Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2006G0001

    Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti ta’ l-Istati ta’ l-EFTA Nru 1/2006/KP tas- 27 ta’ April 2006 dwar il-verifika ta’ proġetti skond il-Mekkaniżmu Finanzjarju (2004–2009)

    ĠU L 122, 8.5.2008, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/1(3)/oj

    8.5.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 122/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT PERMANENTI TA’ L-ISTATI TA’ L-EFTA

    Nru 1/2006/KP

    tas-27 ta’ April 2006

    dwar il-verifika ta’ proġetti skond il-Mekkaniżmu Finanzjarju (2004–2009)

    IL-KUMITAT PERMANENTI TA’ L-ISTATI TA’ L-EFTA

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif aġġustat bil-Protokoll li Jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn 'il quddiem il-Ftehim taż-ŻEE;

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja fiż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn 'il quddiem il-Ftehim dwar it-Tkabbir taż-ŻEE; (1)

    Wara li kkunsidra l-Protokoll 38a dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE inserit fil-Ftehim taż-ŻEE mill-Ftehim dwar it-Tkabbir taż-ŻEE;

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Komunità Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu 2004–2009; (2)

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti ta’ l-Istati ta’ l-EFTA Nru. 1/2004/KP tal-5 ta’ Frar 2004 li Tistabbilixxi Uffiċċju għall-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE u l-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż;

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kumitat Permanenti ta’ l-Istati ta’ l-EFTA Nru 4/2004/KP tat-3 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju;

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ l-ESA/Qorti Nru 15/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2005 dwar il-mandat tal-Bord ta’ l-Awdituri ta’ l-EFTA (Stati Membri ta’ l-EFTA li huma membri taż-ŻEE);

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Bord ta’ l-Awdituri għandu jaġixxi bħala l-awtorità suprema għall-verifika ta’ proġetti taħt il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2004 - 2009 (minn hawn 'il quddiem “il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE”). Dan jinkludi l-verifika ta’ proġetti fl-Istati Benefiċjarji, il-ġestjoni tal-Proġetti mill-Istati Benefiċjarji u l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE. Il-Bord ta’ l-Awdituri għandu wkoll iwettaq verifika tal-ġestjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE mill-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu Finanzjarju.

    Artikolu 2

    Il-Bord ta’ l-Awdituri għandu jikkonsisti f'ċittadini ta’ l-Istati ta’ l-EFTA li jkunu partijiet fil-Ftehim taż-ŻEE u preferibilment membri ta’ l-istituzzjonijiet supremi tal-verifika ta’ l-Istati ta’ l-EFTA. M'għandu jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom. Uffiċjal ta’ l-EFTA ma jistax jiġi maħtur awditur qabel intervall ta’ tlett snin mit-tmiem tal-kariga tiegħu ma’ kwalunkwe istituzzjoni ta’ l-EFTA.

    Artikolu 3

    Il-membri tal-Bord ta’ l-Awdituri li jwettqu verifiki skond l-Artikolu 1 għandhom ikunu l-istess persuni li jiġu maħtura fi, u għal, l-istess terminu, stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ l-ESA/Qorti, Nru 15/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2005.

    Artikolu 4

    Il-membri tal-Bord ta’ l-Awdituri għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom.

    Artikolu 5

    Il-membri tal-Bord ta’ l-Awdituri għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-persuna jew persuni fdati bil-verifiki korrispondenti taħt il-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu 2004–2009 fil-verifika ta’ attivitajiet relatati maż-żewġ Mekkaniżmi Finanzjarji.

    Artikolu 6

    In-nefqa fir-rigward ta’ verifiki xierqa u proporzjonati msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun iffinanzjata mill-baġit amministrattiv tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE. Abbażi ta’ baġit propost mill-Bord ta’ l-Awdituri u rakkomandazzjoni mill-Kumitat tal-Mekkaniżmu Finanzjarju, il-Kumitat Permanenti għandu jiddeċiedi dwar l-ammont li għandu jingħata għal dan l-iskop.

    Artikolu 7

    Il-Bord ta’ l-Awdituri jista' jqabbad esperti esterni sabiex jgħinuh. L-esperti esterni jridu jissodisfaw l-istess kriterji ta’ indipendenza u jikkonformaw ma’ l-istess dmir ta’ kooperazzjoni stipulat fl-Artikolu 5 bħall-membri tal-Bord ta’ l-Awdituri.

    Artikolu 8

    Il-Bord ta’ l-Awdituri għandu jirrapporta lill-Kumitat Permanenti ta’ l-Istati ta’ l-EFTA dwar il-verifika msemmija fl-Artikolu 1. Huwa jista' jressaq proposti għal azzjoni.

    Artikolu 9

    Il-Bord ta’ l-Awdituri għandu jipproponi t-termini ta’ referenza tiegħu dwar il-verifika msemmija fl-Artikolu 1 u jressaqhom quddiem il-Kumitat Permanenti ta’ l-Istati ta’ l-EFTA għall-adozzjoni.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett immedjat.

    Artikolu 11

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni ŻEE u fis-Suppliment ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 27 ta’ April 2006.

    Għall-Kumitat Permanenti

    Iċ-Chairman

    Stefán Haukur JÓHANNESSON

    Is-Segretarju Ġenerali

    William ROSSIER


    (1)  ĠU L 130, 29.4.2004, p. 11 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 23, 29.4.2004, p. 1.

    (2)  ĠU L 130, 29.4.2004, p. 81 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 23, 29.4.2004, p. 58.


    Top