tkun maħsuba għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.
  • Proċeduri simplifikati ta’ notifika ta’ qabel l-esportazzjoni jistgħu jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti fejn ikunu sodisfatti li dan mhux se jirriżulta f’xi riskju ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati.

Awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni

  • L-esportazzjonijiet ta’ sustanzi skedati li jeħtieġu dikjarazzjoni doganali għandhom jirċievu awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.
  • Hija meħtieġa awtorizzazzjoni meta sustanzi skedati jiġu esportati mill-ġdid fi żmien 10 ijiem mid-data tat-tqegħid tagħhom fi proċedura sospensiva jew f’żona ħielsa ta’ kontroll.
  • Is-sustanzi tal-kategorija 3 huma soġġetti biss għal awtorizzazzjoni bħal din meta jkunu meħtieġa notifiki ta’ qabel l-esportazzjoni.
  • Ir-Regolament jelenka d-dettalji li għandhom jiġu inklużi fl-applikazzjoni.

Awtorizzazzjoni tal-importazzjoni

  • L-importazzjonijiet ta’ sustanzi tal-kategorija 1 jeħtieġu awtorizzazzjoni tal-importazzjoni.
  • Awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss lil operatur stabbilit fl-UE.
  • L-awtorizzazzjoni tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE fejn l-importatur huwa stabbilit.
  • Ir-Regolament jelenka d-dettalji meħtieġa fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.
  • L-awtorizzazzjoni għandha takkumpanja l-kunsinna mill-punt tad-dħul fit-territorju doganali tal-UE sal-bini tal-importatur jew id-destinatarju aħħari.

L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE — setgħat u obbligi

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jipprojbixxu l-introduzzjoni ta’ sustanzi skedati u ta’ kunsinni ta’ sustanzi mhux skedati fit-territorju doganali tal-UE jew it-tluq tagħhom minnu, meta jkun hemm suspett li sustanzi bħal dawn huma maħsuba għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi;
  • iżommu jew jissospendu r-rilaxx tas-sustanzi skedati għaż-żmien meħtieġ biex jivverifikaw l-identifikazzjoni tagħhom jew il-konformità ma’ dan ir-Regolament;
  • jadottaw miżuri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, b’mod partikolari:
    • li jiksbu informazzjoni dwar kwalunkwe ordni għal sustanzi skedati jew operazzjonijiet li jinvolvu sustanzi skedati
    • li jidħlu fil-bini tan-negozju tal-operaturi u tal-utenti sabiex jiksbu evidenza ta’ irregolaritajiet
    • li jiġi stabbilit li seħħet devjazzjoni jew tentattiv ta’ devjazzjoni ta’ sustanzi skedati;
  • jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jirrispettaw l-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali;
  • jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tar-regoli u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati — il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Bażi tad-data Ewropea

  • Il-bażi tad-data Ewropea dwar il-prekursuri tad-droga, stabbilita taħt ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 isservi biex:
    • tissimplifika l-proċedura għall-pajjiżi tal-UE biex jirrapportaw sekwestri u vjeġġi mwaqqfa;
    • iżżomm lista ta’ operaturi u utenti lliċenzjati jew irreġistrati tal-UE li jinnegozjaw jew jużaw b’mod legali l-prekursuri tad-droga;
    • tippermetti lill-operaturi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ esportazzjoni, importazzjoni jew intermedjarji, fil-forma ta’ sommarju.

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1013 jistabbilixxi regoli dwar il-liċenzjar u r-reġistrazzjoni ta’ operaturi u utenti u l-elenkar tagħhom fil-bażi tad-data Ewropea dwar il-prekursuri tad-droga, il-forniment mill-operaturi ta’ informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-kummerċ u l-awtorizzazzjoni ta’ esportazzjonijiet u importazzjonijiet fil-qasam tal-prekursuri tad-droga.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/1011:
    • jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji u ta’ reġistrazzjonijiet;
    • jiddetermina meta liċenzja jew reġistrazzjoni ma tkunx meħtieġa;
    • jistabbilixxi l-kriterji biex jintwera l-iskop legali/leċitu ta’ tranżazzjoni u biex jiġu ddeterminati l-proċeduri simplifikati għan-notifiki ta’ qabel l-esportazzjoni u għall-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni;
    • jiddetermina l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ tal-kummerċ; u
    • jispeċifika r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ monitoraġġ fir-rigward tal-kummerċ tal-prekursuri tad-droga.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1443 u r-Regolament Delegat (UE) 2018/729 jestendu l-lista ta’ sustanzi tal-kategorija 1.

Tħassir

Ir-Regolament iħassar ir-Regolament (KEE) Nru 3677/90.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (KE) Nru 111/2005 ilu japplika mit-18 ta’ Awwissu 2005.
  • Ir-Regolament emendatorju (UE) Nru 1259/2013 ilu japplika mit-30 ta’ Diċembru 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prekursur tad-droga: sustanzi kimiċi li jintużaw primarjament għall-produzzjoni leġittima (legali) ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti inklużi l-mediċini, il-plastik, u l-kożmetiċi. Dawn is-sustanzi jistgħu wkoll jintużaw ħażin għal skopijiet illegali/illeċiti, bħall-produzzjoni tal-metamfetamini, l-eroina jew il-kokaina.
Sustanza skedata: kwalunkwe sustanza elenkata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 111/2005 li tista’ tintuża għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi, inklużi taħlitiet u prodotti naturali li fihom sustanzi bħal dawn. Madankollu, dak li mhuwiex inkluż huwa t-taħlitiet u l-prodotti naturali li fihom sustanzi skedati u li huma komposti b’tali mod li s-sustanzi skedati ma jistgħux jintużaw jew jiġu estratti faċilment b’mezzi applikabbli faċilment jew ekonomikament vijabbli: prodotti mediċinali għall-bnedmin kif definiti fid-Direttiva 2001/83/KE u prodotti mediċinali veterinarji kif definiti fid-Direttiva 2001/82/KE.
Utent: persuna fiżika jew ġuridika minbarra operatur (ara l-entrata li jmiss) li jkollha sustanza skedata u li tkun involuta fl-ipproċessar, fil-formulazzjoni, fil-konsum, fil-ħżin, fiż-żamma, fit-trattament, fil-mili f’kontenituri, fit-trasferiment minn kontenitur għal ieħor, fit-taħlit, fit-trasformazzjoni jew kwalunkwe użu ieħor tas-sustanzi skedati.
Operatur: kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuta fit-tqegħid fis-suq ta’ sustanzi skedati.
Sustanza mhux skedata: kwalunkwe sustanza li, għalkemm mhix elenkata fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, hija identifikata li ġiet intużata għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-perkursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU L 22, 26.1.2005, pp. 1-10)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 111/2005 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1011 tal-24 ta’ April 2015 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prekursuri tad-droga u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1277/2005 (ĠU L 162, 27.6.2015, pp. 12-25)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1013 tal-25 ta’ Ġunju 2015 li jistabbilixxi r-regoli fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prekursuri tad-droga u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (ĠU L 162, 27.6.2015, pp. 33-64)

Ir-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004, pp. 1-10)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEEtat-22 ta’ Ottubru 1990 fir-rigward tal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (ĠU L 326, 24.11.1990, pp. 56-57)

l-aħħar aġġornament 20.02.2023

Top