Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kif l-Unjoni Ewropea qiegħda tonfoq il-baġit tagħha fl-2014

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Kif l-Unjoni Ewropea qiegħda tonfoq il-baġit tagħha fl-2014

Il-baġit tal-Unjoni Ewropea (UE) jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE f'firxa wiesgħa ta' oqsma bħall-impjiegi, l-iżvilupp reġjonali, ir-riċerka u l-edukazzjoni, l-ambjent, l-għajnuna umanitarja u appoġġ għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

ATT

Adozzjoni definittiva tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (2014/67/UE, Euratom).

SOMMARJU

X'INHU L-OBJETTIV EWLIENI TAL-BAĠIT TAL-UE?

Il-baġit tal-Unjoni Ewropea (UE) jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE f'firxa wiesgħa ta' oqsma bħall-impjiegi, l-iżvilupp reġjonali, ir-riċerka u l-edukazzjoni, l-ambjent, l-għajnuna umanitarja u appoġġ għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Sabiex jiġu ffinanzjati proġetti f'dawn l-oqsma, il-Baġit tal-UE huwa definit fuq il-bażi ta' Qafas Finanzjarju Multi-annwali (MFF) li jkopri perjodu ta' 7 snin. Il-baġit tal-2014 huwa l-ewwel baġit tal-MFF il-ġdid tal-2014-2020.

PRIJORITAJIET EWLENIN

Il-baġit tal-UE huwa għodda ewlenija li tipprovdi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv kif ukoll solidarjetà bejn il-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE. F'dan ir-rigward, il-baġit tal-UE għall-2014 iffoka fuq it-tkabbir u l-impjiegi, b'attenzjoni speċifika fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Fi ħdan il-limiti tal-MFF tal-2014-2020 (€960 biljun tal-approprjazzjonijiet ta' impenn (ara taħt) għall-perjodu ta' 7 snin bi prezzijiet tal-2011), il-baġit tal-2014 jammonta għal total ta' madwar €143 biljun f'impenni (prezzijiet attwali).

Dan il-baġit huwa maqsum skont il-qasam kif ġej (impenni, prezzijiet attwali):

  • 1.

    Tkabbir Intelliġenti u Inklussiv: 44.9% - €63.986 biljun inkluż:

    • Il-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi: 11.6% - €16.484 biljun
    • Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: 33.3% - €47.502 biljun
  • 2.

    Tkabbir Sostenibbli Riżorsi Naturali: 41.6% - €59.267 biljun (li minnhom, infiq relatat mas-Suq u pagamenti diretti lill-bdiewa €43.778 biljun)

  • 3.

    Sigurtà u ċittadinanza 1.5% - €2.172 biljun

  • 4.

    Ewropa Globali: 5.8% - €8.325 biljun

  • 5.

    Amministrazzjoni: 5.9% - €8.405 biljun (l-aktar l-infiq tal-istituzzjonijiet tal-UE).

Fuq xhiex jintnefqu l-flus?

  • tkabbir u impjiegi għall-ġlieda kontra l-qgħad, għall-iżvilupp tar-riżorsi umani u għall-promozzjoni tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa l-għodda ewlenija f'dak il-qasam;
  • żvilupp reġjonali l-aktar iffinanzjat permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK) għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-UE u t-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni tal-UE;
  • żvilupp rurali u azzjoni ambjentali l-aktar permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAERŻ) għal miżuri agri-ambjentali u għall-modernizzazzjoni ta' assi agrikoli;
  • agrikoltura bil-għajnuna tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), wieħed mill-istrumenti tal-politika agrikola komuni tal-UE. Ħafna mill-infiq huwa fuq pagamenti lil bdiewa tal-UE;
  • relazzjonijiet esterni u għajnuna umanitarja sabiex tingħata assistenza għal u sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi tal-Asja, tal-Amerika Latina, tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) jew tal-pajjiżi tal-Mediterran;
  • politiki speċifiċi oħrajn bħar-riċerka bil-Programm Orizzont 2020, Erasmus+ għall-mobilità taż-żgħażagħ jew azzjoni diretta lejn intrapriżi żgħar u medji (COSME). Miżura speċifika tinħoloq ukoll sabiex toffri opportunitajiet ġodda lil żgħażagħ bla xogħol (Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ).

META JIĠI IMPLIMENTAT IL-BAĠIT TAL-UE TAL-2014?

Mill-1.1.2014 sal-31.12.2014.

SFOND

Il-baġit tal-UE huwa ekwivalenti għal madwar 1% tal-ġid ekonomiku tal-UE (Introjtu Nazzjonali Gross - ING). Għal kull sena, u fi ħdan il-limiti tal-MFF, il-Kummissjoni tipproponi baġit adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE.

KLIEM EWLIENI

  • L-approprjazzjonijiet ta' impenn: figura f'sena baġitarja partikolari li tinkludi flus imwiegħda għal programmi tal-UE li jkopru bosta snin iżda mhux neċessarjament imħallsa f'dik is-sena baġitarja;
  • Approprjazzjonijiet ta' pagamenti: ammont mistenni li jitħallas attwalment f'dik is-sena baġitarja.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku ta' DĠ Baġit u tal-KE Glossarju baġitarju.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

2014/67/UE, Euratom

1.1.2014

-

ĠU L 51, 20.2.2014, p. 1-1982

l-aħħar aġġornament 02.03.2015

Top