This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document E2020C0102
EFTA Surveillance Authority Decision No 102/20/COL of 31 August 2020 authorising Norway to apply an extension of certain periods specified in Article 2 of Regulation (EU) 2020/698 of the European Parliament and of the Council laying down specific and temporary measures in view of the COVID‐19 outbreak concerning the renewal or extension of certain certificates, licences and authorisations and the postponement of certain periodic checks and periodic training in certain areas of transport legislation (2020/1635)
Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 102/20/COL tal-31 ta’ Awwissu 2020 li tawtorizza lin-Norveġja tapplika l-estensjoni ta’ ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport [2020/1635]
Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 102/20/COL tal-31 ta’ Awwissu 2020 li tawtorizza lin-Norveġja tapplika l-estensjoni ta’ ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport [2020/1635]
PUB/2020/765
ĠU L 367, 5.11.2020, p. 42–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Extended application | 32020R0698 | artikolu 2 paragrafu 1 | 30/09/2020 | ||
Extended application | 32020R0698 | artikolu 2 paragrafu 2 |
5.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 367/42 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA
Nru 102/20/COL
tal-31 ta’ Awwissu 2020
li tawtorizza lin-Norveġja tapplika l-estensjoni ta’ ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport [2020/1635]
L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament kif adattat għall-Ftehim ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu,
Billi:
Skont id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ċerti sewwieqa professjonali huma meħtieġa jwettqu taħriġ perjodiku u wara li jikkonkludu b’suċċess it-taħriġ jirċievu Ċertifikat ta’ Sewwieq ta’ Kompetenza Professjonali (Driver Certificate of Professional Competence, CPC) li jista’ jkun fil-forma ta’ kard ta’ kwalifika tas-sewwieq jew b’immarkar korrispondenti ta’ kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95” fuq il-liċenzja tas-sewqan f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva.
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi b’seba’ xhur il-limitu taż-żmien biex id-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (CPC) ilesti t-taħriġ perjodiku, li altrimenti kien jiskadi bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020. L-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament bl-istess mod jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95” u l-Artikolu 2(3) jestendi l-kards korrispondenti ta’ kwalifika tas-sewwieq.
Meta Stat Membru jqis li t-tlestija tat-taħriġ perjodiku jew taċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, jew it-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieq aktarx jibqgħu imprattikabbli lil hinn mill-31 ta’ Awwissu 2020, minħabba miżuri li jkun ħa biex jipprevjeni jew irażżan it-tixrid tal-COVID‐19, jista’ jressaq talba motivata għal awtorizzazzjoni biex japplika estensjoni tal-perjodi speċifikati fl-Artikolu (2)1, (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2020/698, kif rilevanti. Din it-talba tista’ tkun tikkonċerna l-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 jew il-perijodi ta’ seba' xhur speċifikati fl-Artikolu (2)1, (2) u (3) ta’ dak ir-Regolament, kif rilevanti, jew it-tnejn li huma.
Meta, fuq talba mressqa f’konformità mal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2020/698, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssib li r-rekwiżiti stabbiliti f’dak il-paragrafu huma ssodisfati, għandha tadotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 2(6) ta’ dak ir-Regolament, li tawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat japplika estensjoni tal-perjodi inkwistjoni. L-estensjoni għandha tkun limitata sabiex tirrifletti l-perijodu li matulu t-tlestija tat-taħriġ perjodiku inkwistjoni jew taċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni,“95”, jew it-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieq aktarx jibqgħu imprattikabbli u, fi kwalunkwe każ, ma għandhiex tkun itwal minn sitt xhur.
Permezz ta’ ittra ddatata l-15 ta’ Ġunju 2020 (3), li tirreferi għall-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2020/698, in-Norveġja ressqet talba motivata skont l-Artikolu 2(5) għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ xahar għall-perjodu speċifikat fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament. In-Norveġja pprovdiet informazzjoni addizzjonali biex issostni t-talba tagħha fis-26 ta’ Awwissu 2020 (4).
Skont l-informazzjoni li pprovdiet in-Norveġja, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu u l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95” aktarx li jibqgħu imprattikabbli fin-Norveġja sat-30 ta’ Settembru 2020 minħabba l-miżuri li ħadet biex tipprevjeni jew trażżan it-tixrid tal-COVID‐19.
B’mod partikolari, in-Norveġja imponiet miżuri ġenerali ta’ konfinament li kienu jinkludu l-għeluq tal-faċilitajiet ta’ taħriġ, inklużi dawk relatati mat-taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa previst fid-Direttiva 2003/59/KE u s-servizzi pubbliċi relatati mat-tiġdid ta’ dokumenti u liċenzji.
Il-korsijiet ta’ taħriġ perjodiku gradwalment reġgħu bdew joperaw. Madankollu, il-miżuri meħtieġa għat-trażżin tal-COVID-19 għadhom jimponu restrizzjonijiet f’dawn il-faċilitajiet. In-Norveġja tiddikjara li l-faċilitajiet ta’ taħriġ iridu jissodisfaw ir-regoli nazzjonali rilevanti dwar it-tbegħid soċjali. B’riżultat ta’ dan, għadd limitat biss ta’ kandidati jistgħu jipparteċipaw fil-korsijiet ta’ taħriġ fl-istess ħin. Dawn il-miżuri imposti mill-awtoritajiet Norveġiżi rriżultaw f’ammont sinifikanti arretrat ta’ detenturi ta’ liċenzja, li ma setgħux jikkonkludu t-taħriġ perjodiku meħtieġ.
Wara li vvalutat, f’konformità mal-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) 2020/698, it-talba motivata tan-Norveġja skont l-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament u l-informazzjoni addizzjonali li pprovdiet, l-Awtorità ssib li t-tlestija tat-taħriġ perjodiku jew taċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, jew it-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieq aktarx jibqgħu imprattikabbli lil hinn mill-31 ta’ Awwissu 2020, minħabba miżuri li n-Norveġja ħadet biex tipprevjeni jew trażżan it-tixrid tal-COVID‐19. Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2020/698 huma għalhekk issodisfati.
Konsegwentement, jenħtieġ li n-Norveġja tkun awtorizzata testendi b’xahar il-perjodi rispettivi, bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020, speċifikati fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2020/698.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
In-Norveġja hija awtorizzata testendi b’xahar il-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament.
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Awwissu 2020.
Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA
Bente ANGELL-HANSEN
President
Frank J. BÜCHEL
Membru tal-Kulleġġ
Högni KRISTJÁNSSON
Membru tal-Kulleġġ (Responsabbli)
Carsten ZATSCHLER
Kontrofirmatarju bħala Direttur,
Affarijiet Legali u Eżekuttivi
(1) ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10. Inkorporat fil-Ftehim ŻEE fil-punt 4b tal-Anness XIII bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 91/2020 tat-18 ta’ Ġunju 2020.
(2) Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4). Inkorporat fil-Ftehim ŻEE fil-punt 37 tal-Anness XIII bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 64/2006 (ĠU L 245, 7.9.2006, p. 13).
(3) Doc Nru 1138286.
(4) Doc Nru 1149283.