EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2011C0176

Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 176/11/COL tal- 1 ta' Ġunju 2011 biex tagħlaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness fil-Kippermoen Leisure Centre (in-Norveġja)

ĠU L 23, 26.1.2012, p. 12–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/176(2)/oj

26.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/12


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 176/11/COL

tal-1 ta' Ġunju 2011

biex tagħlaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness fil-Kippermoen Leisure Centre (in-Norveġja)

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“l-Awtorità”),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”), u partikolarment l-Artikoli 61 u 62,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati ta’ l-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“il-Ftehim ta' Sorveljanza u ta' Qorti”), b’mod partikolari l-Artikolu 24,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Protokoll 3 tal-Ftehim ta' Sorveljanza u Qorti (“il-Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) tal-Parti I u l-Artikoli 4(4), 6 u 7(3) tal-Parti II,

WARA li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1), u wara li tqiesu l-kummenti tagħhom

Billi:

I.   FATTI

1.   Il-proċedura

Bl-ittra tas-27 ta' Jannar 2009 (Avveniment Nru 506341), l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw l-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness Kippermoen Leisure Centre (“il-KLC”), skont l-Artikolu 1(3) ta' Parti I tal-Protokoll 3.

Wara bosta skambji ta’ korrispondenza, permezz ta’ ittra ddatata s-16 ta’ Diċembru 2009 (Avveniment Nru. 538177) l-Awtorità informat lill-awtoritajiet Norveġiżi li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 1(2) ta' Parti I tal-Protokoll 3 fir-rigward tal-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC.

Permezz ta' ittra ddatata t-23 ta' Frar 2010 (Avveniment Nru 547864), l-awtoritajiet Norveġiżi ippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ.

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 537/09/COL li jingħata bidu għall-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu (2). L-Awtorità talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’dan ir-rigward.

L-Awtorità rċeviet kummenti mill-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Fitness (“l-NAF”) (Treningsforbundet) (3) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa u l-Fitness (“l-EHFA”). Fit-2 ta' Novembru 2010, l-Awtorità kellha laqgħa mal-NAF. Permezz tal-ittri ddatati l-20 ta' Settembru 2010 (Avveniment Nru 567099) u d-9 ta' Novembru 2010 (Avveniment Nru 576711) l-Awtorità għaddiet il-kummenti u l-informazzjoni pprovduta fil-laqgħa lill-awtoritajiet Norveġiżi, li ppreżentaw il-kummenti permezz ta' ittra ddatata l-10 ta' Jannar 2011 (Avveniment Nru 582713).

L-awtoritajiet Norveġiżi ippreżentaw aktar kummenti permezz ta' ittri ddatati l-14 ta' Marzu 2011 (Avveniment Nru 590193) u t-22 ta' Marzu 2011 (Avveniment Nru 591454), u email iddatata t-28 ta' Marzu 2011 (Avveniment Nru 592463).

2.   Il- Kippermoen Leisure Centre (“il-KLC”) u ċ-ċentru tal-fitness tiegħu

Kif ġie ddikjarat fid-Deċiżjoni Nru 537/09/COL, il-KLC ġie mwaqqaf fis-sebgħinijiet. Hu jinsab fil-muniċipalità ta' Vefsn, fil-kontea ta' Nordland. Iċ-ċentru huwa proprjetà tal-muniċipalità u mhuwiex organizzat bħala entità legali separata.

Fil-bidu, il-KLC kien jikkonsisti f'pixxina interna b’solarium u sala tal-isport, minbarra ċentru tal-fitness mgħammar modestament. Matul is-snin 1997-1999 u għal darb’oħra fl-2006-2007, kien hemm espansjoni tal-KLC u ċ-ċentru tal-fitness tiegħu.

2.1.   Il-finanzjament tal-KLC u ċ-ċentru tal-fitness tiegħu

Mit-twaqqif tiegħu fis-sebgħinijiet, il-KLC kien qed jiġi ffinanzjat minn dawk li kienu jużawh u mill-baġit muniċipali. L-użaturi jikkontribwixxu għall-finanzjament billi jħallsu għall-aċċess tal-faċilitajiet. Il-muniċipalità tikkontrolla bis-sħiħ il-prezzijiet, it-tipi ta' biljetti li jiġu offruti u l-allokazzjoni tad-dħul. Minkejja li matul is-snin il-prezzijiet tal-biljetti kienu suġġett għal aġġustamenti, il-kontribuzzjonijiet mill-użaturi ma jkoprux il-kost kollu tal-operazzjonijiet tal-KLC. Id-defiċit hu kopert mill-baġit muniċipali skont id-deċiżjonijiet baġitarji tal-kunsill muniċipali.

2.2.   Informazzjoni ġdida ppreżentata mill-awtoritajiet Norveġiżi

2.2.1.   Il-ħlas tal-miżati mill-użaturi taċ-ċentru tal-fitness

Fid-Deċiżjoni Nru 537/09/COL, l-Awtorità nnutat li l-KLC, sa mit-twaqqif tiegħu fis-sebgħinijiet, kien iffinanzjat mill-miżati mħallsa minn dawk li jużawh u mill-baġit muniċipali (4). Fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li l-użaturi kienu mitluba jħallsu biss għall-aċċess ta' wħud mill-faċilitajiet tal-KLC (fost l-oħrajn il-pixxina) imma kulħadd seta' jkollu aċċess għaċ-ċentru tal-fitness mingħajr ħlas sal-1996 meta l-muniċipalità bdiet titlob lill-użaturi jħallsu (5).

2.2.2.   Espansjonijiet fl-1997-1999

Fid-Deċiżjoni Nru 537/09/COL, l-Awtorità nnutat li l-KLC b'mod ġenerali għaddiet minn espansjoni fl-1997 u li din l-espansjoni kienet iffinanzjata fost l-oħrajn b'self ta' NOK 10 miljun. L-Awtorità ma rċevietx informazzjoni ddetaljata dwar is-self u sa liema punt, jekk kien hemm, iċ-ċentru tal-fitness fil-KLC ibbenefika mis-self (6). Waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li s-self kien jammonta għal NOK 5,8 miljun minflok NOK 10 miljun kif issemma fid-deċiżjoni tal-ftuħ (7). Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li l-muniċipalità ma kisbitx is-self sabiex tiffinanzja l-espansjonijiet taċ-ċentru tal-fitness, imma sabiex, fost l-oħrajn, tibni arena ġdida tal-futbol magħrufa bħala Mosjøhallen bi spiża totali ta' NOK 14-il miljun (8).

Fl-1997-1999, iċ-ċentru tal-fitness għadda minn espansjoni u l-KLC xtara tagħmir ġdid (tagħmir tal-irfigħ tal-piż, roti tal-post u diversi magni oħra tal-fitness) għal ammont totali ta' madwar NOK 870 000 (madwar EUR 109 000) (9).

2.2.3   Espansjonijiet fl-2006-2007

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw informazzjoni ġdida dwar l-espansjoni tal-KLC li saret fl-2006-2007.

Fl-2005, il-muniċipalità ddeċidiet li tespandi ċ-ċentru tal-fitness, billi tibni anness ġdid li kien se jgħaqqad il-binjiet eżistenti tal-KLC. Il-ħsieb kien li ċ-ċentru jsir aktar faċli għall-użu f'termini ta' aċċess. Barra minn hekk, il-muniċipalità ddeċidiet li taġġorna l-faċilitajiet eżistenti fil-proċess (10). Il-pont bejn iż-żewġ binjiet u l-immodernizzar tagħhom saru sabiex jiġi żgurat li l-istandards tal-faċilitajiet tal-KLC jsiru kumparabbli ma' dawk taċ-ċentri eżistenti (11).

Fl-2006-2007, il-KLC u ċ-ċentru tal-fitness kienu konsegwentement immodernizzati u estiżi f'anness ġdid (Mellombygningen). L-ispiża totali tal-espansjoni kienet madwar NOK 14,2 miljun. Ġie mfassal pjan ta' allokazzjoni tal-ispejjeż sabiex jiġi żgurat li ċ-ċentru tal-fitness jerfa' s-sehem proporzjonat tiegħu (madwar 80 %) (12) tal-ispejjeż tal-espansjoni Is-sehem li jifdal (madwar 20 %) kellu jiġi kopert b'mezzi oħra peress li dawn il-kostijiet ma kellhomx x'jaqsmu maċ-ċentru tal-fitness, imma ma' faċilitajiet oħra tal-KLC. Fid-Deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità nnutat li ċ-ċentru tal-fitness ma refax is-sehem kollu tiegħu tal-kost tas-self għall-2008 skont il-pjan tal-allokazzjoni tal-kostijiet. L-awtoritajiet Norveġiżi sussegwentement iċċaraw li ċ-ċentru tal-fitness kien tabilħaqq refa' l-kost kollu tas-self fl-2008 billi alloka l-profitt annwali lill-muniċipalità (13).

2.2.4.   L-ebda finanzjament mill-kontea muniċipali ta' Nordland

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tad-Deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali, l-Awtorità ma kinetx fil-pożizzjoni li teskludi li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC kien irċieva finanzjament mill-kontea muniċipali ta' Nordland (14). L-awtoritajiet Norveġiżi għalhekk intalbu jipprovdu aktar informazzjoni fuq din il-kwistjoni. L-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC ma kienx iffinanzjat mill-kontea muniċipali ta' Nordland (15).

3.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

L-Awtorità fetħet il-proċedura tal-investigazzjoni formali, peress li kellha dubji dwar jekk il-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61 tal-Ftehim taż-ŻEE. Barra minn hekk, l-Awtorità kellha dubji dwar jekk il-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness, kieku kellu jitqies bħala għajnuna mill-Istat, setax jitqies bħala kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 59(2) bħala għajnuna għal servizz ta' interess ekonomiku ġenerali jew kompatibbli alternattivament fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) bħala għajnuna biex jiġu ffaċilitati attivitajiet kulturali u reġjonali.

L-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw l-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness f'Jannar tal-2009 u ma pprovdew l-ebda informazzjoni biex jiġġustifikaw il-konklużjoni proviżorja li l-iffinanzjar taċ-ċentru tal-fitness, kieku kellu jitqies bħala għajnuna mill-Istat, kien jikkostitwixxi sistema ta' għajnuna eżistenti fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tal-Parti I ta' Protokoll 3. Konsegwentment, fid-dawl tad-dubji li kellha, l-Awtorità bdiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali pprovveduta fl-Artikolu 1(3) u (2).

4.   Il-kummenti tal-partijiet terzi

L-Awtorità rċeviet kummenti minn żewġ partijiet terzi, l-EHFA u l-NAF.

4.1.   Il-Kummenti mill-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa u l-Fitness (“l-EHFA”)

L-EHFA hija organizazzjoni indipendenti li ma taħdimx għall-profitt li tirrappreżenta l-interessi tal-industrija Ewropea tas-saħħa u l-fitness. Hi tal-fehma li ċ-ċentri tal-fitness għandhom jiġu ttrattati l-istess humiex tal-privat jew humiex pubbliċi, u li ċ-ċentri tal-fitness li huma proprjetà pubblika m'għandhomx jingħataw vantaġġi li jmorru kontra l-Artikolu 59 tal-Ftehim taż-ŻEE.

4.2.   Il-Kummentti mill-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Fitness (“l-NAF”)

L-NAF hija organizzazzjoni Norveġiża għaċ-ċentri kummerċjali tal-fitness. L-NAF hi tal-fehma li r-riżorsi tal-Istat li selettivament jibbenefikaw minnhom iċ-ċentri tal-fitness fis-suq Norveġiż b'mod ġenerali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE peress li tali finanzjament joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ fi ħdan iż-ŻEE. Biex tissostanzja dan, l-NAF ipprovdiet lill-Awtorità b'informazzjoni ġenerali dwar is-suq Norveġiż taċ-ċentri tal-fitness (16).

Barra minn hekk l-NAF iġġib l-argument li l-għajnuna mill-Istat liċ-ċentri tal-fitness li huma proprjetà pubblika ma jistgħux jitiqiesu kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi tal-Artikolu 59(2) bħala kumpens għas-servizz pubbliku jew l-Artikolu 61(3)(c) bħala għajnuna għall-attivitajiet kulturali jew reġjonali meta l-istess għajnuna ma tiġix offruta liċ-ċentri tal-fitness tal-privat bl-istess termini.

5.   Kummenti mill-awtoritajiet Norveġiżi

L-awtoritajiet Norveġiżi jqisu li l-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE għar-raġunijiet li ġejjin: (i) iċ-ċentru tal-fitness ma jirċevix vantaġġ selettiv li joħroġ minn riżorsi tal-Istat, (ii) iċ-ċentu ma jikkostitwix impriża, u (iii) il-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness ma jaffettwax il-kummerċ bejn il-partijiet kontraenti tal-Ftehim taż-ŻEE.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li kwalunkwe riżors muniċipali allokat liċ-ċentru tal-fitness jissodisfa r-rekwiżiti tar-regolament de minimis  (17) u għlahekk ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Fil-każ li l-Awtorità ssib li l-finanzjament jinvolvi għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw tali għajnuna bħala għajnuna eżistenti għax il-KLC ġie ffinanzjat mill-baġit muniċipali u l-miżati tal-użaturi sa minn qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE u dan il-metodu ta’ finanzjament baqa' l-istess minn dak iż-żmien.

Apparti l-kunsiderazzjoni t’hawn fuq, l-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw kull għajnuna potenzjali bħala kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-bażi jew tal-Artikolu 59(2) bħala għajnuna għal servizz ta' interess ekonomiku ġenerali jew alternattivament kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) bħala għajnuna biex tiffaċilita l-attivitajiet kulturali. Fl-aħħar, l-awtoritajiet Norveġiżi jsostnu li l-finanzjament tal-espansjoni taċ-ċentru tal-fitness fl-2006-2007 jikkostitwixxi forma ta' għajnuna reġjonali kompatibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) u b'referenza għal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-Għajnuna Reġjonali (2007-2013) (18).

II.   VALUTAZZJONI

1.   Il-finanzjament mill-muniċipalità ta' Vefsn

L-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw il-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness lill-Awtorità f'Jannar tal-2009. Fin-notifikazzjoni, l-awtoritajiet Norveġiżi ma ppreżentaw l-ebda argument li jgħid li l-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness kien jikkostitwixxi għajnuna eżistenti, minkejja l-fatt li n-notifikazzjoni kienet tinkludi kopja taċ-ċitazzjoni mill-proċedimenti quddiem il-qrati Norveġiżi fejn l-applikant sostna, pjuttost fit-tul, li l-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness kien jikkonsisti għajnuna ġdida (19).

Fid-Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità rreferiet għall-fatt li l-metodu tal-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness (li jkopri t-total tad-defiċit tal-KLC mill-baġit muniċipali u l-allokazzjoni tad-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-biljetti) kien fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE, u fuq din il-bażi jista' jidher li jikkostitwixxi għajnuna eżistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 1(b)(i) tal-Parti II tal-Protokoll 3. (20) Madankollu, alterazzjonijiet ta' għajnuna eżistenti, jirrappreżentaw għajnuna ġdida skont l-Artikolu 1(c) tal-istess Protokoll.

Fid-Deċiżjoni tagħha l-Awtorità indikat li ma kinetx irċeviet biżżejjed informazzjoni speċifika dwar iż-żewġ espansjonijiet taċ-ċentru tal-fitness u t-tibdiliet fis-sistema tal-allokazzjoni tad-dħul mill-biljetti, u tinnota li dawn il-fatturi setgħu biddlu s-sistema eżistenti ta' għajnuna f'għajnuna ġdida skont l-Artikolu 1(c) tal-istess Protokoll. (21)

B'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-QEĠ (22), l-Awtorità ttrattat il-miżuri fi ħdan il-qafas tar-regoli pertinenti għal għajnuna ġdida.

Kwalunkwe valutazzjoni magħmula permezz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward jekk miżura ta’ għajnuna potenzjali tikkostitwixxx għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti hija neċessarjament ta’ natura preliminari biss. Anke jekk l-Awtorità, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta dak iż-żmien, tkun iddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' investigazzjoni formali fuq il-bażi tal-Artikolu 1(2) tal-Parti I tal-Protokoll 3, xorta waħda, fid-deċiżjoni li tikkonkludi dik il-proċedura, jekk ikun hemm għajnuna involuta, tista' tikkostitwixxi għajnuna eżistenti (23). Meta tkun involuta għajnuna eżistenti, l-Awtorità trid issegwi l-proċedura għal għajnuna eżistenti (24). Għaldaqstant, f’tali każ, l-Awtorità tkun trid tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tiftaħ il-proċedura differenti għal għajnuna eżistenti stabbilita fl-Artikoli 17 sa 19 tal-Parti II tal-Protokoll 3 (25). Skont din il-proċedura tal-aħħar, u skontha biss, l-Awtorità trid tevalwa jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna u jekk iva, tkunx konformi mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.

Kif spjegat hawn fuq fil-Kapitolu I.2 tad-Deċiżjoni, l-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw informazzjoni fattwali addizzjonali dwar il-finanzjament u l-espansjonijiet taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC.

Peress li ċ-ċentru tal-fitness ma ġiex iffinanzjat bħala operazzjoni separata, il-finanzjament tiegħu ma jistax jiġi evalwat separatament mill-finanzjament tal-KLC bħala tali. Mit-twaqqif tiegħu fis-sebgħinijiet, il-KLC kien qed jiġi ffinanzjat minn dawk li kienu jużawh u mill-baġit muniċipali. Minkejja li l-muniċipalità ma introduċietx miżati għall-użaturi biex ikollhom aċċess għaċ-ċentru tal-fitness sal-1996, mis-sebgħinijiet kienet qed titlob tali miżata mill-użaturi għal partijiet tal-KLC, b'mod partikolari għall-pixxina. Fuq din il-bażi, l-Awtorità tinnota li s-sistema ta' finanzjament tal-KLC bħala tali ma nbidilx.

L-espansjoni taċ-ċentru tal-fitness fl-1997-1999 kienet ta' skala iżgħar minn dik li indikat l-informazzjoni li fil-bidu ġiet ipprovduta lill-Awtorità. L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw fl-investigazzjoni formali li l-muniċipalità isselfet NOK 5,8 miljun (minflok NOK 10 miljun) li ma ntużawx għat-tiġdid taċ-ċentru tal-fitness. Bil-maqlub, espansjoni relattivament modesta u attrezzament mill-ġdid taċ-ċentru tal-fitness b'kost totali ta' madwar NOK 870 000 li saru matul dan iż-żmien kienu iffinanzjati minn dħul li ġie minn miżati li ġew imposti fuq l-użaturi.

Għalkemm b'kamp ta' applikazzjoni aktar sostanzjali, l-espansjoni tal-2006-2007 żgurat biss li s-servizz offrut ikun komparabbli ma' dak offrut f'ċentri tal-fitness oħra. Bħala konsegwenza, it-tip ta' attività imwettqa miċ-ċentru tal-fitness, kemm qabel kif ukoll wara l-espansjoni, baqgħet l-istess u kienet sempliċiment aġġustata biex timxi mal-evoluzzjoni tas-settur u d-domanda tal-użaturi. Biċ-ċentru tal-fitness tal-KLC, il-muniċipalità kienet attiva fis-suq taċ-ċentri tal-fitness kemm qabel u wara li daħal fis-seħħ il-Ftehim taż-ŻEE, okkażjonalment hi espandiet l-istudio tal-fitness biss biex tkun tista' tipprovdi servizz lill-popolazzjoni b'konformità ma' dak li hu mistenni minn ċentru tal-fitness. Is-sistema tal-finanzjament (miżati tal-użaturi u allokazzjonijiet mill-baġit muniċipali) u l-għan li jrid jintlaħaq (li jkunu pprovduti faċilitajiet ta' ċentru tal-fitness lill-popolazzjoni) ma nbidlux (26). Barra minn hekk, dawn l-espansjonijiet ma poġġewx lill-muniċipalità f'pożizzjoni li tidħol fi swieq ġodda. F'dak ir-rigward, il-kwistjoni ta' quddiemna hi differenti mid-Deċiżjoni dwar il-BBC Digital Curriculum (27). Dik il-kawża kienet dwar tibdiliet li saru f'sistema eżistenti ta' għajnuna li minnha kien jibbenefika x-xandar pubbliku Brittanniku, il-BBC. F'dak il-każ, il-Kummissjoni sabet li t-tibdiliet li saru fl-iskema eżistenti ta' għajnuna kienu jinvolvu għajnuna ġdida peress li poġġew lix-xandar f'pożizzjoni li jwettaq attivitajiet li ma kellhomx “assoċjazzjoni mill-qrib” mal-iskema eżistenti, u poġġew lill-BBC f'pożizzjoni li jidħol fis-swieq żviluppati fejn l-atturi kummerċjali kienu esposti ftit jew xejn għall-BBC bħala kompetitur (28).

Fuq il-bażi ta' dan t'hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness fil-Kippermoen Leisure Centre b'riżorsi mill-Muniċipalità ta' Vefsn, sa fejn hi involuta l-għajnuna, jikkostitwixxi sistema ta' għajnuna eżistenti. Proċedura separata ta' għajnuna eżistenti hi stabbilita fl-Artikolu 1(1) tal-Parti I tal-Protokoll 3. Skont dik id-dispożizzjoni, l-Awtorità għandha, f’kooperazzjoni mal-Istati tal-EFTA, tirrevedi b’mod kostanti s-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżistu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn tal-aħħar kwalunkwe miżuri adattati meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mit-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   Il-finanzjament mill-Kontea Muniċipali ta' Nordland

Kif ġie nnotat hawn fuq, l-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC ma kienx iffinanzjat mill-kontea muniċipali ta' Nordland. Allura, ma kien hemm l-ebda trasferiment tar-riżorsi tal-Istat mill-muniċipalità tal-Kontea ta' Nordland, li hija l-ewwel minn erba' kriterji kumulattivi li jridu jiġu ssodisfati biex miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. Fuq il-bażi tal-informazzjoni ġdida pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità tikkonkludi li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC, fi ħdan dan il-kuntest, ma rċeviex għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE fil-forma ta' vantaġġi li joħorġu minn riżorsi tal-Istat (il-kontea muniċipali ta' Nordland).

3.   Konklużjoni

Skont l-informazzjoni ġdida pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, il-kontea muniċipali ta' Nordland ma tatx vantaġġi ekonomiċi liċ-ċentru tal-fitness tal-KLC fil-perjodu kopert mill-proċedura kurrenti ta' investigazzjoni formali. Fuq din il-bażi l-Awtorità tikkonkludi li ċ-ċentru tal-fitness tal-KLC ma rċeviex għajnuna mill-Istat li ħarġet mill-kontea muniċipali ta' Nordland fil-perjodu relevanti.

L-Awtorità ikkonkludiet ukoll li, safejn r-riżorsi li ħarġu mill-muniċipalità ta' Vefsn ikkontribwixxew għall-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal-KLC u safejn dawn ir-riżorsi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, tali għajnuna ingħatat skont sistema ta' għajnuna eżistenti. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, l-Awtorità iddeċidiet li tagħlaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali u se tagħti bidu għal proċedura tar-reviżjoni tal-għajnuna eżistenti provduta fl-Artikolu 1(1) u (2) tal-Parti I tal-Protokoll 3,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal- Kippermoen Leisure Centre permezz ta' fondi li ġejjin mill-kontea muniċipali ta' Nordland matul il-perjodu li qed jiġi vvalutat hija mingħajr skop u għalhekk qed tingħalaq.

Artikolu 2

Il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-finanzjament taċ-ċentru tal-fitness tal-Kippermoen Leisure Centre permezz ta' fondi li ġejjin mill-kontea muniċipali ta' Vefsn hija magħluqa.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 4

Il-verżjoni Ingliża biss hi kkunsidrata bħala awtentika.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta' l-EFTA

Per SANDERUD

Il-President

Sabine MONAUNI-TÖMÖRDY

Membru tal-Kulleġġ


(1)  ĠU C 184, 8.7.2010, p. 5 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 35 tat-8.7.2010, p. 1.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(3)  Li qabel kienet l-Assoċjazzjoni Norveġiża għaċ-Ċentri tal-Fitness (NAFC) (Norsk Treningssenterforbund).

(4)  Kapitolu I.2.2 tad-Deċiżjoni.

(5)  Ara l-e-mail mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatat t-28.3.2011 (Avveniment Nru 592463).

(6)  Kapitolu I.2.2 u II.1.3 tad-Deċiżjoni Nru 537/09/COL.

(7)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata t-23.2.2011 (Avveniment Nru 547864), p. 6.

(8)  Ibid. pp. 2, 6 u 8.

(9)  Ibid. pp. 7-9.

(10)  Ara d-Deċiżjonijiet 10/05 u 152/05 tal-kunsill lokali tal-Muniċipalità ta' Vefsn, anness 2 ta' Avveniment Nru 547864.

(11)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata t-23.2.2011 (Avveniment Nru 547864), p. 10.

(12)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata d-9.9.2009 (Avveniment Nru 529846), pp. 2-4.

(13)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata t-23.2.2011 (Avveniment Nru 547864), p. 12.

(14)  Kapitolu II.1.1 tad-Deċiżjoni Nru 537/09/COL.

(15)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata t-23.2.2010 (Avveniment Nru 547864), p. 19-20.

(16)  Ara l-ittra mill-Awtorità ddatata d-9.11.2010 (Avveniment Nru 576711).

(17)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5), inkorporat fil-ftehim taż-ŻEE fil-paragrafu 1ea tal-Anness 15 tal-Ftehim.

(18)  Il-Linji gwida huma disponibbli onlajn fuq: http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=15125&1=1

(19)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi ddatata s-27.1.2009 (Avveniment Nru 506341), p. 40.

(20)  Skont l-Artikolu 1(b)(i) tal-Parti II tal-Protokoll 3, għajnuna eżistenti hi: “... l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE fl-Istati tal-ŻEE rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taż-ŻEE”.

(21)  Kapitolu II.1.3 tad-Deċiżjoni Nru 537/09/COL.

(22)  Kawża C-400/99 l-Italja vs il-Kummissjoni [2005] ġabra I-3657.

(23)  Ibid. paragrafi 47 u 54-55.

(24)  Każ T-190/00 Ir-Reġjun ta’ Sqallija vs Il-Kummissjoni [2003] Ġabra II-5015, paragrafu 48.

(25)  Kawża C-312/90 Spanja vs Il-Kummissjoni [1992] ECR I-4117, paragrafI 14-17, u Kawża C-47/91 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1992] ġabra I-4145, paragrafi 22-25.

(26)  Ara l-Opinjoni tal-AG Trabucchi fil-Kawża 51/74 Hulst [1975] ġabra 79.

(27)  Kawża N 37/2003 (UK), disponibbli onlajn: http://ec.europa.eu/eu_law/state_aids/comp-2003/n037-03.pdf

(28)  Ibid. paragrafu 36.


Top