IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.10.2020
COM(2020) 662 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja
{SWD(2020) 550 final}
1. It-tisħiħ tar-rinnovazzjoni tal-bini għan-newtralità klimatika u għall-irkupru
L-istokk tal-bini tal-Ewropa huwa uniku kif ukoll eteroġenju fil-mod kif jesprimi d-diversità kulturali u l-istorja tal-kontinent tagħna. Iżda mhux sorpriża li huwa wkoll qadim u jinbidel bil-mod ħafna. Iktar minn 220 miljun unità tal-bini, li jirrappreżentaw 85 % tal-istokk tal-bini tal-UE, inbnew qabel l-2001. 85-95 % tal-binjiet li jeżistu llum se jkunu għadhom jeżistu fl-2050.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawk il-binjiet eżistenti mhumiex effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Ħafna minnhom jiddependu fuq il-fjuwils fossili għat-tisħin u għat-tkessiħ, u jużaw teknoloġiji qodma u apparati elettrodomestiċi li jaħlu l-enerġija. Il-faqar enerġetiku għadu sfida maġġuri għal miljuni ta’ Ewropej. B’mod kumplessiv, il-binjiet huma responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum totali tal-enerġija tal-UE, u għal 36 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-enerġija.
Il-kriżi tal-COVID-19 xeħtet lenti iktar iffokata fuq il-binjiet tagħna, l-importanza tagħhom għal ħajjitna u l-fraġilitajiet tagħhom. Matul il-pandemija, id-dar kienet il-punt fokali tal-ħajja ta’ kuljum għal miljuni ta’ Ewropej: uffiċċju għal dawk li jaħdmu bit-telexogħol, skola preprimarja jew klassi għat-tfal u għall-istudenti, u ċentru għax-xiri online jew għat-tniżżil tal-kontenut ta’ divertiment għal ħafna nies. L-iskejjel kellhom jadattaw għall-apprendiment mill-bogħod. L-infrastruttura tal-isptarijiet kienet taħt pressjoni qawwija. In-negozji privati kellhom jaġġustaw ruħhom mill-ġdid għat-tbegħid soċjali. Uħud mill-effetti tal-pandemija jaf ikomplu fit-tul u joħolqu domanda ġdida fir-rigward tal-binjiet tagħna u l-profil enerġetiku u tar-riżorsi tagħhom, u b’hekk ikomplu jżidu l-ħtieġa li jiġu rinnovati profondament u fuq skala kbira.
Filwaqt li l-Ewropa qed tirsisti biex tegħleb il-kriżi tal-COVID-19, ir-rinnovazzjoni toffri opportunità unika biex mill-ġdid nerġgħu naħsbu fil-binjiet tagħna u niddisinjawhom u nimmodernizzawhom biex nagħmluhom adattati għal soċjetà iktar ekoloġika u diġitali u nsostnu l-irkupru ekonomiku.
Fil-Pjan tal-Mira Klimatika għall-2030
, il-Kummissjoni pproponiet li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-UE b’minn tal-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990. L-effiċjenza enerġetika hija komponent essenzjali għat-teħid ta’ azzjoni, filwaqt li s-settur tal-bini huwa wieħed mill-oqsma li fih iridu jiżdiedu l-isforzi. Sabiex tilħaq il-mira ta’ 55 % tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030, l-UE għandha tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-binjiet b’60 %, il-konsum finali tal-enerġija tagħhom b’14 % u l-konsum tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ bi 18 %
. Għalhekk, huwa meħtieġ b’mod urġenti li l-UE tiffoka fuq kif il-binjiet tagħna jistgħu jsiru iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inqas intensivi fl-użu tal-karbonju matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom u iktar sostenibbli. Permezz tal-applikazzjoni ta’ prinċipji taċ-ċirkolarità fir-rinnovazzjoni tal-bini, jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra relatati mal-materjali fil-binjiet.
Illum, 11 % biss tal-istokk tal-bini eżistenti tal-UE jsirlu xi livell ta’ rinnovazzjoni kull sena. Madankollu, qajla ħafna, ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni jindirizzaw ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Ir-rata annwali ponderata ta’ rinnovazzjoni enerġetika hija baxxa – xi 1 %. Madwar l-UE, f’0,2 % tal-istokk tal-bini biss isiru rinnovazzjonijiet profondi kull sena li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b’minn tal-inqas 60 %, u f’xi reġjuni, ir-rati ta’ rinnovazzjoni enerġetika huma kważi assenti għalkollox. B’dan ir-ritmu, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju mis-settur tal-bini għan-newtralità klimatika jeħtieġ sekli sħaħ. Wasal il-mument li tittieħed azzjoni.
Din mhijiex biss kwistjoni tat-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Ir-rinnovazzjoni tista’ tiftaħ il-bibien beraħ għal diversi possibbiltajiet u tista’ tiġġenera benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi estensivi. Bl-istess intervent, il-binjiet jistgħu jsiru iktar favur is-saħħa, iktar ekoloġiċi, interkonnessi f’distrett tal-viċinat, iktar aċċessibbli, reżiljenti għal avvenimenti naturali estremi, u mgħammra b’punti tal-iċċarġjar għall-elettromobbiltà u b’parkeġġi tar-roti. Il-binjiet intelliġenti jistgħu jipprovdu data essenzjali li tikkonforma mal-privatezza għall-ippjanar u għas-servizzi tal-bliet. Ir-rinnovazzjoni profonda tista’ tnaqqas il-pressjoni favur il-kostruzzjoni f’imħadar, u tgħin il-preservazzjoni tan-natura, tal-bijodiversità u tal-art agrikola għammiela.
L-investiment fil-binjiet jista’ wkoll iservi ta’ stimolu tant meħtieġ fl-ekosistema tal-kostruzzjoni u fl-ekonomija usa’. Ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni jirrikjedu ħafna ħaddiema, joħolqu l-impjiegi u l-investimenti msejsa fuq ktajjen tal-provvista li spiss ikunu lokali, jistgħu jiġġeneraw domanda għal tagħmir effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi u jwasslu biex il-proprjetajiet ikollhom valur fit-tul. Sal-2030 jistgħu jinħolqu 160 000 impjieg ekoloġiku addizzjonali fis-settur tal-kostruzzjoni tal-UE permezz ta’ mewġa ta’ rinnovazzjoni. Din tista’ tkun ta’ valur kbir għal settur li fih 90 % tal-operaturi huma SMEs, li qalgħu daqqa ta’ ħarta sew mill-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19. L-attività fil-kostruzzjoni naqset bi 15,7 % meta mqabbla mal-2019 u l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika naqsu bi 12 % fl-2020. Anke jekk ikun mistenni rkupru, x’aktarx li s-settur iġarrab impatt li jdum.
Issa l-Ewropa għandha ċans tad-deheb sabiex permezz tar-rinnovazzjoni twassal benefiċċji tan-newtralità klimatika u tal-irkupru għal kulħadd. Permezz tal-istrument għall-irkupru tal-UE NextGenerationEU, flimkien mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE, se jkun disponibbli volum ta’ riżorsi bla preċedent li jistgħu jintużaw ukoll biex tinbeda r-rinnovazzjoni għall-irkupru, għar-reżiljenza u għal inklużjoni soċjali akbar. L-indirizzar tal-effiċjenza enerġetika flimkien mal-aċċessibbiltà jwassal biex il-bini jkun iktar sostenibbli u jkun jista’ jintuża iktar fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ.
Abbażi ta’ dan, din il-Komunikazzjoni tippreżenta strateġija biex tiskatta Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa, li tneħħi xkiel li ilu jeżisti għar-rinnovazzjoni favur l-effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi, tappoġġa investiment ġdid fuq perjodu sostnut li jibda mill-binjiet pubbliċi u inqas effiċjenti, tixpruna d-diġitalizzazzjoni u toħloq opportunitajiet ta’ impjiegi u ta’ tkabbir tul il-katina tal-provvista tar-rinnovazzjoni.
L-objettiv huwa li minn tal-inqas tiġi rduppjata r-rata annwali ta’ rinnovazzjoni enerġetika tal-binjiet residenzjali u mhux residenzjali sal-2030 u li jitrawmu rinnovazzjonijiet enerġetiċi profondi. Il-mobilizzazzjoni tal-forzi fil-livelli kollha biex dawn l-għanijiet jintlaħqu se tirriżulta f’35 miljun unità tal-bini rinnovati sal-2030. Il-profondità u ż-żieda fir-rata tar-rinnovazzjoni se jkollhom jinżammu wara l-2030 ukoll sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika fl-UE kollha sal-2050.
2. Il-prinċipji ewlenin għar-rinnovazzjoni tal-bini sal-2030 u sal-2050
L-UE trid tadotta strateġija komprensiva u integrata li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ setturi u ta’ atturi abbażi tal-prinċipji ewlenin li ġejjin:
-“l-Effiċjenza Enerġetika Tiġi l-Ewwel” bħala prinċipju gwida orizzontali tal-governanza klimatika u enerġetika Ewropea u lil hinn minnha, kif deskritt fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-istrateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistemi tal-Enerġija, sabiex jiġi żgurat li nipproduċu biss l-enerġija li tassew neħtieġu;
-L-Affordabbiltà, sabiex il-binjiet sostenibbli u b’rendiment tajjeb fl-użu tal-enerġija jkunu disponibbli b’mod wiesa’, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi b’introjtu medju u b’introjtu iktar baxx kif ukoll għall-persuni u għaż-żoni vulnerabbli;
-Id-Dekarbonizzazzjoni u l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Ir-rinnovazzjoni tal-bini għandha tħaffef l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari s-sorsi lokali, u għandha tippromwovi użu usa’ tas-sħana mormija. Għandha tintegra s-sistemi tal-enerġija fil-livelli lokali u reġjonali sabiex jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport kif ukoll tat-tisħin u tat-tkessiħ;
-Mentalità li tqis iċ-ċiklu tal-ħajja u ċ-ċirkolarità. L-imminimizzar tal-impronta tal-binjiet jirrikjedi l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ċ-ċirkolarità flimkien mat-trasformazzjoni ta’ partijiet mis-settur tal-kostruzzjoni f’bir tal-karbonju, pereżempju permezz tal-promozzjoni tal-infrastruttura ekoloġika u l-użu ta’ materjali organiċi tal-bini li jistgħu jaħżnu l-karbonju, bħall-injam minn sorsi sostenibbli;
-Standards għoljin tas-saħħa u tal-ambjent. Dawn għandhom jiżguraw kwalità għolja tal-arja, ġestjoni tajba tal-ilma, il-prevenzjoni tad-diżastri u l-protezzjoni mill-perikli relatati mal-klima, it-tneħħija tas-sustanzi li jagħmlu l-ħsara bħall-asbestos u r-radon u l-protezzjoni minnhom, is-sikurezza siżmika u fir-rigward tan-nirien. Barra minn hekk, għandha tiġi żgurata l-aċċessibbiltà sabiex jinkiseb aċċess ugwali għall-popolazzjoni tal-Ewropa, inkluż il-persuni b’diżabbiltà u ċ-ċittadini anzjani.
-L-indirizzar tal-isfidi tewmin tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali flimkien. Il-binjiet intelliġenti jistgħu jippermettu l-produzzjoni u l-użu effiċjenti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell tad-djar, tad-distretti jew tal-bliet. Flimkien mas-sistemi intelliġenti tad-distribuzzjoni tal-enerġija, dawn jippermettu li jkun hemm binjiet effiċjenti ħafna u b’żero emissjonijiet.
-Ir-rispett għall-estetika u għall-kwalità arkitettonika
. Ir-rinnovazzjoni trid tirrispetta l-prinċipji tal-konservazzjoni tad-disinn, tas-sengħa, tal-patrimonju u tal-ispazji pubbliċi.
3. It-twettiq ta’ rinnovazzjoni iktar rapida u profonda għal binjiet aħjar
L-UE stabbiliet qafas regolatorju u sett ta’ strumenti ta’ finanzjament biex tippromwovi l-effiċjenza enerġetika, ir-rinnovazzjoni tal-bini u l-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell tal-bini, tal-viċinati u tad-distretti. Il-Pakketti dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha tal-2018 u tal-2019 immodernizzaw dan il-qafas, ħolqu bażi solida għall-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija, għall-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, u d-dispożizzjonijiet tagħhom jeħtieġ li jiġu implimentati għalkollox bħala kwistjoni ta’ prijorità assoluta mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati kollha.
Dan il-qafas wassal għal progress sostanzjali fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija: il-binjiet il-ġodda llum jikkonsmaw nofs l-enerġija li kienu jikkonsmaw binjiet ġodda simili 20 sena ilu. Bis-saħħa tal-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika, għadd dejjem jikber ta’ kumpaniji tal-enerġija qed jiżguraw li l-klijenti tagħhom jiffrankaw l-enerġija, u qed joffru pakketti kummerċjali li kulma jmur qed jindirizzaw ir-rinnovazzjoni tal-bini u l-immodernizzar tas-sistemi. L-Ewropa tirrappreżenta madwar 40 % tal-investimenti dinjija fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini (EUR 85-90 biljun fis-sena), bis-settur tal-bini fuq quddiem nett fl-applikazzjoni tal-prinċipji taċ-ċiklu tal-ħajja. Minkejja dan, il-livell ta’ rinnovazzjonijiet tal-binjiet eżistenti għadu persistentement baxx u mhux profond.
Ir-rinnovazzjoni hija mxekkla minn xkiel f’punti differenti tul il-katina tal-valur – mid-deċiżjoni inizjali li ssir rinnovazzjoni, sal-finanzjament u t-tlestija tal-proġett. Pereżempju, meta tiġi kkunsidrata rinnovazzjoni, il-benefiċċji mill-iffrankar tal-enerġija jistgħu jkunu inċerti jew mhux spjegati u mifhuma sew, speċjalment mill-utenti finali. Jaf ikun diffiċli li jitkejlu u jiġu monetizzati. Ir-rinnovazzjoni tista’ wkoll tkun għalja, diffiċli li tiġi organizzata u tirrikjedi ħafna żmien biex titwettaq. Il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament jaf tkun diffiċli, b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali. Il-fondi pubbliċi spiss ikunu skarsi u jkun diffiċli li jitħalltu minħabba l-ostakli regolatorji u minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.
Sabiex jingħata bidu għall-varar sostenibbli u fuq skala kbira tar-rinnovazzjoni madwar l-Ewropa kollha, jeħtieġ li jitneħħa x-xkiel ewlieni f’kull punt tal-katina tal-provvista.
Abbażi tal-analiżi tagħha u konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni identifikat l-oqsma ta’ intervent li ġejjin u kienet fit-tmun għat-teħid ta’ azzjonijiet kritiċi biex ikun hemm bidla radikali fil-profondità u fl-iskala tar-rinnovazzjonijiet:
1)It-tisħiħ tal-informazzjoni, taċ-ċertezza tad-dritt u tal-inċentivi biex is-sidien u l-inkwilini pubbliċi u privati jwettqu r-rinnovazzjonijiet. Fl-2021, il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. Se tipproponi li jiġi introdott obbligu iktar rigoruż biex ikun hemm Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija flimkien mal-introduzzjoni gradwali ta’ standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija obbligatorji għall-binjiet eżistenti. Se tipproponi wkoll li r-rekwiżiti għar-rinnovazzjoni tal-bini jiġu estiżi għal-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Il-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw dawn ir-reviżjonijiet leġiżlattivi se jikkunsidraw opzjonijiet differenti f’termini tal-livell, tal-kamp ta’ applikazzjoni u tat-tempestività ta’ dawn ir-rekwiżiti.
2)L-iżgurar ta’ finanzjament adegwat u mmirat sew. L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021
u l-Gwida dwar il-Pjanijiet ta’ Reżiljenza u Rkupru
identifikaw ir-rinnovazzjoni tal-bini bħala prijorità għall-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewlenija Ewropea “Rinnovazzjoni”. Apparti l-irkupru, din il-Komunikazzjoni tipproponi li jiżdiedu l-volum u l-impatt tal-finanzjament mill-UE billi jiġu pprovduti iktar għotjiet, assistenza teknika, appoġġ għall-iżvilupp tal-proġetti u selfiet, u billi jkun possibbli li dawn jiġu kkombinati kuntrarjament għal dak li kien jiġri fil-passat meta dan ma kienx possibbli. Il-Kummissjoni se tippromwovi suq ġenwin għas-servizzi tal-enerġija u se ssaħħaħ l-aċċess għal finanzjament privat attraenti permezz tal-Istrateġija Mġedda għall-Finanzi Sostenibbli. L-appoġġ għall-aċċess għas-servizzi essenzjali tal-enerġija għandu jkun disponibbli għan-nies fil-bżonn.
3)Iż-żieda tal-kapaċità għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Kummissjoni se żżid l-assistenza teknika u se twassalha eqreb tal-atturi reġjonali u lokali, b’mod partikolari billi ssaħħaħ l-Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali (ELENA) u billi tuża t-tieqa tal-assistenza teknika fil-kuntest tal-Fond għar-Reżiljenza u għall-Irkupru.
4)Il-promozzjoni ta’ interventi komprensivi u integrati ta’ rinnovazzjoni għal binjiet intelliġenti, l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-abilitazzjoni tal-kejl tal-konsum reali tal-enerġija. L-Indikatur il-ġdid tal-Potenzjal ta’ Intelliġenza
jippromwovi rinnovazzjonijiet favur id-diġitalizzazzjoni. Fil-qafas tar-reviżjoni li għaddejja attwalment tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif il-kriterji tas-sostenibbiltà jistgħu jappoġġaw l-introduzzjoni ta’ prodotti tal-kostruzzjoni iktar sostenibbli fix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u jrawmu l-introduzzjoni tal-iktar teknoloġiji reċenti.
5)L-adattar tal-ekosistema tal-kostruzzjoni biex twassal rinnovazzjoni sostenibbli, ibbażata fuq soluzzjonijiet ċirkolari, l-użu u l-użu mill-ġdid ta’ materjali sostenibbli, u l-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet industrijali sostenibbli standardizzati u l-użu mill-ġdid tal-materjal ta’ skart. Se tiżviluppa pjan direzzjonali għall-2050 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu fil-binjiet, inkluż permezz tal-użu ta’ prodotti b’bażi bijoloġika, u se tirrieżamina l-miri għall-irkupru tal-materjali. Sabiex jissaħħu l-għarfien espert u l-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tar-rinnovazzjoni, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri permezz tal-Aġenda għall-Ħiliet u l-Patt għall-Ħiliet li jmiss tagħha u permezz tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta sabiex jiġu ffinanzjati l-inizjattivi ta’ taħriġ u ta’ taħriġ mill-ġdid, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali.
6)L-użu tar-rinnovazzjoni bħala għodda biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u l-aċċess għal abitazzjonijiet favur is-saħħa għall-unitajiet domestiċi kollha, inkluż għall-persuni b’diżabbiltà u għall-anzjani. Il-Kummissjoni qed tippreżenta Rakkomandazzjoni dwar il-faqar enerġetiku. Il-Kummissjoni se tniedi Inizjattiva għal Abitazzjonijiet għall-But ta’ Kulħadd għal 100 proġett ewlieni u se teżamina jekk ir-riżorsi tal-baġit tal-UE flimkien mad-dħul tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) jistgħux jintużaw u kif jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw skemi nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika u tal-iffrankar tal-enerġija mmirati lejn il-popolazzjoni b’introjtu iktar baxx.
7)Il-promozzjoni tad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ, li hija responsabbli għal 80 % tal-enerġija kkonsmata fil-binjiet residenzjali, permezz tar-reviżjonijiet tal-2021 tad-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Effiċjenza fl-Enerġija u tal-EU ETS, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ miżuri tal-ekodisinn u tat-tikkettar, kif ukoll l-appoġġ għal approċċi distrettwali.
Dawn l-azzjonijiet ewlenin u diversi miżuri ta’ politika, regolatorji u ta’ finanzjament ta’ appoġġ huma deskritti f’iktar dettall fit-taqsimiet li ġejjin.
3.1. It-tisħiħ tal-informazzjoni, taċ-ċertezza tad-dritt u tal-inċentivi għar-rinnovazzjoni
Il-punt tat-tluq ta’ rinnovazzjoni sostenibbli huwa dejjem deċiżjoni individwali, li tibbilanċja l-benefiċċji u l-kostijiet mistennija. Minkejja dan, illum, fost l-ikbar xkiel għat-teħid ta’ deċiżjoni bħal din, hemm in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-profil attwali tal-enerġija u tar-riżorsi tal-binjiet u l-benefiċċji potenzjali tar-rinnovazzjoni, in-nuqqas ta’ fiduċja fl-iffrankar reali tal-enerġija u l-inċentivi opposti bejn is-sidien u l-inkwilini.
Xi Stati Membri ddeċidew li jindirizzaw din is-sitwazzjoni billi jintroduċu livelli minimi ta’ rendiment sa skadenza speċifikata ta’ konformità jew f’ċerti mumenti tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini. Dawn ir-rekwiżiti jipprovdu xi ħaġa konkreta għall-aspettattivi tal-investituri u tan-negozji u jaħdmu l-aħjar flimkien ma’ ċertifikati u finanzjament affidabbli tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Il-vantaġġi ta’ tali spinta regolatorja jinkludu t-tfassil ta’ linji ċari għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’binjiet b’ħafna sidien, li jirriflettu r-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-valur ta’ bini, u li jirrimedjaw għall-għarfien ġenerali baxx dwar il-benefiċċji tar-rinnovazzjoni.
Filwaqt li se tibni fuq prattiki tajbin bħal dawn, il-Kummissjoni se tipproponi standards minimi obbligatorji tar-rendiment fl-użu tal-enerġija bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) sa tmiem l-2021, wara valutazzjoni tal-impatt li tħares lejn il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda ta’ żmien u l-introduzzjoni gradwali tal-implimentazzjoni progressiva ta’ tali rekwiżiti, inkluż il-ħtieġa li l-politiki ta’ appoġġ jiġu akkumpanjati. Tali miżuri se jiffaċilitaw il-kollegament tal-inċentivi nazzjonali, reġjonali u lokali speċifiċi u se jappoġġjaw il-konformità ma’ dawn l-istandards minimi.
Il-Kummissjoni tqis li ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPC) u d-disponibbiltà tagħhom f’bażijiet tad-data aċċessibbli jtejbu t-trasparenza tar-rendiment tal-istokk tal-bini. Fil-livell tal-bini, l-EPCs jagħtu informazzjoni dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija, is-sehem tas-sorsi rinnovabbli ta’ enerġija u l-kostijiet tal-enerġija. Fil-livell distrettwali, reġjonali, nazzjonali jew tal-Unjoni, dawn huma kruċjali għall-identifikazzjoni tal-binjiet bl-agħar rendiment li b’mod urġenti jeħtieġu rinnovazzjoni. Dawn jistgħu jintużaw biex jiġi evalwat it-titjib relattiv għall-investiment qabel u wara x-xogħlijiet u biex il-finanzjament jiġi kkollegat mar-rinnovazzjoni ta’ kwalità.
L-EPBD diġà tistabbilixxi rekwiżiti għall-EPCs f’każ ta’ kostruzzjoni, bidla fl-okkupanti tal-binjiet u għal binjiet okkupati minn awtoritajiet pubbliċi u li spiss iżurhom il-pubbliku, ta’ iktar minn 250 m2. Madankollu, il-kopertura tal-EPC għadha limitata, u diversi Stati Membri għandhom inqas minn 10 % tal-istokk tal-bini bl-EPCs. Il-kwalità u l-ipprezzar ġust tagħhom jibqgħu problema li tnawwar il-fiduċja f’din l-għodda. Ftit ħafna mill-EPCs huma bbażati fuq awditi fiżiċi tal-enerġija, u ma jirriflettux l-interkonnettività u l-potenzjal ta’ intelliġenza tal-binjiet. Minħabba li kulma jmur qed isiru disponibbli soluzzjonijiet għall-kejl u għall-ġestjoni tar-rendiment tal-binjiet fl-użu tal-enerġija waqt li jkun qed jintużaw, il-Kummissjoni se tipproponi li l-qafas tal-EPC jiġi aġġornat, filwaqt li jitqiesu t-teknoloġiji emerġenti tal-kejl tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Dan se jinkludi li wieħed iħares lejn format tad-data uniformi tal-UE li jinqara mill-magni għaċ-ċertifikati u dispożizzjonijiet iktar strinġenti dwar id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-bażijiet tad-data u tar-repożitorji diġitali federati għall-EPCs.
Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-ħtieġa li r-rekwiżiti tal-awditi tal-enerġija
jiġu estiżi għal binjiet mhux residenzjali ikbar u iktar kumplessi bħall-isptarijiet, l-iskejjel jew l-uffiċċji, sabiex tiġi mmassimizzata wkoll il-komplementarjetà mal-EPCs.
Ir-rekwiżiti leġiżlattivi eżistenti għax-xiri u għar-rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi eżistenti attwalment ikopru biss il-binjiet pubbliċi li huma okkupati mill-gvernijiet ċentrali u li huma proprjetà tagħhom, li jirrappreżentaw madwar 4,5 % tal-binjiet pubbliċi kollha. Bħala parti mir-reviżjoni tal-EED, il-Kummissjoni se teżamina l-ħtieġa li r-rekwiżiti tar-rinnovazzjoni jiġu estiżi għall-binjiet fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż il-Kummissjoni, u li r-rata annwali ta’ rinnovazzjoni tiżdied.
Ir-rinnovazzjoni profonda mhux dejjem tista’ tinkiseb f’daqqa. Għalhekk huwa importanti li jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għar-rinnovazzjoni fi stadji. Il-Kummissjoni se tintroduċi Logbooks Diġitali tal-Bini li se jintegraw id-data kollha relatata mal-bini li tiġi pprovduta mill-Passaporti tar-Rinnovazzjoni tal-Bini li jmiss, mill-Indikaturi tal-Potenzjal ta’ Intelliġenza, mil-Livell(i) u mill-EPCs sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà u l-integrazzjoni tad-data tul ir-rinnovazzjoni kollha.
Flimkien mal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati, mal-atturi tas-suq u mal-fornituri tad-data, il-Kummissjoni se tesplora jekk huwiex possibbli li l-Osservatorju Ewropew tal-Istokk tal-Bini jsir repożitorju Ewropew ċentrali għal data affidabbli dwar l-istokk tal-bini u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tiegħu u tappoġġa t-tfassil ta’ inċentivi f’dan id-dominju.
3.2. Finanzjament imsaħħaħ, aċċessibbli u iktar immirat
Ir-rinnovazzjoni tal-bini hija wieħed mis-setturi li qed jiffaċċjaw l-ikbar diskrepanza fl-investiment fl-UE. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, sabiex tintlaħaq il-mira klimatika proposta ta’ 55 % sal-2030, huma meħtieġa madwar EUR 275 biljun ta’ investimenti addizzjonali kull sena.
Fis-settur tal-bini residenzjali, in-nuqqas ta’ inċentivi pubbliċi sempliċi, attraenti u faċilment aċċessibbli għar-rinnovazzjoni u n-nuqqas ta’ prodotti ta’ finanzjament issimplifikati spiss jissemmew bħala xkiel. Anke meta fil-prinċipju l-finanzjament ikun disponibbli, in-nuqqas ta’ informazzjoni u n-nuqqas ta’ għarfien tal-finanzjament disponibbli, il-proċeduri kkumplikati jew id-diffikultajiet regolatorji għall-aċċess tal-finanzi pubbliċi jillimitaw l-użu tiegħu. Fis-settur mhux residenzjali, in-nuqqas ta’ finanzjament għall-binjiet ta’ proprjetà pubblika u n-nuqqas ta’ inċentivi finanzjarji adattati għall-binjiet kummerċjali huma tnejn mill-iktar ostakli rilevanti.
Sabiex jingħeleb dan ix-xkiel, jeħtieġ li tittieħed azzjoni fuq aspetti differenti biex jitrawwem l-użu aħjar tal-fondi pubbliċi nazzjonali u tal-UE u jiġi mobilizzat sehem ikbar ta’ fondi privati. Il-fondi pubbliċi nazzjonali u dawk tal-UE jistgħu jkunu mmirati b’mod iktar effettiv u jiġu allokati aħjar lill-utenti finali billi jitħaffef il-mod li bih jitħalltu diversi sorsi ta’ finanzjament, u b’hekk l-intensità tal-appoġġ tkun proporzjonali għar-rendiment, jissaħħu l-assistenza għall-iżvilupp tekniku jew tal-proġetti u jiġu promossi sinerġiji ma’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq.
Il-finanzjament mill-UE jixpruna l-investiment għar-rinnovazzjoni
Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-istrument għall-irkupru NextGenerationEU jipprovdu opportunità bla preċedent għat-tnedija tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni. Qatt qabel ma kienu jeżistu possibbiltajiet ta’ investiment bħal dawn għal dan is-settur kruċjali.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li attwalment qed tiġi nnegozjata u li l-Kunsill Ewropew qabel li jallokalha EUR 672,5 biljun, li 37 % minnhom se jkunu mmirati lejn in-nefqa relatata mal-klima, tista’ tappoġġa l-investiment fir-rinnovazzjoni u r-riformi relatati mal-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri kollha. Fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, il-Kummissjoni pproponiet l-Inizjattivi Ewlenin Rinnovazzjoni u Żieda fir-Ritmu għal intervent ikkoordinat mill-Istati Membri kollha, ibbażat fuq proġetti inklużi fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom.
Sabiex issostni l-implimentazzjoni ta’ dawn l-Inizjattivi Ewlenin, il-Kummissjoni se tikkomplementa l-Gwida għall-Istati Membri dwar it-tħejjija tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza bi gwida mfassla apposta għal kull Stat Membru fil-kuntest tal-valutazzjoni individwali tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) u tal-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul. Eżempju ta’ komponenti possibbli ta’ Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza dwar ir-rinnovazzjoni u l-effiċjenza tal-bini fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi se jingħata mill-Kummissjoni biex jagħti gwida prattika lill-Istati Membri. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-Azzjonijiet Miftiehma eżistenti biex tgħin lill-Istati Membri jiskambjaw il-prattiki tajbin u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni matul iż-żmien.
Il-Politika ta’ Koeżjoni storikament kienet tirrappreżenta sors ewlieni ta’ finanzjament pubbliku mill-UE għall-investiment dirett fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-binjiet u se tibqa’ taqdi dan ir-rwol matul il-perjodu 2021-2027. Tikkomplementa l-Faċilità temporanja għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tipprovdi appoġġ integrat għar-rinnovazzjoni tal-bini, inkluż għal programmi ta’ rinnovazzjoni mfassla apposta fil-livelli lokali u reġjonali. Billi jużaw l-esperjenza mill-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-programmi kofinanzjati tagħhom tal-effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi jkunu mmirati sew lejn il-ksib ta’ rendiment għoli fl-użu tal-enerġija. Il-monitoraġġ ta’ dan ir-rendiment se jittejjeb permezz ta’ sistema ta’ indikaturi iktar dettaljata u robusta.
L-Istati Membri għandhom jikkomplementaw ukoll il-varar ta’ programmi kofinanzjati tal-UE bi skemi ta’ appoġġ addizzjonali, b’mod partikolari biex jiġi mobilizzat il-finanzjament privat. Fiż-żoni rurali, il-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jista’ jintuża biex jittejbu l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.
Id-dokumenti ta’ programmazzjoni għandhom jistabbilixxu prijoritajiet ta’ rinnovazzjoni meħuda mill-NECPs u mill-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul. L-Istati Membri li għadhom ma ppreżentawx l-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul huma mistiedna jagħmlu dan peress li huma parti mill-kundizzjonijiet abilitanti meħtieġa għall-aċċess tal-Fondi ta’ Koeżjoni mill-2021 ’il quddiem.
Filwaqt li jibni fuq l-esperjenza pożittiva tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u jikkumplementa sorsi oħra ta’ finanzjament mill-UE, InvestEU se jaġixxi bħala programm ta’ appoġġ uniku għall-investiment fil-livell tal-UE biex jipprovdi assistenza teknika u finanzjament appoġġat minn garanzija tal-baġit tal-UE biex jiġu mobilizzati l-investimenti privati. Fit-Tieqa tal-Investiment Soċjali u l-Ħiliet u fit-Tieqa tal-Infrastruttura Sostenibbli tal-InvestEU, il-prodotti finanzjarji ddedikati lir-rinnovazzjoni tal-bini fl-użu tal-enerġija se jimmiraw lejn is-settur residenzjali u se jiffokaw fuq l-abitazzjonijiet soċjali u għall-but ta’ kulħadd, il-binjiet pubbliċi, l-iskejjel u l-isptarijiet, l-SMEs u l-appoġġ għall-ESCOs biex jissimplifikaw l-ikkuntrattar għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.
Abbażi tal-esperjenza miksuba permezz tal-inizjattivi ta’ Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika u ta’ Finanzjament Intelliġenti għal Binjiet Intelliġenti, il-Kummissjoni se taħdem biex tiffaċilita soluzzjonijiet skont il-ħtiġijiet li jkunu aċċessibbli faċilment għall-promoturi tal-proġetti u tuża sett uniku ta’ regoli. B’mod konkret, dan ifisser li Stat Membru se jkun jista’ jittrasferixxi parti mill-finanzjament disponibbli fil-kuntest tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-kompartiment tal-InvestEU tal-Istat Membru. Il-programm InvestEU se jippermetti wkoll il-kollegament tal-prodotti finanzjarji appoġġati mill-garanzija tal-InvestEU b’assistenza teknika ddedikata lill-banek u l-intermedjarji, l-awtoritajiet lokali u l-benefiċjarji finali. Ir-regoli ssimplifikati jippermettu wkoll li s-selfiet jiġu kkombinati ma’ għotjiet u l-proġetti bl-aqwa rendiment jiġu ppremjati b’rata ogħla ta’ għotjiet.
Fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewropea tiegħu għar-Rinnovazzjoni tal-Bini li għadha kif ġiet stabbilita, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) se jintensifika l-appoġġ tiegħu għall-aggregazzjoni ta’ proġetti ta’ rinnovazzjoni tal-bini f’portafolli u għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju mfassal apposta, li jvarja minn selfiet tradizzjonali fit-tul għall-finanzjament ta’ garanziji, ta’ ekwità jew ta’ kontijiet riċevibbli. Sabiex jiżdied il-volum u l-impatt tas-self għall-effiċjenza enerġetika tal-binjiet, il-BEI għandu jkun jista’ jikkombina b’mod iktar faċli l-assistenza teknika, l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, is-selfiet u l-għotjiet bħala pakkett uniku.
Il-Kummissjoni se taħdem f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, mal-BEI u mal-parteċipanti fis-suq biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-regoli għall-kombinament ta’ programmi u ta’ strumenti tal-UE, ta’ fondi nazzjonali u ta’ fondi privati għall-proġetti ta’ rinnovazzjoni.
Bħala parti mir-reviżjoni li għadha għaddejja tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u għall-Enerġija, il-Kummissjoni se tistabbilixxi regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jkunu iktar sempliċi, iktar ċari u iktar faċli biex jiġu applikati għar-rinnovazzjoni tal-bini, b’mod partikolari fis-setturi residenzjali u soċjali, u se tiċċara l-ambitu tal-għajnuna mill-Istat għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli għall-awtokonsum. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni qed tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-kofinanzjament tal-garanziji tal-InvestEU mill-Istati Membri.
Fl-aħħar nett, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miksuba f’xi kuntesti nazzjonali, il-Kummissjoni lesta li tagħti pariri lill-Istati Membri li qed jikkunsidraw li jużaw id-dħul mill-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u l-opportunitajiet ta’ finanzjament fil-kuntest tal-Fond għall-Modernizzazzjoni tal-ETS bħala sors ta’ finanzjament għall-programmi ta’ rinnovazzjoni tal-bini, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi b’introjtu iktar baxx.
L-attrazzjoni tal-investiment privat u l-istimular tal-finanzjament ekoloġiku b’self
Minħabba l-profil tar-riskju baxx tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u l-prospetti tad-domanda li se ġġib magħha mewġa ta’ rinnovazzjoni, l-offerta ta’ finanzjament privat b’mod konġunt ma’ servizzi innovattivi għar-rinnovazzjoni se tkun proposta ta’ negozju li kulma jmur se ssir iktar attraenti. Atturi bħall-ESCOs, l-utilitajiet jew il-banek diġà jużaw u jipprovdu pariri tekniċi. Dawn jistgħu joffru lis-sidien tal-proprjetajiet l-appoġġ tant meħtieġ f’termini ta’ ideat u finanzjament fil-fażijiet kollha ta’ proċess ta’ rinnovazzjoni. Jistgħu jippromwovu l-aggregazzjoni ta’ proġetti żgħar, jistgħu joffru kundizzjonijiet favorevoli għal proġetti kumplessi bi żminijiet twal ta’ rkupru tal-kostijiet, u jistgħu jgħaqqdu lid-diversi atturi involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ir-rinnovazzjoni tal-binjiet.
Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-perċezzjoni tar-riskju u jżidu l-inċentivi tas-suq bħat-tariffi tal-iffrankar tal-enerġija, l-iskemi ta’ appoġġ pubbliku bi ħlas skont ir-rendiment u s-sejħiet għall-offerti tal-iffrankar tal-enerġija biex jiġu attirati l-intermedjarji u l-aggregaturi privati. L-Istati Membri għandhom jesploraw ukoll soluzzjonijiet ta’ finanzjament innovattivi permezz ta’ skemi fuq it-taxxa u fuq il-kont jew finanzi kkollegati mal-proprjetà, kif ukoll għodod tat-tassazzjoni biex jiġu ġġenerati inċentivi ekonomiċi għall-finanzjament tar-rinnovazzjoni tal-bini. L-iskemi eżistenti tal-obbligi dwar l-effiċjenza enerġetika skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija jistgħu jintużaw b’mod effettiv għat-tipi kollha ta’ binjiet biex jinvolvu intermedjarji ġodda bħall-utilitajiet, jipprovdu għarfien espert tekniku u joffru servizzi aggregati biex jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi u tat-tranżazzjonijiet.
L-involviment tal-ESCOs permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati huwa possibbiltà biex jiġi attirat l-investiment, jinġabru flimkien investimenti fuq skala żgħira u mifruxa, jitnaqqsu l-kostijiet tal-bidu u jiġi ppremjat l-iffrankar tal-enerġija. L-akkoppjament tal-kuntratti għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija mal-ikkuntrattar tar-reżiljenza mill-assiguraturi jista’ jgħin lis-suq jiġġestixxi r-riskju tal-investiment minħabba li l-assiguraturi jkollhom għarfien espert dwar il-valutazzjoni u l-offerta ta’ protezzjoni mir-riskji ambjentali u klimatiċi kif ukoll minn riskji oħra.
Sabiex tgħin fit-tnaqqis tal-kostijiet tat-tranżazzjonijiet, il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-istandardizzazzjoni tal-kuntratti u tal-istrumenti finanzjarji fil-livell nazzjonali u Ewropew, billi tuża fora eżistenti biex tgħin fir-replikazzjoni u fiż-żieda tal-aqwa prattiki u ta’ approċċi innovattivi. Il-Kummissjoni se tappoġġa b’mod attiv dawn il-modi kif jiġu attivati l-investimenti tas-settur privat permezz tal-Fora tal-Grupp ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji għall-Effiċjenza Enerġetika (EEFIG) u tal-Investiment fl-Enerġija Sostenibbli (SEI).
Mewġa ta’ rinnovazzjoni tista’ tkun ukoll opportunità biex jiġi xprunat l-iżvilupp ta’ self ekoloġiku u ta’ finanzjament ipotekarju. Sistema mmodernizzata tal-EPCs li turi titjib fl-effiċjenza tippermetti lill-banek u lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra joffru kreditu u finanzjament ipotekarju favur l-ekoloġizzazzjoni tal-portafolli tagħhom u biex jiġbru flimkien il-binjiet bħala kollateral għall-ħruġ ta’ bonds koperti. Għadd ta’ inizjattivi mmexxija mis-suq diġà qed jippruvaw skemi innovattivi għal self u għal finanzjament ipotekarju favur l-effiċjenza enerġetika. Fil-pass li jmiss, il-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu jista’ jiġi inkluż f’din il-valutazzjoni u jiġi kkollegat mal-finanzjament għal soluzzjonijiet ċirkolari.
Permezz tal-Istrateġija Mġedda għall-Finanzi Sostenibbli tal-UE, il-Kummissjoni qed teżamina standards u tikketti addizzjonali għall-prodotti finanzjarji sostenibbli, bħal ipoteki ekoloġiċi, selfiet ekoloġiċi u bonds ekoloġiċi. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-prodotti ta’ self għall-effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi jiġu offruti b’mod usa’ u jkunu iktar viżibbli għall-konsumaturi. Ir-rieżamijiet tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju u d-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur jipprovdu opportunitajiet biex ir-riskju possibbilment iktar baxx tal-kreditu tal-prodotti finanzjarji sostenibbli jiġi riflessi b’mod adegwat. Barra minn hekk, l-Awtorità Bankarja Ewropea qed tanalizza jekk trattament prudenzjali ddedikat fir-regolamentazzjoni bankarja tal-prodotti finanzjarji assoċjati mal-objettivi tas-sostenibbiltà, bħar-rinnovazzjoni tal-bini, ikunx iġġustifikat. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll miżuri biex tinkorpora r-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza fir-regolamentazzjoni prudenzjali fir-rieżamijiet tagħha tar-regoli għall-banek (ir-Regolament u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital) u għall-assiguraturi (id-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II). Il-BEI se jikkunsidra wkoll li jappoġġa modi ġodda biex jiġi attirat il-finanzjament privat għar-riabilitazzjoni tal-bini, inkluż il-mobilizzazzjoni ta’ swieq ġodda tas-self jew tat-titolizzazzjoni bbażati fuq ipoteki għall-effiċjenza enerġetika.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tiżviluppa t-Tassonomija tal-UE, bi kriterji tekniċi tal-iskrinjar għas-settur tal-binjiet biex tidderieġi l-kapital privat lejn investimenti sostenibbli fir-rinnovazzjoni tal-bini fl-użu tal-enerġija, filwaqt li sserraħ fuq iċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija u standards tal-bini b’użu ta’ kważi żero enerġija. Bħala parti mir-reviżjoni tal-EPBD, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll l-introduzzjoni ta’ standard ta’ “rinnovazzjoni profonda”, sabiex tippermetti l-ankrar ta’ finanzjament privat sinifikanti ma’ investimenti trasparenti, li jistgħu jitkejlu u li huma ġenwinament “ekoloġiċi”.
Dawn l-inizjattivi kollha jistgħu jgħinu lill-klijenti jaċċessaw il-finanzjament b’termini orħos u jgħinu fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ finanzjament privat dinamiku li jikkomplementa l-fondi pubbliċi, l-inċentivi tat-taxxa u forom oħra ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku.
3.3 Iż-żieda fil-kapaċità u fl-assistenza teknika
It-tħejjija ta’ proġett tajjeb ta’ rinnovazzjoni, flimkien mal-aqwa sorsi ta’ finanzjament disponibbli, hija diffiċli u spiss ikkumplikata ħafna għall-individwi jew għall-awtoritajiet lokali żgħar. Għalhekk, l-assistenza teknika se taqdi rwol ewlieni għaż-żieda mistennija fir-rati u fil-kwalità tar-rinnovazzjoni. Parti minn din l-assistenza hija f’idejn l-Istati Membri, iżda l-UE tista’ taqdi rwol iktar b’saħħtu.
Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-faċilità ELENA, mill-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE), mill-Politika ta’ Koeżjoni, mill-programm JASPERS u mill-faċilità tal-Assistenza għall-Iżvilupp tal-Proġetti (PDA) ta’ Orizzont 2020, il-Kummissjoni se tissimplifika u se ssaħħaħ l-assistenza teknika, b’objettiv prijoritarju li jintlaħaq grupp ikbar ta’ benefiċjarji, inkluż dawk ta’ daqs iżgħar. Ġie propost li l-finanzjament imsaħħaħ għall-faċilità ELENA jiġi miċ-ċentru konsultattiv tal-InvestEU u possibbilment minn programmi Ewropej oħra.
Il-Kummissjoni, flimkien mal-BEI, se tgħin lill-Istati Membri jfasslu programmi nazzjonali jew lokali li jirreplikaw il-mudell ELENA u li jippremjaw l-implimentazzjoni rapida u r-rendiment għoli fl-użu tal-enerġija bl-użu ta’ tliet flussi ta’ finanzjament: il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (bħala appoġġ awtonomu jew bħala parti minn operazzjoni ta’ strument finanzjarju), il-kompartiment tal-Istati Membri tal-InvestEU, jew il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-BEI se jappoġġaw l-istabbiliment ta’ punti uniċi ta’ servizz standardizzati li jistgħu jiġu varati malajr fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali għall-għoti ta’ pariri u ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament imfassla apposta biex jakkumpanjaw lis-sidien tad-djar jew lill-SMEs matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom. L-atturi lokali jistgħu jibnu fuq din il-pjattaforma biex joħolqu ċentri ta’ kompetenza għal diversi tipi ta’ pariri dwar ir-rinnovazzjoni sostenibbli.
Sors addizzjonali ta’ appoġġ għall-kapaċità se jiġi offrut permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku l-ġdid tal-Pjan għall-Irkupru, il-Faċilità tal-Bliet tal-UE u l-Faċilità tal-Assistenza għall-Iżvilupp tal-Proġetti fil-kuntest ta’ LIFE, u l-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi u l-assistenza teknika fil-kuntest tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020. Barra minn hekk, il-proposta leġiżlattiva tal-Politika ta’ Koeżjoni tinkludi wkoll il-ħolqien ta’ Inizjattiva Urbana Ewropea biex jissaħħaħ l-approċċ integrat u parteċipattiv għall-iżvilupp urban sostenibbli. Għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali interessati li jvaraw investimenti fir-rinnovazzjoni tal-bini bħala parti mit-tiġdid urban, is-Suq tal-Bliet Intelliġenti Ewropew joffri pjan ta’ azzjoni
ta’ suċċess biex jiggwida lill-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu dan.
3.4. Il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi, it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema u l-attrazzjoni ta’ talenti ġodda
Id-disinn, l-installazzjoni u t-tħaddim ta’ soluzzjonijiet ċirkolari u b’livell baxx ta’ karbonju spiss jirrikjedu livell għoli ta’ għarfien tekniku. Huma meħtieġa wkoll ħiliet speċifiċi għall-ġestjoni sikura ta’ binjiet storiċi u għas-salvagwardja tal-valur tal-patrimonju tagħhom. It-trasformazzjoni lejn stokk tal-bini newtrali għall-klima se tkun possibbli biss jekk l-impjiegi eżistenti jiġu ttrasformati biex jinkludu ħiliet ekoloġiċi u ċirkolari u jekk jitfaċċaw profili ta’ impjiegi ġodda, bħal speċjalisti fir-rinnovazzjoni profonda tal-bini, installaturi għal soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati, jew maniġers tal-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini. Il-professjonisti li jkunu infurmati tajjeb biss jistgħu jaqdu r-rwol potenzjalment ewlieni tagħhom li joffru lill-utenti finali l-iktar opportunitajiet tekniċi disponibbli reċenti għall-effiċjenza enerġetiku u fl-użu tar-riżorsi. Fl-aħħar nett, il-professjonisti jirrikjedu t-taħriġ biex itejbu l-aċċessibbiltà fir-rinnovazzjonijiet.
Diġà qabel il-kriżi tal-COVID-19, kien hemm nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati biex iwettqu r-rinnovazzjoni u l-modernizzazzjoni sostenibbli tal-bini. Il-potenzjal għaż-żamma u għall-ħolqien tal-impjiegi f’dan is-settur kien u għadu kbir. L-effiċjenza enerġetika fil-binjiet hija l-ikbar ġeneratur ta’ impjiegi għal kull miljun euro investit. Li kieku l-Istati Membri kellhom jimplimentaw malajr miżuri biex itejbu l-iżolament, is-sistemi tekniċi tal-bini u l-apparati elettrodomestiċi, mill-ewwel ifeġġu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol. Il-politiki għandhom jindikaw lis-suq li huma meħtieġa soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli. Pereżempju, il-bijoekonomija tista’ tipprovdi materjali ġodda b’livell baxx ta’ karbonju għal rinnovazzjonijiet profondi, u b’hekk iżżid opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi għall-ispeċjalisti.
Iż-żieda tal-preżenza u tar-rwol tan-nisa fis-settur tal-kostruzzjoni tista’ tgħin biex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ ħiliet u ta’ professjonisti kkwalifikati. Huwa essenzjali li jiġu reveduti l-istrateġiji tat-taħriġ vokazzjonali u edukattiv bl-involviment tal-industrija, bil-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol inklużiv u aċċessibbli u billi jingħelbu l-preġudizzji. L-SMEs għandhom jingħataw aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar il-programmi ta’ taħriġ u ta’ apprendistati. Is-sħab soċjali, inkluż ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem tas-settur tal-kostruzzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew, għandhom għarfien espert sod fit-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, fl-attrazzjoni ta’ talent ġdid u fil-promozzjoni ta’ ambjent tax-xogħol inklużiv u għandhom jiġu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri biex dawn l-għanijiet jintlaħqu.
Il-perspettiva tas-sikurezza u tas-saħħa okkupazzjonali tal-ħaddiema fil-kostruzzjoni – settur b’riskju komparattivament għoli ta’ aċċidenti u ta’ mard – hija importanti u għandu jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi għall-protezzjoni tal-ħaddiema, b’attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-ħaddiema li jirrinnovaw binjiet qodma mill-esponiment għall-asbestos, anke permezz ta’ taħriġ xieraq.
Sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, u filwaqt li tibni fuq l-Aġenda għall-Ħiliet tal-2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni għal kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet, il-Kummissjoni se tniedi l-Patt għall-Ħiliet u tlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi bl-objettiv kondiviż tat-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi tan-Next Generation EU, il-Fond Soċjali Ewropew+ u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. L-apprendistati u forom oħra ta’ apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Il-pakkett tal-Kummissjoni ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-1 ta’ Lulju 2020 ħabbar Alleanza Ewropea għall-Apprendistati mġedda. Bl-appoġġ tal-inizjattiva Build Up Skills li tkompli fil-kuntest tal-programm LIFE, l-Istati Membri jistgħu jaġġornaw l-analiżi tal-lakuni tagħhom u l-Pjanijiet Direzzjonali Nazzjonali għat-taħriġ filwaqt li fl-2021 il-Kummissjoni se tiżviluppa materjal tat-taħriġ dwar l-użu ta’ Livell(i).
3.5.
Il-ħolqien ta’ ambjent mibni sostenibbli
Fl-aħħar mill-aħħar, it-twettiq tal-profondità u tal-volum ta’ rinnovazzjoni li l-Ewropa teħtieġ, jirrikjedi settur tal-kostruzzjoni li jkun b’saħħtu u kompetittiv, u li jħaddan l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà biex tiżdied il-kwalità u jitnaqqsu l-kostijiet.
Il-kumpaniji Ewropej huma minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni, fil-manifattura, fid-distribuzzjoni u fl-installazzjoni ta’ varjetà ta’ oġġetti u servizzi relatati mal-iffrankar tal-enerġija u mal-enerġija rinnovabbli fil-binjiet. Il-konsolidazzjoni ta’ dan ir-rwol mexxej tirrikjedi l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi industrijalizzati sabiex jiġu limitati l-kostijiet u d-durata tax-xogħlijiet, diġitalizzazzjoni iktar rapida u l-integrazzjoni sħiħa tal-prinċipji taċ-ċirkolarità tul il-katina tal-valur: il-ksib ta’ materja prima sikura, sostenibbli u sekondarja, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u l-immaniġġjar tal-iskart. L-industrijalizzazzjoni tista’ tiskatta ċiklu virtwuż bejn id-domanda ogħla għal rinnovazzjoni iktar profonda u t-tnaqqis tal-kostijiet għal prodotti iktar intelliġenti u iktar sostenibbli.
Il-Kummissjoni tippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali ta’ soluzzjonijiet u ta’ materjali tal-bini, inkluż l-injam u l-materjali b’bażi bijoloġika, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-materjali rriċiklati abbażi ta’ approċċ komprensiv ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja. Se tindirizza r-rendiment tas-sostenibbiltà tal-prodotti tal-kostruzzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tagħha tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini u sal-2023 se tiżviluppa pjan direzzjonali sal-2050 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu fil-binjiet. Il-Kummissjoni se tħaffef ukoll il-ħidma mal-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni dwar l-istandards tar-reżiljenza għall-klima għall-binjiet.
Sa tmiem l-2024, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-miri tal-irkupru tal-materjali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni. Il-Kummissjoni se ddaħħal fis-seħħ miżuri biex iżżid il-pjattaformi tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ u tappoġġa suq intern għall-materja prima sekondarja li jiffunzjona tajjeb. Livell(i), il-prinċipji tal-Ekonomija Ċirkolari għad-disinn tal-binjiet u l-Protokoll tal-UE għall-Immaniġġjar tal-Iskart tal-Kostruzzjoni u tad-Demolizzjoni jiggwidaw lill-utent biex japplika dawn il-prinċipji fil-proġetti ta’ rinnovazzjoni.
L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali u innovattivi u ta’ investimenti fihom mis-settur tal-kostruzzjoni għadha baxxa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tappoġġa d-diġitalizzazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni permezz ta’ Orizzont Ewropa, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali u l-Faċilitajiet ta’ Ttestjar u ta’ Sperimentazzjoni. L-għodod diġitali jgħinu biex jiġi rreġistrat il-progress tax-xogħlijiet u l-użu tal-materjali, filwaqt li jżidu l-produttività. Pereżempju, tewmi diġitali ta’ binja, abilitat permezz ta’ data tal-immappjar 3D, jipprovdi informazzjoni dwar ir-rendiment tal-bini f’ħin reali u jipprevjeni l-aċċidenti serji billi jgħin fit-tbassir ta’ nuqqasijiet potenzjali fis-sistemi tal-bini. L-iffrankar tal-kostijiet huwa preżenti tul il-katina tal-valur permezz ta’ proċeduri amministrattivi u xogħlijiet fiżiċi mħaffa. Il-binjiet intelliġenti u l-kostruzzjoni abilitata b’mod diġitali jiġġeneraw ġabriet kbar ta’ data għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-kostruzzjoni, tal-użu u tar-rinnovazzjoni tal-binjiet biex ikunu jistgħu jitħaddmu aħjar. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tistabbilixxi qafas ta’ governanza għall-ispazji tad-data b’azzjonijiet ulterjuri biex jiġu żviluppati spazji tad-data allokati, inkluż fl-oqsma tal-enerġija, tal-manifattura u tal-kostruzzjoni.
L-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini (BIM) itejjeb it-trasparenza u jnaqqas il-kostijiet u l-użu tar-riżorsi. Il-Kummissjoni se tipprovdi rakkomandazzjoni għall- promozzjoni tal-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini fl-akkwist pubbliku għall-kostruzzjoni u se tipprovdi metodoloġija għall-klijenti pubbliċi għat-twettiq ta’ analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji għall-użu tal-BIM fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi. Il-pjattaformi industrijali diġitali se jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jiġbru din id-data u jużawha aħjar. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll Qafas unifikat tal-UE għall-għoti tal-permessi diġitali fl-ambjent mibni u se tistabbilixxi skema fdata għaċ-ċertifikazzjoni tal-arloġġi tal-effiċjenza enerġetika fil-binjiet li jistgħu jkejlu t-titjib reali fir-rendiment fl-użu tal-enerġija.
Ir-riċerka trid tixpruna wkoll l-innovazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni. Is-Sejħa għal Patt Ekoloġiku Ewropew, parti minn Orizzont 2020, tinkludi qasam iddedikat lill-“Binjiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi”. Orizzont Ewropa se jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tat-teknoloġiji tal-enerġija, is-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tal-materjali u tas-sistemi għall-kostruzzjoni, filwaqt li jqis il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kull reġjun ġeografiku tal-Ewropa. Fit-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, attwalment il-Kummissjoni qed tikkunsidra Sħubija Pubblika-Privata dwar l-Ambjent Mibni Sostenibbli Ċċentrat fuq in-Nies (Built4People) u Missjoni ddedikata dwar il-Bliet Intelliġenti u Newtrali għall-Klima. Is-sħubija tista’ twassal għall-innovazzjoni fil-binjiet u fl-industrija tal-kostruzzjoni u l-missjoni tista’ turi t-trasformazzjoni sistemika ta’ 100 belt Ewropea flimkien lejn in-newtralità għall-klima sal-2030 u għaċ-ċittadini.
Barra minn hekk, jekk tiġi adottata, is-Sħubija Kofinanzjata għal Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet newtrali għall-klima għas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ fil-binjiet. Programmi oħra ta’ rilevanza għad-dominji tar-riċerka u tal-innovazzjoni fir-rigward tar-rinnovazzjoni tal-bini jinkludu l-programmi reġjonali (anke fid-dawl tas-Siġill ta’ Eċċellenza), u l-programm LIFE l-ġdid. B’mod partikolari, is-subprogramm għal Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa fil-kuntest ta’ LIFE se jappoġġa l-mewġa ta’ rinnovazzjoni billi se jindirizza x-xkiel komportamentali u mhux teknoloġiku għar-rinnovazzjoni.
3.6. It-tqegħid ta’ approċċ integrat, parteċipattiv u bbażat fuq il-viċinat fil-qalba tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni
Sabiex wieħed jaħsad il-potenzjal ta’ mewġa ta’ rinnovazzjoni f’termini ta’ kobenefiċċji, huwa meħtieġ approċċ integrat li jkun diġà ġie ppruvat b’suċċess. Id-djar “intelliġenti” jistgħu jippromwovu l-kumdità tal-utenti, u jżidu l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u ta’ surplus ta’ enerġija fil-binjiet. F’xi proġetti pilota, il-binjiet bl-appartamenti kienu mgħammra b’pannelli solari fotovoltajċi fuq il-bjut, bil-ħżin termali u bil-pompi tas-sħana. Kull binja kienet ikkollegata ma’ grilja lokali, li talimenta punti tal-iċċarġjar għall-karozzi elettriċi. L-applikazzjoni ta’ arloġġi intelliġenti għenet biex tirrikonċilja l-provvista tal-enerġija mad-domanda għaliha bl-iktar mod effiċjenti. B’riżultat ta’ dan, il-binjiet ġew ittrasformati minn konsumaturi għal produtturi tal-enerġija, b’effiċjenza enerġetika għolja, b’kostijiet tal-enerġija mnaqqsa għall-unitajiet domestiċi, bl-integrazzjoni tal-elettromobbiltà u b’benefiċċji sistemiċi għall-istabbiltà tal-grilji.
Dan huwa biss eżempju ta’ dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ rinnovazzjoni diġitali integrata li tikkombina l-ħżin tal-enerġija u l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda, il-ġenerazzjoni tal-enerġija fil-post minn sorsi rinnovabbli, l-Internet tal-Oġġetti tal-komponenti tas-sistema, l-apparati elettrodomestiċi u l-punti tal-iċċarġjar għall-elettromobbiltà. Dan jippromwovi parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fis-sistema tal-enerġija bħala prosumaturi.
L-EPBD diġà tipprevedi miżuri għall-promozzjoni ta’ infrastruttura intelliġenti u għall-introduzzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar għall-elettromobbiltà. F’konformità mal-objettiv li jiġu varati iktar minn miljun stazzjon tal-iċċarġjar pubbliku sal-2025, il-Kummissjoni se tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tagħhom u se tikkunsidra jekk ikollhomx bżonn jissaħħu. Barra minn hekk, flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati dwar l-Indikatur tal-UE tal-Potenzjal ta’ Intelliġenza, bħala għodda biex jitkejjel il-potenzjal ta’ intelliġenza tal-binjiet u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tas-sidien u tal-inkwilini tal-bini.
Għall-iktar prodotti sostenibbli reċenti u għall-prodotti li jintegraw l-enerġija rinnovabbli, bħal mill-prodotti fotovoltajċi, il-Kummissjoni se timmappja l-isfidi li jiltaqgħu magħhom dawn il-prodotti fis-suq uniku u se tikkunsidra modi kif tneħħi x-xkiel identifikat, inkluż permezz tar-rikonoxximent reċiproku. Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb ineħħi x-xkiel regolatorju u amministrattiv għall-provvista transfruntiera tas-servizzi u jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tal-iskemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni u tal-assigurazzjoni għall-ispeċjalisti tar-rinnovazzjoni u tal-effiċjenza enerġetika.
Is-sinerġiji għar-rinnovazzjoni jsiru evidenti meta jiġu estiżi għal approċċi distrettwali u komunitarji. L-aggregazzjoni tal-proġetti f’dan il-livell tista’ twassal għal distretti b’użu ta’ żero enerġija jew saħansitra għal distretti b’enerġija pożittiva
(eż. sistemi avvanzati tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali b’potenzjal kbir għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-irkupru tas-sħana mormija). Dawn joffru modi orħos ta’ dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ u jistgħu joffru effiċjenzi fis-sistema fuq skala industrijali permezz ta’ bidla biex ma jibqgħux jintużaw il-fjuwils fossili, iktar flessibbiltà u ħżin termali, u l-ħolqien ta’ spazju għan-natura. Minbarra użu iktar razzjonali u estetiku tal-ispazju, approċċ ibbażat fuq id-distretti jista’ jippermetti li jsir titjib fl-abitazzjonijiet qodma b’inqas aċċessibbiltà u servizzi ta’ mobbiltà.
Il-komunitajiet tal-enerġija jiġġeneraw, jikkonsmaw, jaħżnu u jbigħu l-enerġija, u jistgħu joffru għodod għall-iktar ċittadini vulnerabbli sabiex joħorġuhom mill-faqar enerġetiku. Sabiex tisfrutta l-potenzjal kollu tagħhom bħala atturi attivi fis-sistema tal-enerġija, il-Kummissjoni se tħares mill-qrib lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Suq għall-Elettriku u tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u se tuża azzjonijiet miftiehma biex tappoġġa l-ħolqien u d-diffużjoni progressivi tagħhom fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni se tkompli tesplora kif tista’ tippromwovi l-komunitajiet tal-enerġija u xxerred il-prattiki tajbin.
Abbażi tal-involviment wiesa’ u inklużiv tal-abitanti permezz ta’ strutturi kooperattivi u punti uniċi ta’ servizz b’varjetà wiesgħa ta’ pariri utli, approċċi distrettwali bħal dawn jistgħu jittrasformaw lil viċinati sħaħ u joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju. Il-proġetti eżemplari ta’ rinnovazzjoni distrettwali jistgħu jiġu inklużi fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u jwittu t-triq għal mewġa ġdida ta’ distretti dekarbonizzati.
L-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom ikomplu jaħtfu l-opportunità li jiffinanzjaw l-investimenti f’kuntest lokali bħala parti mill-istrumenti territorjali fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR): Investimenti Territorjali Integrati (ITIs), Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u LEADER. Barra minn hekk, l-awtoritajiet urbani jistgħu jużaw l-allokazzjoni minima obbligatorja tal-FEŻR għall-iżvilupp urban sostenibbli implimentat fil-post permezz ta’ strateġiji integrati ta’ żvilupp urban u territorjali.
Fil-livell lokali, il-Patt tas-Sindki jappoġġa koalizzjoni ġdida ta’ bliet li għandhom ir-rieda li jimpenjaw ruħhom għal wegħdiet ambizzjużi rigward ir-rinnovazzjoni tal-bini. Dan il-proċess jista’ jikkontribwixxi għall-aġġornamenti futuri tal-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul u jista’ jirriżulta f’akkwist ekoloġiku aggregat li s-sindki jimpenjaw ruħhom li jagħmlu skont il-Patt. Il-proġett Xerrejja Kbar għall-Klima u għall-Ambjent ikompli jrawwem il-kollaborazzjoni bejn ix-xerrejja pubbliċi l-kbar bħall-bliet, ir-reġjuni, l-isptarijiet, il-korpi ċentrali għax-xiri, u l-utilitajiet, biex jippruvaw u jintroduċu teknoloġiji ġodda f’żoni bħas-siti ta’ kostruzzjoni b’żero emissjonijiet.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż permezz tal-Patt Klimatiku u l-Forum ta’ Livell Għoli dwar il-kostruzzjoni, b’azzjonijiet ta’ appoġġ għar-riġenerazzjoni tal-viċinati Ewropej bis-saħħa tal-vitalità kulturali, ekonomika u soċjali.
3.7. Il-Bauhaus Ewropew ġdid: Rikonċiljazzjoni tal-istil mas-sostenibbiltà
Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni ma tirrigwardax biss l-istokk tal-bini eżistenti. Hija l-bidu ta’ proċess li jħares ’il quddiem biex jirrikonċilja s-sostenibbiltà mal-istil. Kif ħabbret il-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni fis-16 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni se tniedi l-Bauhaus Ewropew Ġdid biex tiġi żviluppata estetika Ewropea ġdida li tikkombina r-rendiment mal-inventiva.
Il-Bauhaus Ewropew Ġdid se jaġixxi bħala inkubatur għall-innovazzjoni u għall-kreattività biex jixpruna disinn sostenibbli madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, li jkun attraenti wkoll għaċ-ċittadini u tajjeb għal buthom. Se joħloq network bejn il-prattikanti minn dixxiplini differenti u se jimmobilizza lill-persuni kreattivi biex jimmaġinaw mill-ġdid kif l-istil ta’ ħajja sostenibbli jista’ jkun fil-futur u kif għandu jkun.
Il-Bauhaus Ewropew Ġdid huwa proġett interdixxiplinari li se joħloq spazji ta’ sperimentazzjoni fejn l-arti, il-kultura, ix-xjenza u t-teknoloġija jistgħu jitħalltu, u jistgħu jimmaġinaw, jittestjaw u juru soluzzjonijiet ġodda li jgħinu biex jiġu żviluppati swieq pilota ġodda. Se jkollu żewġ dimensjonijiet. L-ewwel waħda hija network ta’ ħassieba, pjanifikaturi, arkitetti, imprendituri, studenti u ċittadini li jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw is-sostenibbiltà fl-istil. It-tieni dimensjoni tkun tikkonsisti fi proġetti eżistenti reali tal-bini madwar l-UE.
Il-Bauhaus Ewropew Ġdid se jkun ukoll aċċelleratur għal soluzzjonijiet, teknoloġiji u prodotti ekoloġiċi u diġitali li jkunu soċjalment u estetikament promettenti. Se jrawwem soluzzjonijiet innovattivi f’termini ta’ arkitettura u materjali. Il-materjali bbażati fuq in-natura bħall-injam jistgħu jaqdu rwol kruċjali fid-disinn tal-Bauhaus Ewropew Ġdid peress li jista’ jkollhom benefiċċju doppju: l-istokkjar tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-bini u l-evitar tal-emissjonijiet li kienu jkunu meħtieġa għall-produzzjoni ta’ materjali konvenzjonali tal-kostruzzjoni.
Il-Bauhaus Ewropew Ġdid se jiġi stabbilit fi tliet fażijiet: id-Disinn, it-Twettiq u t-Tixrid. Minn issa sas-sajf tal-2021, il-Kummissjoni se twettaq proċess parteċipattiv wiesa’ ta’ kokreazzjoni għad-“disinn” tiegħu, bl-għan li tniedi sejħiet għall-proposti fil-kuntest tal-Qafas Pluriennali li jmiss fil-programmi rilevanti kollha. It-“twettiq” tal-ewwel kostruzzjoni jew trasformazzjoni tal-Bauhaus Ewropew Ġdid se jibda fit-tieni nofs tal-2021.
Iżda dan se jkun biss il-bidu. L-għan huwa t-“tixrid” ta’ network ta’ diversi Bauhaus b’karatteristiċi differenti, filwaqt li dejjem jinżamm amment tat-trasformazzjoni sabiex ngħixu flimkien b’mod sostenibbli. Fl-ewwel mewġa, nimmiraw li fl-2022 nistabbilixxu serje ta’ ħames Bauhaus fundaturi f’pajjiżi differenti tal-UE. Il-proġetti kollha jkunu jittrattaw l-ambjent mibni kollu kemm hu iżda għandhom jiffukaw fuq aspetti differenti bħall-isfidi klimatiċi, l-aċċessibbiltà, il-koeżjoni soċjali, il-kostruzzjoni diġitali, il-bijoriżorsi sostenibbli, eċċ. Fit-tieni mewġa, jistgħu jiżdiedu diversi Bauhaus oħrajn madwar l-UE u anke globalment.
Il-proġett se jitmexxa b’mod konġunt minn bord konsultattiv ta’ esperti esterni li jinkludi xjentisti, arkitetti, disinjaturi, artisti, pjanifikaturi u s-soċjetà ċivili biex jiġi żgurat li l-Bauhaus Ewropew Ġdid jibqa’ għaddej fit-triq it-tajba u jilħaq l-objettivi tiegħu.
4. L-oqsma ta’ prijorità għar-rinnovazzjoni tal-bini
Filwaqt li l-miżuri deskritti hawn fuq huma mfassla biex tiġi mobilizzata r-rinnovazzjoni tal-binjiet kollha, tliet oqsma jistħoqqilhom attenzjoni speċifika: a) l-indirizzar tal-faqar enerġetiku u tal-binjiet bl-agħar rendiment; b) ir-rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi, bħal faċilitajiet amministrattivi, edukattivi u tal-kura tas-saħħa u c) id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ. Dawn l-oqsma għandhom jitqiesu bħala prijorità għat-tfassil tal-politika u għall-finanzjament, peress li joffru potenzjal enormi biex jiżdiedu r-rati ta’ rinnovazzjoni, filwaqt li jwasslu ffrankar kbir tal-enerġija u bini iktar favur is-saħħa u iktar komdu għaċ-ċittadini.
4.1. L-indirizzar tal-faqar enerġetiku u tal-binjiet bl-agħar rendiment
Peress li kważi 34 miljun Ewropew ma għandhomx il-flus biex iżommu darhom sħuna biżżejjed, l-indirizzar tal-faqar enerġetiku huwa kompitu urġenti għall-UE u għall-Istati Membri tagħha. Kull sena 800 000 dar soċjali jeħtieġu r-rinnovazzjoni, li tirrikjedi finanzjament addizzjonali ta’ madwar EUR 57 biljun fis-sena.
Il-binjiet mhux effiċjenti spiss huma sinonimi mal-faqar enerġetiku u mal-problemi soċjali. Dan sikwit ifisser li n-nies b’introjtu baxx ma tantx ikollhom kontroll fuq in-nefqa tagħhom għall-enerġija, u dan jikkawża ċirku vizzjuż ta’ kontijiet għoljin tal-enerġija, arretrati u problemi ta’ benesseri u tas-saħħa. In-nies f’binjiet mhux effiċjenti huma iktar esposti għal perjodi ta’ kesħa, għal mewġiet ta’ sħana u għal impatti oħra tat-tibdil fil-klima. Il-kundizzjonijiet sanitarji u ta’ kumdità inadegwati fl-ambjenti tal-abitazzjonijiet u tax-xogħol, bħat-temperaturi ta’ ġewwa inadegwati, il-kwalità ħażina tal-arja u l-esponiment għal sustanzi kimiċi u għal materjali li jagħmlu l-ħsara, jikkontribwixxu għal produttività iktar baxxa, għal problemi tas-saħħa kif ukoll għal mortalità u għal morbidità ogħla.
Il-binjiet b’rendiment batut għandhom potenzjal kbir ta’ titjib, iżda r-rinnovazzjoni tagħhom tiffaċċja xkiel persistenti li jvarja minn ostakli regolatorji għal fatturi strutturali. Ir-rinnovazzjoni tal-abitazzjonijiet soċjali u b’diversi appartamenti tiffaċċja xkiel addizzjonali minħabba l-proċess kumpless tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. L-indirizzar ta’ dan ix-xkiel jitlob approċċ integrat li jqis ukoll l-ambjent soċjali u l-affordabbiltà tal-abitazzjonijiet. Standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija flimkien ma’ finanzjament li jillimita n-nefqa netta ta’ kull xahar tal-abitanti jistgħu jħaffu r-rinnovazzjoni b’mod sinifikanti, kif spjegat fit-taqsimiet 3.1. u 3.2. Is-servizzi ta’ akkumpanjament u l-assistenza teknika huma essenzjali għall-binjiet bl-agħar rendiment.
Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll it-twessigħ tal-użu tal-ESCOs u tal-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, li jidher li ħadem tajjeb f’xi Stati Membri, permezz tar-reviżjoni li jmiss tal-EED biex ir-rinnovazzjoni tkun tajba għall-but tal-unitajiet domestiċi kollha, inkluż dawk li jkollhom kapaċità limitata li jkopru l-kostijiet tal-bidu.
Is-soluzzjonijiet ta’ finanzjament għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx għan-newtralità tal-kostijiet iridu jindirizzaw il-kostijiet operattivi, tal-kera u tal-enerġija kif ukoll it-taxxi lokali permezz tal-użu ta’ għotjiet, miżuri ta’ rinnovazzjoni ssussidjata jew l-użu ta’ ffrankar tal-enerġija għall-ħlas lura (filwaqt li jillimitaw l-investiment tal-bidu għall-għotjiet disponibbli). Tali soluzzjonijiet jistgħu jiġu varati flimkien ma’ mikrokrediti appoġġati minn fond ta’ garanzija għall-promozzjoni tal-kondiviżjoni ġusta tal-kostijiet bejn is-sidien u l-inkwilini, skemi ta’ finanzjament fuq il-kont u skemi ta’ finanzjament fuq it-taxxa. L-unitajiet domestiċi vulnerabbli jridu jiġu protetti miż-żidiet fil-kera li jaf ikun hemm wara li jsiru r-rinnovazzjonijiet. L-offerta ta’ selfiet imħallta u ta’ garanziji minn sorsi pubbliċi u privati permezz ta’ punti uniċi ta’ servizz tista’ trawwem il-fiduċja fir-rinnovazzjoni u tiżgura li jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti ta’ kwalità.
F’konformità mal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, l-Istati Membri jridu jużaw il-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima u l-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul tagħhom biex jidentifikaw l-abitazzjonijiet ta’ persuni fir-riskju ta’ faqar enerġetiku u jiżviluppaw strateġiji effettivi biex dawn jiġu rrinnovati bħala kwistjoni prijoritarja. B’mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tippreżenta Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar Enerġetiku sabiex tiggwida lill-Istati Membri fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ tali strateġiji biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku. Il-Kummissjoni se tkompli tagħtihom l-assistenza fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet finanzjarji mmirati lejn l-unitajiet domestiċi b’introjtu iktar baxx, flimkien ma’ aċċess iktar faċli għas-servizzi essenzjali, għall-awditi tal-enerġija u għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.
Xi Strateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul diġà qed jintroduċu taħlita ta’ miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost gruppi vulnerabbli fil-mira u programmi ta’ iżolament li jikkombinaw l-appoġġ finanzjarju u prattiku. L-Osservatorju tal-Istokk tal-Bini tal-UE, l-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku tal-UE, il-Missjoni dwar il-Bliet ta’ Orizzont Ewropa u l-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki tal-UE jistgħu jkomplu jassistu lill-Istati Membri biex iqisu u jidentifikaw is-segmenti fil-bżonn, u biex jikkollegaw l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni ma’ indikaturi u politiki soċjali biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku.
Sabiex jiġi żgurat li l-proġetti tal-abitazzjonijiet soċjali lokali jkollhom aċċess għall-kapaċità teknika kollha meħtieġa, il-Kummissjoni se tniedi l-Inizjattiva għal Abitazzjonijiet għall-But ta’ Kulħadd. Se tipprova tadotta approċċ ta’ viċinat intelliġenti fir-rigward ta’ 100 distrett bi proġetti ewlenin ta’ rinnovazzjoni u se tipprovdi pjanijiet ta’ azzjoni għar-replikazzjoni, filwaqt li tistabbilixxi l-abitabbiltà u l-iktar innovazzjonijiet reċenti fuq quddiem nett. Se timmobilizza sħubijiet ta’ proġetti transsettorjali u tikkollegahom mal-atturi lokali, inkluż mill-ekonomija soċjali, sabiex tippromwovi l-proċessi effiċjenti, ċirkolari u modulari, il-mudelli ta’ involviment soċjali biex ir-residenti jingħataw is-setgħa, l-iżviluppi inklużivi u aċċessibbli u l-innovazzjoni kulturali.
Sabiex tindirizza l-isfidi speċifiċi fil-postijiet rurali u remoti, il-Kummissjoni fl-2021 se tressaq Komunikazzjoni dwar il-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali sabiex tanalizza l-aspetti soċjali u infrastrutturali fiż-żoni rurali u teżamina l-azzjoni possibbli f’terminu qasir u medju.
L-użu ta’ soluzzjonijiet industrijali standardizzati applikati bħala parti minn pakkett komprensiv ta’ rinnovazzjoni jippermetti rinnovazzjoni orħos u iktar rapida b’impatt limitat fuq ir-residenti u jista’ jkun ta’ rilevanza partikolari fil-każ tal-abitazzjonijiet soċjali. F’dan il-kuntest, il-potenzjal ta’ ftehimiet ta’ xiri rigward l-effiċjenza bbażati fuq kejl intelliġenti tal-iffrankar reali miksub għandu wkoll jiġi ppruvat u għandu jiżdied b’mod qawwi.
Fl-aħħar nett, l-impriżi soċjali huma sħab importanti fl-indirizzar tal-faqar enerġetiku permezz ta’ soluzzjonijiet soċjalment innovattivi, inkluż kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-enerġija, it-taħriġ mill-ġdid ta’ persuni qiegħda biex isiru konsulenti dwar il-faqar enerġetiku jew ix-xiri ta’ apparati elettrodomestiċi effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-kiri, u għandhom jiġu involuti bis-sħiħ fil-mewġa ta’ rinnovazzjoni.
4.2. Il-binjiet pubbliċi u l-infrastruttura soċjali juru t-triq ’il quddiem
L-infrastruttura soċjali pubblika u privata, il-binjiet amministrattivi pubbliċi, l-abitazzjonijiet soċjali, l-istituzzjonijiet kulturali, l-iskejjel, l-isptarijiet u l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jistgħu jqanqlu l-mewġa ta’ rinnovazzjoni, filwaqt li jservu bħala mudell u punt ta’ referenza għall-industrijalizzazzjoni tal-kostruzzjoni u għall-kobenefiċċji li minnufih isiru viżibbli għall-pubbliku.
Fil-bidu tal-2021, il-Kummissjoni se toħroġ gwida dwar il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika Tiġi l-Ewwel” sabiex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jqisu sew il-kostijiet u l-benefiċċji usa’ kollha tal-investimenti fl-ambjent mibni, li jistgħu prattikament jiġu applikati fl-akkwist pubbliku.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tar-rekwiżiti leġiżlattivi eżistenti għar-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi, sa Ġunju 2021 il-Kummissjoni se tipproponi l-ħtieġa li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti jiġi estiż għal-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u li jiżdied l-obbligu annwali ta’ rinnovazzjoni bħala parti mir-reviżjoni tal-EED. Dan se jsir flimkien mal-introduzzjoni gradwali ta’ standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-kuntest tar-reviżjoni tal-EPBD sa tmiem l-2021. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll gwida komprensiva dwar l-investimenti pubbliċi sostenibbli permezz tal-akkwist.
Barra minn hekk, sa Ġunju 2022, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tiżviluppa kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku għall-binjiet pubbliċi bħal binjiet bl-uffiċċji u skejjel relatati maċ-ċiklu tal-ħajja u mar-reżiljenza għall-klima u bbażati fuq Livell(i). Il-Kummissjoni se toħroġ ukoll, abbażi tal-valutazzjoni li jmiss tal-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul, stadji importanti indikattivi għar-rinnovazzjoni tal-binjiet tas-servizz pubbliku u privat għall-2030 u għall-2040 bil-ħsieb li l-istokk tal-bini jiġi dekarbonizzat sal-2050.
4.3. Id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ
L-immodernizzar tas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-binjiet huwa essenzjali għad-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE, għall-varar tal-potenzjal lokali tal-enerġija rinnovabbli u għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili importati. Fl-UE, it-tisħin, it-tkessiħ u l-misħun domestiku jirrappreżentaw madwar 80 % tal-enerġija kkonsmata fil-binjiet residenzjali. Żewġ terzi ta’ din l-enerġija tiġi mill-fjuwils fossili. Ħafna sistemi huma qodma u mhumiex effiċjenti u nofshom ilhom iktar miċ-ċiklu tal-ħajja tas-servizz previst tagħhom. Is-sistemi awtonomi jipprovdu sa 88 % tal-provvista tas-sħana u s-sistemi tat-tisħin distrettwali jipprovdu t-12 % li jifdal.
Skont il-valutazzjoni tal-impatt għall-Pjan tal-Mira Klimatika għall-2030, is-settur residenzjali jkollu jgħaddi mill-ogħla tnaqqis fid-domanda għall-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ, li jvarja bejn -19 % u -23 %, meta mqabbel mal-2015. Ir-rata annwali ta’ sostituzzjoni tat-tagħmir tat-tisħin ikollha tilħaq madwar 4 % kemm fis-settur residenzjali kif ukoll f’dak tas-servizzi. Matul l-istess perjodu, is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tas-sħana mormija jkollu jiżdied għal 38-42 % biex jintlaħaq l-objettiv.
Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli flimkien mad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija jirrikjedu li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni tagħhom dwar kif se jiddekarbonizzaw is-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ tagħhom billi jużaw il-potenzjal tagħhom għall-effiċjenza, għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għas-sħana mormija, u jinkludu dan kollu fil-valutazzjoni komprensiva li trid issir sa Diċembru 2020.
Abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli sa Ġunju 2021 se tikkunsidra t-tisħiħ tal-mira eżistenti tat-tisħin u tat-tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’konformità mal-ambizzjoni ogħla tal-mira klimatika proposta għall-2030, u l-introduzzjoni ta’ rekwiżit biex jintużaw livelli minimi ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-binjiet. Ir-reviżjoni se tesplora sett ta’ miżuri għall-promozzjoni ta’ tisħin u ta’ tkessiħ avvanzati, inkluż it-teknoloġiji minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’temperatura baxxa u t-teknoloġiji tas-sħana u tal-kesħa mormija b’effiċjenza għolja kif ukoll l-iżvilupp ta’ pjanijiet lokali u reġjonali għat-tisħin u għat-tkessiħ, u għall-indirizzar tax-xkiel tal-investiment kapitali tal-bidu għoli. Se tippromwovi wkoll l-użu ta’ gassijiet dekarbonizzati li jistgħu joħolqu sinerġiji lokali mas-setturi industrijali u tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali u agrikolu. Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex tiffaċilita l-aċċess għal sħana u għal kesħa mormija u minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija sa Ġunju 2021 se ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi biex iħejju, jiffinanzjaw u jimplimentaw l-ippjanar komprensiv għat-tisħin u għat-tkessiħ f’koordinazzjoni mal-proġetti ta’ rinnovazzjoni. L-awtoritajiet lokali u l-kumpaniji tal-utilitajiet għandhom rwol importanti fil-ħolqien tal-qafas regolatorju, tal-kundizzjonijiet tas-suq u tal-ħiliet meħtieġa kif ukoll fit-tħejjija ta’ sensiela robusta ta’ proġetti biex tiġi ffinanzjata l-modernizzazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ. Sabiex titwettaq id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ fil-viċinati u fil-livell nazzjonali, jeħtieġ li jkun hemm ippjanar integrat, informazzjoni speċifika dwar l-istokk tal-bini u opzjonijiet ta’ provvista tal-enerġija.
Id-Direttiva Qafas dwar l-Ekodisinn u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni dwar it-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn speċifiku għall-prodotti se jiġu żviluppati iktar biex ikomplu jiġu promossi standards ambjentali għoljin, filwaqt li jipprovdu lill-pubbliku b’informazzjoni dwar l-iktar prodotti effiċjenti u jidderieġu l-inċentivi finanzjarji lejn il-prodotti bl-ogħla rendiment.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw li jużaw it-tassazzjoni tal-enerġija u tas-CO2 ħalli jippromwovu bidla biex ma jibqgħux jintużaw il-fjuwils fossili. Il-valutazzjonijiet tal-impatt li jmiss għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ewlenija dwar il-klima u l-enerġija prevista sa Ġunju 2021 se jagħtu ħarsa lejn l-estensjoni tal-użu tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet biex jiġu inklużi l-emissjonijiet mill-binjiet. Attwalment l-EU ETS tkopri madwar 30 % tal-emissjonijiet mit-tisħin tal-binjiet minħabba l-kopertura tat-tisħin distrettwali kif ukoll tat-tisħin elettriku.
5. Konklużjoni
F’għaxar snin, il-binjiet tal-Ewropa se jkollhom dehra notevolment differenti. Il-binjiet se jkunu l-mikrokożmi ta’ soċjetà iktar reżiljenti, iktar ekoloġika u diġitalizzata, u jkunu operattivi f’sistema ċirkolari billi jnaqqsu l-ħtiġijiet enerġetiċi, l-ġenerazzjoni tal-iskart u l-emissjonijiet f’kull punt u jużaw mill-ġdid dak li jkun meħtieġ. Is-soqfa u l-ħitan tagħhom se jżidu s-superfiċe ekoloġika tal-bliet tagħna u se jtejbu l-klima u l-bijodiversità urbana. Bejn l-erba’ ħitan tagħhom, il-binjiet se jospitaw apparati elettrodomestiċi intelliġenti u diġitalizzati, li jipprovdu data f’ħin reali dwar kif, meta u fejn ġiet ikkonsmata l-enerġija. L-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, fosthom ir-roti, il-karozzi u l-vannijiet, fil-binjiet residenzjali u bl-uffiċċji se tkun esperjenza komuni li tikkomplementa l-infrastruttura tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament. Ħafna iktar Ewropej se jkunu prosumaturi, u se jipproduċu l-elettriku għall-awtokonsum jew saħansitra jbigħuh lura lill-grilja. B’mod gradwali, il-fjuwils fossili se jisparixxu gradwalment mit-tisħin u mit-tkessiħ.
L-approċċi distrettwali se jgħaqqdu lin-nies u lill-komunitajiet. Il-binjiet se jkunu jikkonsmaw inqas enerġija, iktar abitabbli, u iktar favur is-saħħa għal kulħadd. Il-bliet se jsiru iktar ekoloġiċi u se jsiru konnessi aħjar man-natura. Se jitfaċċaw impjiegi u profili professjonali ġodda. L-industrija tal-kostruzzjoni tal-Ewropa se tistagħna permezz tal-opportunitajiet ipprovduti minn rata sostnuta ta’ rinnovazzjonijiet u se tikkonsolida l-pożizzjoni globali tagħha minn ta’ quddiem fil-materjali innovattivi, u b’hekk is-settur tal-bini jinbidel minn sors tal-karbonju għal bir tal-karbonju. L-effetti pożittivi se jkollhom riperkussjonijiet fuq ekosistemi industrijali oħra. Se jiżviluppaw swieq ġodda u akbar għall-kostruzzjoni ekoloġika kif ukoll għas-self ekoloġiku u għall-finanzjament ipotekarju.
Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija biex tħaddan, tħaffef u tixpruna din it-trasformazzjoni skont l-objettiv tan-newtralità għall-klima, tapplika l-prinċipji taċ-ċirkolarità, tikkontribwixxi għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u għall-kompetittività tal-Ewropa u tipproteġi d-dritt li kulħadd ikollu abitazzjoni tajba għal butu, abitabbli, aċċessibbli u favur is-saħħa filwaqt li jiġi ssalvagwardjat il-patrimonju kulturali.
Il-Kummissjoni se tagħti pariri u tappoġġa lill-Istati Membri biex jippjanaw u jimplimentaw miżuri ambizzjużi għar-rinnovazzjoni fil-kuntest tal-pjanijiet għall-irkupru tagħhom. Fix-xhur li ġejjin, se tippreżenta sett komprensiv ta’ azzjonijiet regolatorji u ta’ politika biex jitneħħa x-xkiel eżistenti li qed ixekkel ir-rinnovazzjoni, b’mod partikolari permezz tar-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Enerġija Rinnovabbli u permezz tat-tisħiħ tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet fil-kuntest tal-pakkett ta’ segwitu tal-2030 sa Ġunju 2021. Dan se jiġi kkomplementat minn firxa ta’ inizjattivi ulterjuri inkluż ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, kif stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni anness.
Ir-rinnovazzjoni għandha tkun proġett kondiviż fl-Ewropa kollha. Il-mobilizzazzjoni u s-sjieda tal-bliet, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-partijiet ikkonċernati, tal-gvernijiet nazzjonali u taċ-ċittadini se jkunu kruċjali biex dan il-proġett jiġi sostnut. Il-Kummissjoni se taħdem fi sħubija mill-qrib mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-awtoritajiet lokali u muniċipali, inkluż billi tuża l-Patt Klimatiku. Se tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin u l-ispirazzjoni reċiproka permezz ta’ networks transfruntiera bħal kumitati tal-UE, azzjonijiet miftiehma jew gruppi ta’ esperti, fora tal-partijiet ikkonċernati, il-Patt tas-Sindki u s-Suq tal-Bliet Intelliġenti.
Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tista’ tappoġġa l-irkupru kemm għall-individwi kif ukoll għall-ekonomija, u l-ksib tal-benefiċċji tagħha jrid jiġi sostnut fit-tul. Il-Kummissjoni se ssegwi l-progress fir-rinnovazzjoni permezz tas-Semestru Ewropew u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar stabbiliti fil-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Ħidma Tekniku dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Governanza, b’enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-NECPs tal-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Istati Membri, liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jiddiskutu l-istrateġija stabbilita f’din il-Komunikazzjoni u biex jikkontribwixxu għall-azzjonijiet meħtieġa biex tiżdied ir-rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija u sostenibbli tal-binjiet. Jekk niġbdu ħabel wieħed flimkien fil-livelli kollha, nistgħu nqanqlu Mewġa ta’ Rinnovazzjoni Ewropea.