Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tilwim bejn investituri barranin u l-gvernijiet tal-UE

Tilwim bejn investituri barranin u l-gvernijiet tal-UE

Ir-regolament jiċċara r-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-pajjiżi membri tagħha meta investitur minn pajjiż mhux tal-UE jressaq ilment għal ksur ta’ ftehim internazzjonali li l-UE hija parti minnu.

ATT

Ir-Regolament (UE) Nru 912/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti.

SOMMARJU

Ir-regolament jiċċara r-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-pajjiżi membri tagħha meta investitur minn pajjiż mhux tal-UE jressaq ilment għal ksur ta’ ftehim internazzjonali li l-UE hija parti minnu.

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-investiment dirett barrani sar parti mill-politika kummerċjali tal-UE li l-UE għandha kompetenza esklussiva għaliha. Dan ifisser li l-Kummissjoni Ewropea tinnegozja f'isem il-pajjiżi tal-UE, dik il-parti tal-investiment tal-ftehimiet kummerċjali konklużi ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Dawn il-ftehimiet jistgħu jinkludu mekkaniżmu għas-solvien tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat (ISDS). Din hija miżura protettiva li tagħti d-dritt lill-investituri minn pajjiżi mhux tal-UE konċernati jieħdu azzjoni legali kontra pajjiż tal-UE li fih investew il-flus. L-ilmenti huma dwar ksur allegat tal-ftehimiet internazzjonali.

Ir-regoli l-ġodda jiddeterminaw jekk hijiex l-UE, irrapreżentata mill-Kummissjoni, jew il-gvernijiet Ewropej li jridu jħallsu l-ispejjeż finanzjarji, inkluż il-kumpens, li jirriżultaw mit-tilwim.

PUNTI EWLENIN

Kriterji li jiċċaraw il-qsim tar-responsabbiltà finanzjarja

  • 1.

    L-UE tħallas l-ispejjeż finanzjarji meta l-ilment minn investitur huwa dwar miżura meħuda minn istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-UE.

  • 2.

    Il-pajjiż tal-UE konċernat iħallas l-ispejjeż finanzjarji meta l-ilment minn investitur huwa dwar miżura li jkun ħa.

  • 3.

    Jekk miżura tittieħed minn pajjiż tal-UE iżda hija meħtieġa mil-liġi tal-UE, l-UE hija finanzjarjament responsabbli.

Proċedura

Kooperazzjoni u konsultazzjonijiet: il-Kummissjoni u l-pajjiż tal-UE konċernat minn tilwim iridu jikkoperaw, jikkonsultaw lil xulxin u jaqsmu l-informazzjoni. Ir-regolament jipprovdi wkoll regoli tal-kondotta għal meta jitwettaq arbitraġġ (proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim) mill-UE u l-pajjiż tal-UE konċernat.

Nuqqas ta’ qbil dwar ir-responsabbiltà finanzjarja: meta l-UE hija l-konvenut fit-tilwim, u l-Kummissjoni tqis li l-pajjiż tal-UE konċernat huwa fil-fatt responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ, dawn iridu jilħqu qbil bejniethom.

Jekk il-pajjiż tal-UE ma jaqbilx ma’ dan, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li tobbliga l-pajjiż inkwistjoni jirrimborża l-ammont imħallas.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament japplika mis-17 ta’ Settembru 2014.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 912/2014

17.9.2014.

-

ĠU L 257, tal-28.8.2014, p. 121.

l-aħħar aġġornament 03.12.2014

Top