Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2016/223A/01

    Avviż ta’ reklutaġġ EUPP/1/S — Direttur tal-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 (Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 12) Membru tal-Persunal Temporanju (Ta’ sess maskil jew femminil)

    ĠU C 223A, 21.6.2016, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CA 223/1


    Avviż ta’ reklutaġġ EUPP/1/S

    Direttur tal-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014

    (Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 12)

    Membru tal-Persunal Temporanju

    (Ta’ sess maskil jew femminil)

    (2016/C 223 A/01)

     

    1.   Pożizzjoni battala

    Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea ddeċidew li jniedu l-proċedura biex timtela l-pożizzjoni ta’ Direttur tal-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (EU, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1) (minn hawn ‘il quddiem “ir-Regolament”).

    Din il-proċedura ta’ selezzjoni se titwettaq bl-appoġġ amministrattiv tal-Parlament Ewropew.

    Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 12. Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 10 656,56 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u huwa eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jitħallsu ċerti allowances skont iċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni (2).

    Id-Direttur tal-Awtorità għandu jinħatar mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea bi qbil komuni għal terminu ta’ ħames snin li ma jiġġeddidx skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea.

    Din il-pożizzjoni teħtieġ flessibilità u tinvolvi kuntatti frekwenti ma’ persuni ġewwa u barra l-Istituzzjonijiet. Id-Direttur tal-Awtorità se jkun mitlub jivvjaġġa b’mod frekwenti bejn il-postijiet tax-xogħol tal-Istituzzjonijiet u postijiet oħra.

    2.   Post tax-xogħol

    Brussell.

    3.   Opportunitajiet indaqs

    L-istituzzjonijiet Ewropej japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċettaw l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

    4.   Deskrizzjoni tax-xogħol

    Id-Direttur tal-Awtorità huwa responsabbli għall-kompiti stabbiliti fir-Regolament, b’mod partikolari r-reġistrazzjoni, il-kontroll u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. L-Awtorità għandha tkun irrappreżentata mid-Direttur tagħha li għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha tal-Awtorità f’isimha. Għal dan l-għan, huwa għandu jaqdi d-dmirijiet previsti u jeżerċita s-setgħat mogħtija minn dan ir-Regolament.

    B’mod partikolari, il-kompiti tad-Direttur tal-Awtorità huma deskritti kif ġej:

    rappreżentanza tal-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;

    kooperazzjoni mal-Istituzzjonijiet Ewropej, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex jiġu żgurati l-kontroll u r-rispett tal-obbligi stabbiliti mir-Regolament mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;

    l-istabbiliment tal-abbozz tal-pjan baġitarju tal-Awtorità (definizzjoni tal-objettivi u l-istrateġiji) u l-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-servizzi biex tiġi ggarantita l-kwalità tagħhom. Id-Direttur għandu jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti b’delega;

    l-istabbiliment u l-ġestjoni tar-Reġistru tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;

    deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament;

    deċiżjoni dwar it-tneħħija mir-reġistrazzjoni tal-partiti poltiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont il-proċeduri u l-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament;

    verifika li l-kondizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni stabbiliti fir-Regolament ikomplu jiġu rrispettati mill-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;

    deċiżjoni dwar is-sanzjonar tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament;

    sottomissjoni ta’ rapport annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tal-Awtorità.

    L-Awtorità tal-Ħatra tista’ tassenja lid-Direttur tal-Awtorità kompiti oħra, dment li dawn il-kompiti ma jkunux inkompatibbli max-xogħol li jirriżulta mill-kompiti tiegħu bħala Direttur tal-Awtorità u ma jkunux mistennija li joħolqu xi kunflitt ta’ interess jew li jfixklu l-indipendenza sħiħa tiegħu.

    5.   Rekwiżiti ta’ eliġibilità

    Il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin sad-data meta jgħalqu l-applikazzjonijiet:

    (a)   Rekwiżiti ġenerali

    Skont l-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jeħtieġ li l-kandidati:

    ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

    igawdu mid-drittijiet ċivili kollha tagħhom,

    ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

    jipproduċu r-referenzi ta’ karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet previsti,

    ikunu kapaċi jikkompletaw il-mandat sħiħ ta’ ħames snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Għall-persunal temporanju tal-UE li jidħol fis-servizz mill-1 ta’ Jannar 2014, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq l-età ta’ 66 sena.

    (b)   Rekwiżiti speċifiċi

    (i)   Kwalifiki u esperjenza professjonali meħtieġa

    Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma, meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja tkun mill-anqas erba’ snin;

    jew

    livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena (3), meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja tkun mill-anqas tliet snin.

    Esperjenza professjonali, ta’ mill-anqas tnax-il sena, miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq, fosthom mill-anqas tliet snin ta’ esperjenza maniġerjali.

    (ii)   Għarfien lingwistiku

    Huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) kif ukoll għarfien sodisfaċenti ta’ mill-anqas waħda minn dawn il-lingwi.

    (iii)   Kunflitt ta’ interess u indipendenza

    Il-kandidati ma jistgħux ikunu Membru tal-Parlament Ewropew, ikollhom xi mandat elettorali jew ikunu attwalment jew ex impjegati ta’ xi partit politiku Ewropew jew ta’ xi fondazzjoni politika Ewropea. Il-kandidat magħżul m’għandux ikollu kunflitt ta’ interess bejn dmirijietu bħala Direttur tal-Aġenzija u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

    Id-Direttur tal-Awtorità għandu jkun indipendenti fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Meta jaġixxi f’isem l-Awtorità, hu m’għandux ifittex jew jieħu istruzzjonijiet minn kwalunkwe istituzzjoni jew gvern jew minn kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija. Id-Direttur tal-Awtorità għandu joqgħod lura minn kull att li ma jkunx kompatibbli man-natura ta’ dmirijietu.

    6.   Kriterji ta’ selezzjoni

    Ħiliet analitiċi u ta’ ġudizzju eċċellenti;

    esperjenza kkonfermata fil-ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji f’istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija Ewropej, jew fi kwalunkwe organizzazzjoni oħra pubblika jew privata li regolarment tinteraġixxi mal-UE;

    għarfien eċċellenti tal-qafas regolatorju u finanzjarju tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;

    għarfien tajjeb tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli ta’ applikazzjoni tiegħu;

    għarfien tajjeb ħafna tal-qafas istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea;

    għarfien tajjeb tal-Franċiż jew tal-Ingliż fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni interna u interistituzzjonali;

    kapaċità li jiżviluppa u jikkomunika viżjoni, li jaħseb dwar sistemi u proċessi f’termini globali, u li jipproponi rakkomandazzjonijiet konkreti u soluzzjonijiet prattiċi;

    esperjenza maniġerjali f’livell għoli u ħiliet ta’ tmexxija neċessarji sabiex jimmaniġġja l-persunal u baġit, kif ukoll komunità diversa ta’ partijiet interessati;

    kapaċità li jaġixxi b’indipendenza;

    esperjenza fil-komunikazzjoni u n-netwerking, sabiex jirrappreżenta lill-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fl-ogħla livelli u jiżviluppa u jżomm relazzjonijiet effettivi mal-partijiet interessati f’Istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea, u l-Istati Membri.

    7.   Proċedura ta’ selezzjoni

    Il-Kumitat ta’ Selezzjoni jikkonsisti mis-Segretarjati Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea u jitmexxa mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew. Il-Kumitat ta’ Selezzjoni jistabbilixxi bord amministrattiv tal-preselezzjoni li jkun magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull waħda mit-tliet Istituzzjonijiet li jassisti lill-Kumitat ta’ Selezzjoni fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet bil-miktub abbażi tal-kriterji ta’ eliġibilità rilevanti u fl-identifikazzjoni ta’ dawk il-kandidati li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar mal-kriterji ta’ selezzjoni.

    Abbażi ta’ din il-preselezzjoni, il-Kumitat ta’ Selezzjoni jfassal lista ta’ kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

    Abbażi tar-riżultat tal-proċedura ta’ preselezzjoni u l-intervisti, il-Kumitat ta’ Selezzjoni jistabbilixxi lista ta’ mhux aktar minn tliet kandidati skont l-ordni ta’ prijorità, li tintbagħat għall-approvazzjoni finali lit-tliet istituzzjonijiet.

    8.   Applikazzjonijiet

    Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

    12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell, fl-4 ta’ Lulju 2016.

    Il-Kandidati huma mitluba jibagħtu permezz ta’ email biss, stqarrija personali fil-format pdf (immarkata “Għall-attenzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ Reklutaġġ EUPP/1/S”) u curriculum vitae (fil-format tal-Europass (5)), b’indikazzjoni tan-numru ta’ referenza tal-proċedura (EUPP/1/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

    EP-SENIOR-MANAGEMENT@ep.europa.eu.

    Id-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email se jitqiesu bħala d-data u l-ħin tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

    Dokumenti skennjati jridu jkunu jistgħu jinqraw.

    Il-kandidati li jissejħu għal intervista jridu jipprovdu sad-data tal-intervista, kopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji u l-esperjenza professjonali tagħhom kif ukoll l-attività li jeżerċitaw attwalment. Dawn id-dokumenti mhux se jintbagħtu lura lill-kandidati.

    Id-data ta’ natura personali li jibagħtu l-kandidati, fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni, se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data  (6).


    (1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.

    (2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

    (3)  Din is-sena ta’ esperjenza mhux se titqies għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali mitluba taħt l-inċiż li jmiss.

    (4)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, il-Kroat, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

    (5)  http://europass.cedefop.europa.eu/

    (6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top