Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2021P0004

Azzjoni ppreżentata fid-9 ta’ Lulju 2021 minn SÝN hf. kontra l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (Il-Kawża E-4/21) 2021/C 343/10

ĠU C 343, 26.8.2021, p. 29–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 343/29


Azzjoni ppreżentata fid-9 ta’ Lulju 2021 minn SÝN hf. kontra l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

(Il-Kawża E-4/21)

(2021/C 343/10)

Azzjoni kontra l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kienet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-EFTA fid-9 ta’ Lulju 2021 minn SÝN hf., irrappreżentata minn Dóra Sif Tynes, Avukat fil-Liġi, ADVEL, Kalkofnsvegur 2, 101 Reykjavik, l-Iżlanda.

SÝN hf. titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

1.

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, Nru 023/21/COL, tas-26 ta’ Marzu 2021, għajnuna lil Farice ehf. għall-investiment fit-tielet cable taħt il-baħar.

2.

Tordna lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA biex tħallas l-ispejjeż legali kollha.

L-isfond legali u fattwali u l-motivi miġjuba bħala sostenn:

Sýn (“l-applikant”) hija kumpanija tal-komunikazzjoni elettronika u tal-media attiva fis-swieq kollha tat-telekomunikazzjonijiet u tax-xandir fl-Iżlanda, bl-indirizz irreġistrat tagħha għan-negozju f’Suðurlandsbraut 8 f’Rejkjavik. Il-kumpanija taf l-għeruq tagħha fl-istabbiliment ta’ Íslandssími hf. u Tal hf. lejn l-aħħar tas-snin 90 wara l-liberalizzazzjoni tal-forniment tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fl-Iżlanda. L-applikant jipprovdi servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi komprensivi, inkluż il-forniment ta’ servizzi ta’ ċentru tad-data, bl-isem tal-marka tad-ditta Vodafone soġġett għal ftehim ta’ sħubija ma’ Vodafone Group plc.

Farice hf. ġiet stabbilita fl-2002 mill-partijiet Iżlandiżi u tal-Gżejjer Faeroe, bil-għan li tħejji, tibni u tħaddem sistema ta’ cable ta’ komunikazzjoni elettronika taħt il-baħar li tipprovdi konnettività internazzjonali bejn l-Iżlanda, il-Gżejjer Faeroe u r-Renju Unit.

Din l-applikazzjoni hija azzjoni għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 023/21/COL (“id-deċiżjoni kkontestata”). Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fis-26 ta’ Marzu 2021, wara notifika mill-awtoritajiet Iżlandiżi ppreżentata fit-23 ta’ Marzu 2021.

L-applikant jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA:

Kisret l-obbligu tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 1(2) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“SCA”) billi kellu jkollha dubji fir-rigward tal-kompatibilità tal-miżura mal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

Kisret l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 16 SCA li tiddikjara r-raġunijiet b’mod adegwat.


Top