EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Appoġġ umanitarju ta’ emerġenza fi ħdan l-UE

Appoġġ umanitarju ta’ emerġenza fi ħdan l-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2016/369 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (UE) 2016/369:

  • għandu l-għan li jipprovdi sett ta’ regoli għal appoġġ umanitarju* ta’ emerġenza għall-pajjiżi tal-UE waqt diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem;
  • japplika meta strumenti oħra ma jkunux biżżejjed;
  • jappoġġja u jikkomplementa l-azzjonijiet tal-pajjiż jew il-pajjiżi tal-UE affettwati.

Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 fl-2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/521 li jattiva miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369. Il-perjodu ta’ attivazzjoni huwa bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Jannar 2022.

PUNTI EWLENIN

  • L-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI) maħluq skont dan ir-regolament huwa bbażat fuq il-ħtiġijiet u huwa maħsub biex jippreserva l-ħajja, jipprevjeni t-tbatija tal-bniedem u jżomm id-dinjità tal-bniedem.
  • Il-Kunsill jiddeċiedi dwar l-attivazzjoni tal-appoġġ ta’ emerġenza skont dan ir-regolament abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea.
  • Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-azzjonijiet li jkunu rċevew finanzjament u tippreżenta valutazzjoni ġenerali tal-appoġġ mogħti matul attivazzjoni partikolari, jew proposti biex jintemm l-appoġġ, lill-Kunsill sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-attivazzjoni tal-appoġġ ta’ emerġenza.
  • Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-fondi li jintużaw skont dan ir-regolament ma jiġux affettwati minn frodi, korruzzjoni jew minn xi attività illegali oħra li tista’ tagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE.
  • Dan ir-regolament għandu l-għan li jikkomplementa strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE, bħall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.

Miżuri speċjali għall-COVID-19

  • Permezz tal-ESI, l-UE qed timmobilizza EUR 2.7 biljun. Dan għandu jintuża biex jiffinanzja appoġġ ta’ emerġenza fil-kura tas-saħħa bħal:
    • l-akkwist, il-ħażna u d-distribuzzjoni b’mod konġunt ta’ riżorsi essenzjali;
    • it-tisħiħ tal-iżvilupp ta’ metodi ta’ medikazzjoni u ta’ ttestjar;
    • il-ħolqien ta’ sptarijiet temporanji u t-twaqqif ta’ faċilitajiet ta’ kwarantina temporanji; u
    • għajnuna għat-trasport ta’ pazjenti bejn il-fruntieri għal sptarijiet b’kapaċità ħielsa.
  • Se jkun possibbli wkoll li jiġu ffinanzjati azzjonijiet oħra skont il-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-pajjiżi, l-isptarijiet, it-tobba u l-pazjenti tal-UE.
  • Il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja organizzazzjonijiet sħab, bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, servizzi speċjalizzati ta’ pajjiżi tal-UE, awtoritajiet nazzjonali u korpi pubbliċi oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom.
  • Il-firxa ta’ benefiċjarji potenzjali ta’ assistenza finanzjarja għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-ESI twessgħet minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Fejn xieraq u meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet bl-għarfien espert meħtieġ, jew attivi fis-settur tal-għajnuna f’każ ta’ diżastru jistgħu jkunu eliġibbli, bħal:
    • fornituri ta’ servizzi privati;
    • manifatturi tat-tagħmir; u
    • xjenzjati u istituzzjonijiet ta’ riċerka.
  • L-għażliet differenti disponibbli għall-akkwist ta’ provvisti u servizzi meħtieġa għall-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza jinkludu:
    • l-akkwist konġunt mill-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE;
    • l-akkwist mill-Kummissjoni f’isem il-pajjiżi tal-UE;
    • l-akkwist mill-Kummissjoni; u
    • il-bejgħ, id-donazzjoni jew il-kiri tal-provvisti jew is-servizzi akkwistati lill-pajjiżi tal-UE jew lill-organizzazzjonijiet sħab magħżula mill-Kummissjoni.
  • Il-finanzjament tal-ESI jista’ jkopri sa 100 % tal-ispejjeż diretti u indiretti relatati mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-ESI sa tmiem il-perjodu ta’ attivazzjoni. L-ispejjeż diretti jistgħu jinkludu:
    • ix-xiri, il-preparazzjoni, il-ġbir, it-trasport, il-ħażna u d-distribuzzjoni ta’ oġġetti u servizzi; u
    • l-ispejjeż ta’ investiment ta’ azzjonijiet jew proġetti direttament relatati mal-kisba tal-għanijiet tal-attivazzjoni tal-ESI rilevanti.
  • Biex jitħaffef l-għoti u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti li jirriżultaw minn proċeduri ta’ akkwist, ir-regolament jippermetti ċerti derogi għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ir-Regolament Finanzjarju tal-UE (ara s-sommarju).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) 2016/369 ilu japplika mis-16 ta’ Marzu 2016.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/521 ilu japplika mill-1 ta’ Frar 2020.

SFOND

Ir-raġuni ewlenija għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament fl-2016 kienet is-sitwazzjoni tar-refuġjati u l-migrazzjoni li taffettwa l-UE. Dak iż-żmien, l-UE, b’mod speċjali l-Greċja, ma setgħetx tlaħħaq mal-għadd kbir ta’ refuġjati u migranti li kienu qed jaslu u jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti. Il-Kummissjoni Ewropea allokat kważi EUR 650 miljun mill-2016 sal-2019 lil organizzazzjonijiet sħab biex jappoġġjaw lir-refuġjati u lill-migranti fil-Greċja.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Appoġġ umanitarju: ikel, kenn, ilma, mediċina u miżuri ta’ protezzjoni huma wħud mit-tipi ta’ għajnuna umanitarja li jistgħu jiġu diretti lejn il-popolazzjonijiet affettwati.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, pp. 1-6)

L-Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) 2016/369 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1-222)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li takkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (COM(2016) 116 final, 2.3.2016)

l-aħħar aġġornament 18.05.2020

Top