Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2010C0159

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 159/10/COL tal- 21 ta' April 2010 li tikkonċerna garanziji addizzjonali għan-Norveġja relatati mar-rinotrakeite bovina infettiva

    ĠU L 332, 16.12.2010, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Imħassar b' E2021C0032

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/159/oj

    16.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 332/43


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 159/10/COL

    tal-21 ta' April 2010

    li tikkonċerna garanziji addizzjonali għan-Norveġja relatati mar-rinotrakeite bovina infettiva

    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 17 u l-Protokoll 1 tal-Ftehim, b’mod partikolari l-Artikolu (4)(d) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(d) u l-Protokoll 1 tal-Ftehim, b’mod partikolari l-Artikolu 1(c) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 4.1.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE, Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali bovini u l-ħnieżer (1), kif emendat, u adottat għall-Ftehim taż-ŻEE minn Protokoll 1 tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 4.2.80 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim taż-ŻEE, Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KE tal-15 ta' Lulju 2004 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE fir-rigward ta' garanziji addizzjonali għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' annimali bovini relatati mar-rinotrakeite bovina infettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta' qerda ppreżentati minn ċerti Stati Membri (2) kif emendat,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 74/94/COL (3) tas-27 ta' Ġunju 1994 li temenda d-Deċiżjoni Nru 31/94/COL (4), li tagħti ċerti garanziji addizzjonali lin-Norveġja biex tipproteġi l-istat tagħha bħala ħielsa mill-mard ta' rinotrakeite bovina infettiva (IBR).

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni Nru 74/94/COL, in-Norveġja kienet ġiet mogħtija garanziji addizzjonali relatati mar-rinotrakeite bovina infettiva għall-bovini.

    (2)

    Mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni Nru 74/94/COL, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva ġiet emendata biex tassigura l-konsistenza mar-regoli internazzjonali dwar din il-marda u jkun hemm kontroll aħjar fl-Unjoni.

    (3)

    Permezz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt Nru 48/2005 (5) d-Deċiżjoni 2004/558/KE, kif emendata, ġiet inkorporata fil-Ftehim taż-ŻEE bħala punt 4.2.80 tal-Kapitolu I tal-Anness I għal dak il-Ftehim.

    (4)

    Il-Gvern tan-Norveġja jikkunsidra li t-territorju tiegħu hu ħieles mill-marda tar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 64/432/KEE. In-Norveġja ressqet dokumentazzjoni ta' sostenn lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA li jissostanzjaw il-fatt li l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni għadu għaddej, u li għalhekk tinsab fis-seħħ sorveljanza xierqa biex tassigura li t-territorju tan-Norveġja hu ħieles mir-rinotrakeite bovina infettiva.

    (5)

    In-Norveġja talbet lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA biex taġġorna d-Deċiżjoni Nru 74/94/COL sabiex jittieħdu in konsiderazzjoni t-tibdiliet leġiżlattivi ġodda fil-qasam ta' garanziji addizzjonali għall-kummerċ tal-bovini fi ħdan l-Unjoni relatati mal-marda tar-rinotrakeite bovina infettiva.

    (6)

    Għalhekk hu xieraq, sabiex kollox ikun ċar u jkun hemm konsistenza legali, li tkun irrevokata d-Deċiżjoni Nru 74/94/COL skont l-aħħar tibdiliet leġiżlattivi fil-qasam ta' garanziji addizzjonali għall-kummerċ tal-bovini fi ħdan l-Unjoni relatati mal-marda tar-rinotrakeite bovina infettiva.

    (7)

    Id-Deċiżjoni l-ġdida ser iżżomm l-istess garanziji li kienu ġew mogħtija lin-Norveġja u kif ukoll se tagħmilhom konformi mal-kriterji l-ġodda mfassla fil-leġiżlazzjoni taż-ŻEE rilevanti, b’mod partikolari d-Deċiżjoni 2004/558/KE, kif emendata.

    (8)

    Il-miżuri stipulati għalihom f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju tal-EFTA li jassisti l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-reġjuni kollha tan-Norveġja huma ħielsa mill-marda tar-rinotrakeite bovina infettiva.

    Artikolu 2

    In-Norveġja ġiet mogħtija garanziji addizzjonali relatati mal-marda tar-rinotrakeite bovina infettiva stipulati fid-Deċiżjoni 2004/558/KE, kif emendata, waqt il-kummerċ tal-bovini fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

    Artikolu 3

    In-Norveġja għandha l-istess stat bħal dawk l-Istati Membri tal-UE mniżżla fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2004/558/KE, kif emdendata.

    Artikolu 4

    Id-Deċiżjoni Nru 74/94/COL qed tiġi rrevokata.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-21 ta' April 2010.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

    Artikolu 7

    It-test bl-Ingliż biss hi awtentika.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2010.

    Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

    Per SANDERUD

    President

    Sverrir Haukur GUNNLAUGSSON

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

    (2)  ĠU L 249, 23.7.2004, p. 20 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 22, 24.4.2008, p. 170

    (3)  ĠU L 247, 22.9.1994, p. 50.

    (4)  ĠU L 138, 2.6.1994, p. 43.

    (5)  ĠU L 239, 15.9.2005, p. 15.


    Top