Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0116

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Rapport Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH u rieżami ta' ċerti elementi Konklużjonijiet u Azzjonijiet Conclusions and Actions

COM/2018/0116 final

Brussell, 5.3.2018

COM(2018) 116 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Rapport Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH u rieżami ta' ċerti elementi

Konklużjonijiet u Azzjonijiet


Conclusions and Actions

{SWD(2018) 58 final}


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Rapport Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH u rieżami ta’ ċerti elementi

Konklużjonijiet u Azzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-UE dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (imsejjaħ REACH) 1 daħal fis-seħħ fl-2007.

Ir-REACH jobbliga lill-industrija biex tiġbor informazzjoni dwar is-sikurezza kimika, tuża din l-informazzjoni biex tiżviluppa u tapplika miżuri għall-immaniġġar tar-riskji, tikkomunika dawn il-miżuri lill-utenti tas-sustanzi kimiċi u, fl-aħħar nett, tiddokumenta dan kollu f’dossiers ta’ reġistrazzjoni li jitressqu lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA). L-ECHA jew l-Istati Membri jivvalutaw jekk l-informazzjoni dwar is-sikurezza hijiex suffiċjenti u, jekk le, jitolbu informazzjoni addizzjonali.

Ir-REACH jistabbilixxi wkoll żewġ approċċi distinti tal-UE għall-immaniġġar tar-riskji:

a) Ir-restrizzjonijiet jippermettu lill-UE timponi kundizzjonijiet fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu tas-sustanzi;

b) L-awtorizzazzjoni hija mfassla b’mod li tiżgura li s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (substances of very high concern, SVHCs) jintużaw b’mod sikur filwaqt li titħeġġeġ is-sostituzzjoni b’alternattivi xierqa.

Motivazzjoni politika inizjali 2 għar-REACH kienet il-progress bil-mod fit-tlestija tal-valutazzjonijiet tar-riskju tal-UE u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi kimiċi eżistenti 3 . Barra minn hekk, l-20 % biss tas-sustanzi kellhom dejta disponibbli għall-pubbliku li tippermetti analiżi minima għall-valutazzjoni tar-riskju. F’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes, iħallas” 4 , ir-REACH poġġa l-piż tal-provi fuq l-industrija, u b’hekk għamilha responsabbli għas-sikurezza tas-sustanzi kimiċi tul il-katina ta’ provvista. Barra minn hekk, l-awtoritajiet għandhom jiffokaw fuq dawk ir-riskji li l-industrija ma tistax timmaniġġa b’mod xieraq jew li ma timmaniġġax b’mod xieraq. Il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem kienet motivazzjoni inizjali oħra għar-REACH, li kienet ikkumplimentata mill-objettivi tal-iżgurar taċ-ċirkolazzjoni libera tas-sustanzi kimiċi fl-UE, it-tisħiħ tal-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija tal-UE u l-promozzjoni tal-metodi ta’ ttestjar mhux fuq l-annimali. Il-proposta regolatorja ġiet żviluppata wara sekwenza ta’ evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt minn qabel simili għaċ-ċiklu tal-politika li jiġi applikat bħalissa fil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar 5 .

Ir-REACH jikkontribwixxi wkoll biex l-UE tilħaq il-mira tal-2020 tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (World Summit for Sustainability Development, WSSD) 6 . Ir-REACH ġabar u allinja l-parti ċentrali tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li ġiet stabbilita matul id-deċennji preċedenti, u ssostitwixxa 40 biċċa differenti ta’ leġiżlazzjoni b’Regolament uniku. 

L-Istati Membri, l-ECHA u l-Kummissjoni huma mitluba li jirrappurtaw b’mod regolari dwar l-operat tar-Regolament 7 . Il-Kummissjoni għandha twettaq ukoll għad ta’ rieżamijiet bi skadenzi differenti 8 . Fl-2013, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport li jkopri l-ewwel ħames snin tal-operat tar-REACH inklużi ċerti rieżamijiet 9 . 

Dan id-dokument huwa t-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH. L-evalwazzjoni twettqet bħala parti mill-programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) skont il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar2 u hija akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal 10 . Dan ir-rapport jinkludi wkoll tliet rieżamijiet: wieħed dwar ir-reġistrazzjoni possibbli tal-polimeri 11 u tnejn dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ informazzjoni għas-sustanzi b’tunnellaġġ baxx (1-10 tunnellati/sena) 12 .

2.Sejbiet tal-evalwazzjoni

2.1.Kisba tal-objettivi tar-REACH

Madwar 10 snin wara li daħal fis-seħħ, ir-REACH huwa kompletament operattiv u qed jagħti riżultati fir-rigward tal-kisba tal-objettivi tiegħu. Għalkemm il-progress lejn l-objettivi għadu lura meta mqabbel mal-istenniji inizjali, tjieb b’mod kostanti bl-esperjenza miksuba.

Ir-REACH jipprovdi sistema komprensiva għall-ġenerazzjoni u l-valutazzjoni tad-dejta għas-sustanzi kimiċi manifatturati u li jintużaw fl-UE, imfassla biex ittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u biex l-UE tkun minn ta’ quddiem fil-kisba tal-mira stabbilita għall-2020 fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. Ir-REACH influwenza wkoll il-leġiżlazzjoni fil-pajjiżi terzi (eż. il-Korea u ċ-Ċina), għalkemm għadhom jeżistu differenzi sinifikanti u hemm lok biex ikompli jiġi sfruttat il-potenzjal tar-REACH biex iservi bħala mudell dinji għal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.

L-ispejjeż diretti ewlenin imġarrba minħabba r-REACH s’issa huma assoċjati mar-reġistrazzjoni u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni tul il-katina tal-provvista. L-istima ta’ dawn l-ispejjeż hija ta’ EUR 2,3-2,6 biljun għall-ewwel żewġ skadenzi ta’ reġistrazzjoni. L-ispejjeż kienu ogħla milli kien mistenni (EUR 1,7 biljun), b’mod partikolari għall-ewwel skadenza ta’ reġistrazzjoni. Spejjeż addizzjonali jirriżultaw mill-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjonijiet. L-istima tal-iskala tal-benefiċċji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent tibqa’ madwar EUR 100 biljun fuq perjodu ta’ 25-30 sena. L-ispejjeż ġenerali jidhru ġġustifikati bir-riżultati osservati u mill-benefiċċji, li qegħdin jibdew jimmaterjalizzaw.

13 L-evalwazzjoni identifikat għadd ta’ nuqqasijiet u kwistjonijiet ewlenin li jfixklu l-kisba tal-objettivi tar-REACH. Mill-2013 ġew implimentati jew qegħdin jiġu żviluppati għadd ta’ titjibiet fl-effiċjenza tal-proċessi tar-REACH; madankollu, ġew identifikati aktar opportunitajiet għal titjib u simplifikazzjoni, b’mod partikolari għall-Iskedi tad-Dejta tas-Sikurezza, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni. Il-kwistjonijiet li jeħtieġu l-aktar azzjoni urġenti huma:

·in-nuqqas ta’ konformità tad-dossiers ta’ reġistrazzjoni;

·is-simplifikazzjoni tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni;

·l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ma’ kumpaniji mhux tal-UE permezz ta’ restrizzjonijiet u infurzar effettivi;

·il-kjarifika tal-interfaċċa bejn ir-REACH u leġiżlazzjoni oħra tal-UE, b’mod partikolari dik dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (Occupational Safety and Health, OSH) u dwar l-iskart.

2.2.Responsabbiltà tal-industrija

Il-manifatturi u l-importaturi rreaġixxew għall-obbligi tar-reġistrazzjoni għas-sustanzi eżistenti 14 billi mlew id-dossiers ta’ reġistrazzjoni tagħhom fil-ħin u bla tfixkil kbir tas-suq. Madankollu, il-kumpaniji jonqoshom l-inċentivi biex jaġġornaw id-dossier ta’ reġistrazzjoni tagħhom u għadu meħtieġ ix-xogħol biex jirrimedjaw għal lakuni kbar fid-dejta jew adattamenti mhux xierqa għall-ittestjar. Il-miżuri li jappoġġaw lill-SMEs fir-rigward tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni tagħhom kienu effettivi, iżda għad hemm lok għal aktar titjib.

Il-konformità mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni mir-reġistranti hija meqjusa bħala insuffiċjenti. Dan huwa relatat ma’ żewġ kawżi prinċipali: (i) ir-rekwiżiti legali biex jiġi evitat l-ittesjar fuq l-annimali jistgħu jġiegħlu lir-reġistranti jużaw metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali, anki jekk dawn ma jkunux iġġustifikati; u (ii) id-differenza fil-valutazzjoni tal-periklu bejn ir-reġistranti u l-awtoritajiet. Barra minn hekk, l-approċċ attwali għall-valutazzjoni, inklużi l-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ECHA, għandu jitjieb aktar.

Kien hemm żieda kontinwa fl-informazzjoni mwassla permezz tal-katina ta’ provvista, għalkemm jeħtieġ li din l-informazzjoni ssir aktar effiċjenti (eż. spejjeż imnaqqsa għall-produzzjoni u l-provvista tal-Iskedi tad-Dejta tas-Sikurezza), speċjalment għall-SMEs. Jeħtieġ li jsir titjib ukoll fil-kapaċità tal-kumpaniji li jiżviluppaw xenarji ta’ esponiment speċifiċi, b’mod partikolari għat-taħlitiet, u fl-għajnuna għall-implimentazzjoni tal-obbligu li jiġu nnotifikati s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fl-oġġetti.

Ir-REACH japplika approċċ skont it-tunnellaġġ għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni fejn tunnellaġġ ogħla jwassal għal ittestjar aktar komprensiv. Dan wera li huwa proporzjonat biex jiġu indirizzati s-sustanzi li diġà qegħdin fis-suq. Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li tista’ tkun meħtieġa valutazzjoni ulterjuri tal-affordabbiltà tar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi b’tunnellaġġ baxx u r-reġistrazzjoni ta’ ċerti polimeri 15 .

Meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni preċedenti (jiġifieri qabel ir-REACH), l-eżenzjoni usa’ għall-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp u t-tnaqqis tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għas-sustanzi l-ġodda b’inqas minn 10 tunnellati kull sena kienu ta’ stimolu għall-iżvilupp ta’ sustanzi ġodda.

Ir-REACH jippermetti liċ-ċittaddini jsaqsu lill-kumpaniji jekk l-oġġetti li jipprovdu jkunux fihom l-SVHCs, iżda din id-dispożizzjoni kellha użu limitat. Meta tintuża, il-kumpaniji jsibu diffikultà fl-implimentazzjoni tagħha.

L-awtorizzazzjoni qed tilħaq l-objettivi tagħha biex tiżgura kontroll xieraq u biex tħeġġeġ is-sostituzzjoni, meta jeżistu alternattivi ekonomikament u teknikament fattibbli. L-implimentazzjoni għad trid tkun aktar effiċjenti u timmira li tnaqqas aktar il-piż amministrattiv u l-inċertezza tan-negozju għall-kumpaniji li qed japplikaw għall-awtorizzazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs.

Ir-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE minħabba li l-oġġetti importati fl-UE huma eżenti mill-obbligi ta’ awtorizzazzjoni. Koordinazzjoni u sinkronizzazzjoni aħjar tal-azzjonijiet meta jkunu qed jitwettqu l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni jistgħu jtejbu aktar l-implimentazzjoni.

2.3.Azzjoni mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni

L-Istati Membri użaw id-dritt tagħhom li jibdew azzjonijiet taħt valutazzjoni, awtorizzazzjoni u restrizzjoni, iżda r-riżorsi insuffiċjenti jnaqqsu l-attivitajiet tagħhom. Dan inaqqas l-għadd ta’ sustanzi li jiġu vvalutati u rregolati u jnaqqas ir-ritmu tal-proċess. L-Istati Membri għandhom jiżguraw infurzar aktar effettiv u armonizzat tar-REACH, filwaqt li s-Sistema ta’ Twissija Bikrija (RAPEX) tiżgura s-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur. Filwaqt li sar titjib permezz ta’ sforzi konġunti fil-Forum tal-ECHA 16 , l-attivitajiet tal-infurzar nazzjonali għandhom jiġu infurzati, inklużi l-kontrolli tal-oġġetti importati.

Ix-xogħol fil-Pjan Direzzjonali tal-SVHC 17 qed jagħmel progress lil hinn mill-aspettattivi. Il-maġġoranza tas-sustanzi bi proprjetajiet ta’ SVHC ikkonfermati issa ġew ivvalutati, pereżempju dawk li huma persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBTs) u karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs). L-indirizzar tal-lakuni fid-dejta mir-reġistrazzjoni u t-titjib tal-valutazzjoni tas-sustanzi se jippermettu l-identifikazzjoni ta’ SVHCs ġodda; fl-istess ħin, l-applikazzjoni tal-valutazzjoni ta’ gruppi ta’ sustanzi simili tista’ tkompli tħaffef il-proċess.

Ġeneralment, il-proċedura ta’ restrizzjoni qed taħdem, iżda jeħtieġ li jsir aktar titjib fl-effiċjenza, kif propost fl-azzjonijiet ta’ hawn taħt.

Meta analizzat il-koerenza bejn ir-REACH u leġiżlazzjoni oħra tal-UE, il-Kummissjoni indirizzat xi elementi kritiċi 18 fl-interfaċċa mad-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tas-sustanzi perikolużi (RoHS) 19 u r-Regolament dwar pollutanti organiċi persistenti (POPs) 20 . L-interfaċċa bejn ir-REACH u l-leġiżlazzjoni dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali titlob li jkun hemm soluzzjonijiet sistemiċi li jindirizzaw it-trikkib u d-diskrepanzi ewlenin.

Il-ħtiġijiet ta’ informazzjoni għan-nanomaterjali bħalissa qed jiġu indirizzati minn emendi proposti għall-Annessi tar-REACH. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka fl-iżvilupp ta’ metodi alternattivi 21 u tippromwovi l-użu ta’ bijomonitoraġġ uman fil-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskju tas-sustanzi kimiċi permezz ta’ inizjattivi bħal pereżempju l-Inizjattiva Ewreopa tal-Bijomonitoraġġ Uman 22  u l-Pjattaforma għall-Informazzjoni għall-Monitoraġġ tas-Sustanzi Kimiċi 23 .

2.4.ECHA

L-ECHA kienet strumentali fl-implimentazzjoni tar-REACH u issa bniet kompentenza sinifikanti fl-immaniġġar tas-sustanzi kimiċi. L-ECHA stabbilixxiet sit web faċli għall-utent li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkollhom aċċess faċli għall-akbar bażi ta’ dejta tad-dinja dwar is-sustanzi kimiċi. L-ECHA stabbilixxiet ukoll kooperazzjoni xjentifika mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (European Food Safety Authority, EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (European Medicines Agency, EMA), kif ukoll ma’ aġenzija oħra mhux tal-UE, u din il-kooperazzjoni għandha tissaħħaħ aktar biex tiġi żgurata l-koerenza u benefiċċju mis-sinerġiji.

Madwar l-2020, l-introjtu mill-imposti tal-ECHA se jitnaqqas b’mod sostanzjali 24 u l-Kummissjoni se jkollha tivvaluta kif tista’ żżomm l-għarfien espert u l-indipendenza tal-ECHA, inkluż l-iskrutinju tal-metodi ta’ ħidma tal-kumitati u l-mitigazzjoni tal-kunflitti ta’ interess.

2.5.Potenzjali għas-simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż

B’mod ġenerali, il-valutazzjoni tar-REACH ma identifikatx rekwiżiti u obbligi legali mhux meħtieġa meta jitqiesu l-ħtiġijiet u l-objettivi segwiti. Hemm lok għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż fil-mod li dawk ir-rekwiżiti jiġu implimentati u b’mod partikolari lok biex jiġi ċċarat kif iridu jiġu ssodisfati minn dawk ikkonċernati. Madankollu, is-simplifikazzjoni ma għandhiex twassal għal tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

Ġie identifikat ftit lok għal aktar simplifikazzjoni f’bosta oqsma fir-rigward tar-rekwiżit ta’ informazzjoni, l-Iskedi tad-Dejta tas-Sikurezza estiżi, il-proċess biex wieħed japplika għal awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti għas-sustanzi fl-oġġetti. Azzjonijiet xierqa huma stabbiliti fil-kapitolu li jmiss.

3.Azzjonijiet

3.1.Għarfien u mmaniġġar tas-sustanzi kimiċi tul il-katina tal-provvista

In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi eżistenti kienet waħda mill-motivazzjonijiet politiċi li wasslu għall-iżvilupp tar-REACH. Mid-dħul fis-seħħ tar-REACH, sar hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar il-proprjetajiet u l-użi tas-sustanzi kimiċi (eż. sa Diċembru 2017, l-ECHA rċeviet 65 000 dossier għal madwar 17 000 sustanzi rreġistrati uniċi) u din l-informazzjoni qed tintuża għall-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji kimiċi. Minkejja din it-tendenza pożittiva, in-nuqqas ta’ informazzjoni konformi fid-dossiers ta’ reġistrazzjoni ixekkel il-funzjonament ta’ proċessi oħra tar-REACH u ddewwem il-kisba tal-objettivi tar-REACH għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

L-effiċjenza u l-effettività tal-proċeduri ta’ valutazzjoni, implimentati mill-ECHA, il-Kumitati tagħha, l-Istati Memrbi u l-Kummissjoni, iridu jittejbu. Dan jipprovdi inċentivi aktar b’saħħithom għall-kumpaniji biex jaġġornaw ruħhom u biex jikkonformaw id-dossiers ta’ reġistrazzjoni tagħhom mar-rekwiżiti tar-REACH.

Azzjoni 1: It-tħeġġiġ tal-aġġornament tad-dossier ta’ reġistrazzjoni

Il-Kummissjoni f’kollaborazzjoni mal-ECHA, l-Istati Membri u l-industrija se jidentifikaw għaliex ir-reġistranti mhumiex qed jaġġornaw id-dossiers tagħhom u se jagħmlu proposti għal titjib sal-ewwel tliet xhur tal-2019, kif xieraq.

Azzjoni 2: It-titjib tal-proċeduri ta’ valutazzjoni

L-ECHA hija mitluba żżid b’mod sinifikanti l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ valutazzjoni sal-2019 billi:

(1) tidentifika r-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ konformità tad-dossier ta’ reġistrazzjoni u tiżviluppa rimedji;

(2) fejn xieraq, tapplika l-proċeduri varji ta’ valutazzjoni b’mod parallel;

(3) timplimenta b’mod sistematiku approċċ ta’ raggruppament 25 , fejn dan ikun possibbli;

(4) ittejjeb il-kondiviżjoni tax-xogħol fl-attivitajiet ta’ valutazzjoni mal-Istati Membri; u

(5) ittejjeb il-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Ir-REACH estenda l-Iskedi tad-Dejta tas-Sikurezza diġà eżistenti billi żied l-hekk imsejħa “xenarji ta’ esponiment”. Dan wassal għal titjib fil-komunikazzjoni u aktar trasparenza fil-katina tal-provvista. Madankollu, bosta kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, isibuhom wisq tekniċi u ta’ piż. Barra minn hekk, il-kwalità baxxa tax-xenarji ta’ esponiment hija ostakolu għall-provvista ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza għat-taħlitiet.

Azzjoni 3: It-titjib tal-prattiċità u l-kwalità tal-Iskedi tad-Dejta tas-Sikurezza estiżi

(1) Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil aktar setturi tal-industrija biex jiżviluppaw u jużaw formati armonizzati 26 u għodod tal-IT li jipprovdu informazzjoni aktar immirata lill-utent u biex jissimplifikaw it-tħejjija u l-użu tal-Iskedi tad-Dejta tas-Sikurezza kif ukoll jiffaċilitaw id-distribuzzjoni elettronika tagħhom.

(2) Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tinkludi rekwiżiti minimi għax-xenarji ta’ esponiment għas-sustanzi u t-taħlitiet fl-Iskedi tad-Dejta tas-Sikurezza u titlob lill-ECHA tiżviluppa metodoloġija għall-Iskedi tad-Dejta tas-Sikurezza tat-taħlitiet.

Il-ħtieġa biex is-sustanzi kimiċi ta’ tħassib jiġu intraċċati aħjar fil-materjali u l-prodotti sabiex jiġi ffaċilitat ir-riċiklaġġ u jitjieb l-użu tal-materjali primi sekondarji hija diskussa fil-komunikazzjoni dwar l-iskart tal-prodotti kimiċi 27 , wieħed mir-riżultati tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari. It-tali intraċċar jista’ wkoll jindirizza d-diffikultajiet attwali għall-atturi fil-katina tal-provvista biex jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-SVHCs fl-oġġetti 28 .

Azzjoni 4: L-intraċċar ta’ sustanzi ta’ tħassib fil-katina tal-provvista

Il-Kummissjoni se tiġbor evidenza u tivvaluta alternattivi biex tindirizza l-isfidi relatati mas-sustanzi ta’ tħassib, kif diskuss fil-komunikazzjoni dwar l-iskart tal-prodotti kimiċi. Il-valutazzjoni se tqis, fost oħrajn, jekk sistema ta’ intraċċar tistax tikkontribwixxi għat-titjib tal-prattiċità tar-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-SVHCs fl-oġġetti u kif tista’ tikkontribwixxi.

3.2.Immaniġġar tar-riskji msaħħaħ

Il-progress bil-mod tal-valutazzjoni tar-riskji u tal-implimentazzjoni tal-immaniġġar tar-riskji għas-sustanzi eżistenti kien motivazzjoni ewlenija oħra li wasslet għall-iżvilupp tar-REACH. Il-kumpaniji introduċew miżuri tal-immaniġġar tar-riskji mtejba bħala riżultat tar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u awtorizzazzjoni. Il-proċessi ta’ restrizzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għad iridu jiġu implimentati b’mod aktar effiċjenti u b’teħid ta’ deċiżjonijiet b’ritmu aktar mgħaġġel.

L-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-SVHC u l-valutazzjoni bikrija tal-miżuri regolatorji possibbli permezz ta’ valutazzjoni volontarja tal-alternattivi tal-immaniġġar regolatorju (regulatory management option assessment, RMOA) qed tkun għodda effettiva biex tiżgura li, sal-2020 jiġu identifikati l-SVHCs rilevanti magħrufa kollha, flimkien ma’ miżuri regolatorji possibbli. L-attenzjoni għall-identifikazzjoni tal-SVHCs qed tersaq lejn sustanzi li jeħtieġu valutazzjoni każ b’każ tal-kundizzjoni tal-livell ekwivalenti ta’ tħassib 29 . Il-Kummissjoni, flimkien mal-ECHA u l-Istati Membri, se tiżgura li l-kriterji għat-tali identifikazzjoni jkunu żviluppati u applikati b’mod konsistenti.

Barra minn hekk, il-proċess ta’ awtorizzazzjoni jitqies bħala motivazzjoni effettiva għas-sostituzzjoni tal-SVHCs tul il-katina tal-provvista, għalkemm iridu jiżdiedu l-isforzi biex titħeġġeġ is-sostituzzjoni tal-SVHCs, b’mod patikolari fost l-SMEs.

Azzjoni 5: It-tħeġġiġ tas-sostituzzjoni tal-SVHCs

Il-Kummissjoni, l-ECHA u l-Istati Membri se jintensifikaw l-attivitajiet ta’ appoġġ biex jiffaċilitaw is-sostituzzjoni tal-SVHCs. It-tali attivitajiet jistgħu jinkludu t-tħeġġiġ tal-bini tal-kapaċità u ta’ netwerks kollaborattivi u t-tħeġġiġ tal-investiment tar-Riċerka u l-Iżvilupp (ir-riżorsi tal-UE u tal-Istati Membri) f’innovazzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi sostenibbli u teknoloġija.

Peress li l-awtorizzazzjoni saret operattiva, tfaċċaw għadd ta’ sfidi u tħassib prattiċi li kellhom jiġu indirizzati. L-isforzi li għaddejjin biex jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikomplu bl-għan li jiġu ċċarati r-rekwiżiti u biex il-proċess isir aktar prattiku u aktar prevedibbli għall-applikanti.

Meta titwettaq RMOA, hija meħtieġa evidenza biex wieħed jifhem il-fattibbiltà prattika ta’ miżuri regolatorji possibbli (awtorizzazzjoni jew restrizzjoni) biex jiġi infurmat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Din tinkludi informazzjoni soċjoekonomika disponibbli bħal pereżempju l-użi magħrufa, l-għadd u d-daqs tal-atturi involuti fil-katini tal-provvista kif ukoll informazzjoni disponibbli dwar il-fattibbiltà teknika u ekonomika ta’ sustanzi jew teknoloġiji alternattivi possibbli aktar sikuri.

Azzjoni 6: Is-simplifikazzjoni għal proċess ta’ awtorizzazzjoni aktar prattiku

Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel l-applikazzjoni għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni aktar prattiku għall-operaturi, inkluż għall-SMEs billi:

(1) tissimplifika l-applikazzjonijiet għall-użu kontinwu tal-SVHCs fil-partijiet ta’ rikambju b’ħajja twila 30 u tkompli tikkunsidra l-każ tal-applikazzjonijiet ta’ volum baxx fl-2018;

(2) timmonitorja mill-qrib u tindirizza d-diffikultajiet relatati mal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni li jkopru ħafna operaturi;

(3) tnaqqas l-imposti għall-applikanti f’applikazzjonijiet konġunti għal awtorizzazzjoni filwaqt li tibbilanċja l-livelli tal-imposti skont l-użu sabiex tirrifletti aħjar il-piż tax-xogħol għall-kumitati tal-ECHA fl-2018.

Azzjoni 7: Informazzjoni soċjoekonomika bikrija għal miżuri regolatorji possibbli

L-ECHA f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri se tikkunsidra alternattivi biex tkompli tiżviluppa u tuża l-informazzjoni soċjoekonomika disponibbli għall-kunsiderazzjoni fl-istadju RMOA.

S’issa, l-għadd ta’ restrizzjonijiet ġodda ma laħaqx l-istenniji oriġinali. Għalkemm il-proċess tjieb bħala riżultat tal-azzjonijiet mibdija wara r-rieżami tar-REACH tal-2013, hemm lok għal aktar titjib b’mod partikolari biex jiġu identifikati kandidati rilevanti għar-restrizzjoni u biex jiżdied l-involviment tal-Istati Membri.

Azzjoni 8: It-titjib tal-Proċedura ta’ Restrizzjoni

(1) L-ECHA hija mitluba tiċċara l-informazzjoni meħtieġa mill-konsultazzjonijiet pubbliċi, inkluża l-informazzjoni minima li trid titressaq mill-industrija meta tkun qed titlob għal derogi (b’limitu ta’ żmien jew le) mir-restrizzjonijiet.

(2) L-ECHA hija mitluba tidentifika l-każijiet rilevanti għar-restrizzjoni bħala parti mill-attivitajiet ta’ analiżi regolari tagħha, filwaqt li tqis ukoll is-sustanzi li għalihom teżisti leġiżlazzjoni nazzjonali biss.

(3) Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tidentifika każijiet xierqa għar-restrizzjoni ta’ sustanzi CMR fl-oġġetti tal-konsumaturi permezz ta’ proċedura simplifikata, skont l-Artikolu 68(2).

Azzjoni 9: It-tisħiħ ulterjuri tal-involviment tal-Istati Membri fil-proċedura ta’ restrizzjoni

Il-Kummissjoni u l-ECHA se jaħdmu mal-Istati Membri biex ikomplu jissimplifikaw ir-rekwiżiti għat-tressiq ta’ dossier ta’ restrizzjoni u biex iżidu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jiżviluppaw dossiers għal restrizzjonijiet ġodda u jipprovdu soluzzjonijiet kostruttivi bħal pereżempju jħeġġu dossiers konġunti mħejjija minn bosta Stati Membri u/jew f’kooperazzjoni mal-ECHA.

Azzjoni 10: Tiġi regolamentata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni 31

Il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju u l-Kumitat tal-Valutazzjoni Soċjoekonomika tal-ECHA għandhom jiżguraw li l-opinjonijiet tagħhom jindikaw meta d-dejta xjentifika ma tippermettix evalwazzjoni kompluta tar-riskju. Dan għandu jinkludi x’informazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-inċertezzi, l-iskeda ta’ żmien għall-ġenerazzjoni ta’ informazzjoni bħal din u l-provvista ta’ valutazzjoni tal-konsegwenzi potenzjali ta’ nuqqas ta’ azzjoni biex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra jekk hijiex meħtieġa azzjoni abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, imsejjes fit-test legali tar-REACH.

L-interazzjoni bejn l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni hija stabbilita fir-REACH. Jipprevedi li, wara d-data tat-terminazzjoni, għas-sustanzi soġġetti għall-awtorizzazzjoni, l-ECHA għandha tikkunsidra jekk l-użu fl-oġġetti ta’ sustanzi bħal dawn joħloqx riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent li mhuwiex ikkontrollat kif xieraq, u jekk iva, jekk għandhiex tibda proċedura ta’ restrizzjoni. Hemm il-ħtieġa li titħaffef il-valutazzjoni tal-ħtieġa għar-restrizzjonijiet fuq l-oġġetti importati li jkun fihom is-sustanzi soġġetti għall-awtorizzazzjoni 32 sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi ekonomiċi fl-UE u barra mill-UE. Wieħed għandu jeżamina l-possibbiltà u l-mod kif il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-użu mhux ristrett tal-SVHCs tista’ tiġi applikata biex jinkiseb maniġġar tar-riskju u sostituzzjoni komparabbli b’mod aktar effiċjenti u prevedibbli.

Azzjoni 11: L-interazzjoni bejn l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni

(1) L-ECHA hija mitluba tikkunsidra b’mod sistematiku t-tħejjija ta’ dossier ta’ restrizzjonijiet qabel id-data tat-terminazzjoni ta’ kull sustanza li hija soġġetta għall-awtorizzazzjoni u li tinsab fl-oġġetti skont l-Artikolu 69(2).

(2) Il-Kummissjoni, l-ECHA u l-Istati Membri se jivvalutaw l-interazzjoni bejn ir-restrizzjoni u l-awtorizzazzjoni biex jiksbu tnaqqis tar-riskju komparabbli b’mod aktar effiċjenti permezz tal-immaniġġar tar-riskju u s-sostituzzjoni.

3.3.Koerenza, infurzar u SMEs

Huma meħtieġa aktar attivitajiet biex tiġi ċċarata l-interfaċċa bejn ir-REACH u biċċiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE; b’mod partikolari għandu jitkompla x-xogħol fuq l-interazzjoni tar-REACH mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) u mal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart 33 .

Azzjoni 12: L-interfaċċa tal-leġiżlazzjoni REACH u OSH

Il-Kummissjoni se tipproponi l-passi konkreti li ġejjin biex tneħħi d-duplikazzjonijiet u tiċċara l-interfaċċa bejn ir-REACH u l-OSH:

(1) Kif iridu jintużaw l-għodod tar-REACH (eż. ix-xenarji ta’ esponiment, l-Iskedi tad-Dejta tas-Sikurezza) biex tissaħħaħ l-effettività tal-leġiżlazzjoni OSH.

(2) It-titjib tal-koordinazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni REACH u OSH.

(3) L-allinjament tal-metodoloġiji sabiex jiġu stabbiliti livelli sikuri ta’ esponiment għas-sustanzi kimiċi fuq il-post tax-xogħol sal-ewwel tliet xhur tal-2019.

(4) It-tisħiħ tar-rwol tal-kumitat tal-valutazzjoni tar-riskju (risk assessment committee, RAC) tal-ECHA, ukoll bl-involviment tas-sħab soċjali, sabiex jipprovdi opinjonijiet xjentifiċi skont il-leġiżlazzjoni tal-OSH filwaqt li jirrispetta r-rwol tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol.

It-tisħiħ tal-infurzar tal-obbligi fuq l-atturi kollha, inklużi r-reġistranti, l-utenti downstream u b’mod partikolari għall-importaturi, huwa meħtieġ sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, jiġu ssodisfati l-objettivi tar-REACH u tiġi żgurata l-konsistenza mal-azzjonijiet ippjanati sabiex titjieb il-konformità u l-governanza ambjentali 34 . Ir-rappurtar konsistenti tal-attivitajiet ta’ infurzar tal-Istati Membri jippermetti valutazzjoni aħjar ta’ dan l-aspett importanti tar-REACH.

Azzjoni 13: It-tisħiħ tal-infurzar

(1) Sal-ewwel tliet xhur tal-2019 il-Kummissjoni se tikkunsidra miżuri addizzjonali (bħal pereżempju rakkomandazzjonijiet, dokumenti ta’ gwida, taħriġ u proġetti pilota), skont l-istrument leġiżlattiv rilevanti, biex tikkjarifika u ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet tal-infurzar tar-REACH kif ukoll l-awtoritajiet doganali fl-infurzar tar-REACH.

(2) Il-Forum tal-ECHA u l-Istati Membri huma mitluba jistabbilixxu parametri komparabbli dwar l-infurzar. Abbażi ta’ dawk il-parametri, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw kull sena lill-ECHA għall-fini tal-monitoraġġ tal-attivitajiet ta’ infurzar mill-Istati Membri.

L-SMEs għadhom aktar vulnerabbli għall-effetti tar-REACH milli l-kumpaniji l-kbar minħabba r-riżorsi finanzjarji u umani limitati, speċjalment fid-dawl tal-iskadenza tal-2018 għar-reġistrazzjoni, fejn ħafna aktar SMEs huma mistennija li jkunu involuti milli fi skadenzi ta’ reġistrazzjoni preċedenti, kif ukoll fid-dawl tal-isfidi tal-utenti downstream.

Azzjoni 14: L-appoġġ tal-konformità mill-SMEs

L-ECHA u l-Istati Membri huma mitluba jżidu l-isforzi tagħhom biex, b’input mill-azzjonijiet volontarji mill-organizzazzjonijiet tal-industrija, jiżviluppaw gwida mfassla apposta u strumenti ta’ appoġġ iffokati fuq il-ħtiġijiet tal-SMEs. Strumenti bħal dawn jistgħu jinkludu l-ġbir tal-aħjar prattika, il-ġenerazzjoni ta’ soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur u l-pubblikazzjoni tad-dokumenti fil-lingwi nazzjonali.

3.4.Imposti u l-ġejjieni tal-ECHA

Implimentazzjoni effiċjenti u li tiffunzjona tajjeb fil-proċessi kollha tar-REACH teħtieġ stabbiltà finanzjarja u tar-riżorsi fit-tul sabiex il-kompetenzi meħtieġa jistgħu jinżammu u tinkiseb l-effiċjenza, filwaqt li jitqiesu l-limiti tal-baġit. Il-finanzjament tal-ECHA wara l-2020 irid jiġi kkunsidrat u l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fix-xogħol tal-ECHA irid jiġi infurzat. Fil-perjodu 2007 – 2020, il-finanzjament tal-ECHA ġej mill-imposti (70 %) u minn sussidju ta’ bilanċjar (30 %). Wara l-2020, l-introjtu mill-imposti (b’mod partikolari mir-reġistrazzjoni) huwa mistenni li jonqos ħafna f’daqqa. Għalhekk, is-sostenibbiltà tal-iffinanzjar tal-ECHA trid terġa’ tiġi vvalutata.

Matul is-snin li ġejjin, huwa mistenni li l-ECHA se ssir ċentru ta’ referenza Ewropew u dinji għall-immaniġġar sostenibbli tas-sustanzi kimiċi, li jkun kapaċi jservi l-implimentazzjoni ta’ aktar biċċiet ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, jekk il-Kummissjoni tagħmel proposti f’dan ir-rigward.

Azzjoni 15: Imposti u l-ġejjieni tal-ECHA

(1) Filwaqt li jitqies li l-limiti tal-baġit se jibqgħu wkoll fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni se teżamina modi biex tiggarantixxi l-missjoni u l-indipendenza tal-ECHA u biex tivvaluta l-alternattivi kollha possibbli għall-finanzjament f’kuntest ta’ introjtu mill-imposti mnaqqas previst, inkluż billi tnaqqas l-infiq.

(2) Sal-2019, l-ECHA hija mħeġġa li:

i) tirrialloka l-persunal għal oqsma oħra ta’ xogħol wara t-tlestija tal-proċess ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali sabiex issaħħaħ l-għarfien espert xjentifiku u tekniku relatat mas-sikurezza tas-sustanzi kimiċi kif ukoll il-metodoloġiji li qed jevolvu għall-valutazzjoni tagħhom;

ii) tkompli tidentifika t-titjib fl-effiċjenza u tipproponi miri.

(3) Meta jitqiesu l-limiti identifikati hawn fuq, il-Kummissjoni se tivvaluta bir-reqqa jekk għandhiex tagħti aktar kompiti lill-ECHA u r-riżorsi assoċjati.

3.5.Il-ħtieġa għal valutazzjoni ulterjuri

Ir-rieżamijiet relatati mar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni għas-sustanzi b’tunnellaġġ baxx u għall-polimeri (l-Artikolu 138) identifikaw il-ħtieġa li tiġi vvalutata l-affordabilità ta’ aktar rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni għall-kumpaniji involuti, speċjalment minħabba l-għadd ta’ SMEs li jistgħu jiġu affettwati.

Azzjoni 16: Ir-rieżami tar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi b’tunnellaġġ baxx u għall-polimeri 35

Il-Kummissjoni se teżamina aktar l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi vvalutata l-affordabilità ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali għas-sustanzi b’tunnellaġġ baxx jew biex jiġu identifikati l-polimeri rilevanti li jistgħu jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-impatti tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-2018 fuq l-SMEs, filwaqt li tqis il-kostijiet ġenerali mġarrba, id-disponibbiltà tas-sustanzi kimiċi u l-bidliet strutturali possibbli fis-suq tal-UE.

Il-Kummissjoni se teżamina bosta alternattivi biex jitneħħew il-lakuni fid-dejta u biex titjieb il-kwalità, ir-robustezza u t-trasparenza tad-dejta fil-kuntest tar-REACH. Dan huwa parti minn diskussjoni usa’ dwar l-approċċ tal-UE għat-trasparenza, il-kwalità u l-indipendenza tad-dejta 36 , 37 li fuqu huma bbażati d-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju u dwar l-immaniġġar tar-riskju.

Għas-sustanzi CMR li għalihom ma jeżistu l-ebda livelli ta’ esponiment sikur, ma hemm l-ebda kunsens fl-UE dwar liema livell ta’ riskju jista’ jitqies bħala aċċettabbli. Barra minn hekk, ir-regoli għall-istabbiliment ta’ miżuri tal-immaniġġar tar-riskju xierqa għal sustanzi bħal dawn fir-REACH ma jinkludux il-kunċett tar-riskju aċċettabbli. Il-Kummissjoni se tkompli tirrifletti dwar il-livelli ta’ riskju aċċettabbli u jekk dawn jistgħux ikollhom rwol fil-proċessi rilevanti tar-REACH.

4.Konklużjonijiet

L-Evalwazzjoni tar-REACH tikkonkludi b’mod ġenerali li r-REACH qed tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini tal-lum dwar is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi 38 .

Ir-REACH huwa effettiv iżda ġew identifikati opportunitajiet għal aktar titjib, simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż, li jistgħu jinkisbu billi jitwettqu l-azzjonijiet deskritti fir-rapport. Dawk għandhom jiġu implimentati b’mod konformi mal-Istrateġija għall-Politika Industrijali mġedda tal-UE 39 , il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari 40 u s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali 41 .

Ir-REACH huwa ġeneralment koerenti ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u jwassal għall-objettivi internazzjonali kif previst.

L-implimentazzjoni għadha għaddejja fl-oqsma kollha, b’xi stadji importanti ewlenin, bħal pereżempju l-aħħar skadenza għar-reġistrazzjoni, li għadha trid titlesta sa Ġunju 2018. Bosta mill-kostijiet tar-REACH iġġarrbu u qed jibdew jimmaterjalizzaw il-benefiċċji.

L-evalwazzjoni tar-REACH ikkonkludiet li r-rekwiżiti u l-obbligi legali huma aġġornati sew sabiex jinkisbu l-ħtiġijiet u l-objettivi segwiti. Filwaqt li din il-Komunikazzjoni identifikat għadd ta’ azzjonijiet li se jkomplu jtejbu r-REACH, bħalissa ma hemm l-ebda ħtieġa li jinbidlu t-termini normattivi tiegħu.

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1. Verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3.

(2)

OECD (2015). Preliminary analysis of policy drivers influencing decision making in chemicals management. Series on Risk Management, No. 28. Dokument ENV/JM/MONO(2015)21. L-Appendiċi 6 jikkonċerna r-REACH

(3)

100 106 sustanza kkummerċjalizzata fl-UE qabel l-1981. Dawn is-sustanzi issa jissejħu “sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali”.

(4)

L-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(5)

  https://ec.europa.eu/commission/priorities/democratic-change/better-regulation_mt

(6)

Mira tad-WSSD: “Sal-2020, jinkiseb l-immaniġġar ambjentalment korrett tas-sustanzi kimiċi u l-iskart kollu fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, skont l-oqfsa internazzjonali miftiehma, u jitnaqqas b’mod sinifikanti r-rilaxx tagħhom fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt negattivi tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent”.

(7)

Ara l-Artikolu 117 tar-REACH.

(8)

Ara l-Artikolu 138 tar-REACH.

(9)

COM(2013)49 u SWD(2013)25

(10)

SWD(2018)58

(11)

Ara l-Artikolu 138(2) tar-REACH

(12)

Ara l-Artikolu 138(1) u 138(3) tar-REACH

(13)

Għal aktar dettalji, ara SWD(2018)58

(14)

Is-sustanzi eżisteni jirreferu għas-sustanzi ta’ “introduzzjoni gradwali” skont il-punt 20 tal-Artikolu 3 tar-REACH.

(15)

Għal aktar dettalji ara SWD(2018)58

(16)

Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar

(17)

  Pjan direzzjonali dwar is-Sustanzi ta’ Tħassib Serju Ħafna , Frar 2013.

(18)

      http://ec.europa.eu/growth/sectors/chemicals/reach/special-cases_mt

(19)

     Id-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku.

(20)

     Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 dwar pollutanti organiċi persistenti, li jimplimenta l-obbligi tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

(21)

Għal aktar dettalji ara l-Anness 4 ta’ SWD(2018)58

(22)

HBM4EU

(23)

IPCHEM

(24)

Wara l-aħħar skadenza ta’ reġistrazzjoni tal-2018.

(25)

Il-valutazzjoni ta’ gruppi ta’ sustanzi bi proprjetajiet simili minflok sustanzi individwali

(26)

Bħal dawk żviluppati min-Netwerk ta’ Skambju dwar ix-Xenarji ta’ Esponiment (Exchange Network on Exposure Scenarios, ENES)

(27)

Alterattivi li jindirizzaw l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, dwar il-prodotti u dwar l-iskart COM(2018) 32 final u SWD(2018) 20 final

(28)

L-Artikoli 7 u 33 tar-REACH

(29)

Skont l-Artikolu 57(f) tar-REACH

(30)

L-użi tal-SVHC għall-produzzjoni tal-partijiet ta’ rikambju b’ħajja twila għat-tiswija ta’ oġġetti li ma għadhomx jiġu prodotti wara d-data tat-terminazzjoni (eż. inġenju tal-ajru u vetturi bil-mutur)

(31)

COM(2000)1 dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni

(32)

Skont l-Artikolu 69(2) tar-REACH

(33)

Indirizzati mill-azzjoni 4 hawn fuq.

(34)

COM(2018) 10 Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali

(35)

Rieżami skont l-Artikolu 138(1), 138(2) u 138(3) tar-REACH.

(36)

C (2017) 8414final – Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej relatata mal-glifosat

(37)

Pjan direzzjonali dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-mudell tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari

(38)

  Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar is-sikurezza tas-sustanzi kimiċi

Top