EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2014/319/08

Sejħa għal applikazzjonijiet għall-għażla ta’ esperti maħtura f’kapaċità personali

ĠU C 319, 17.9.2014, p. 17–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/17


Sejħa għal applikazzjonijiet għall-għażla ta’ esperti maħtura f’kapaċità personali

2014/C 319/08

1.   It-tagħrif eżistenti

B’deċiżjoni (1) tas-7 ta’ Diċembru 2011, id-Direttur Ġenerali waqqaf grupp ta’ esperti għas-Swieq Agrikoli, b’mod partikolari dwar l-aspetti li jaqgħu taħt is-sottogrupp taż-żejt taż-żebbuġa fir-Regolament dwar l-OKS Unika (E02730), minn hawn ‘il quddiem msemmi “il-grupp”.

Il-kompitu tal-grupp huwa li jgħin lill-Kummissjoni:

(a)

fit-tħejjija tal-leġiżlazzjoni jew fid-definizzjoni tal-politika fil-qasam tal-kimika u l-istandardizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa.

(b)

tirrinforza l-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti kimiċi, organolettiċi u tal-awtentiċità għaż-żjut taż-żebbuġa,

(c)

tikkoordina skambju ta’ fehmiet mal-Istati Membri.

Il-grupp huwa magħmul minn rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u esperti maħtura mill-Kummissjoni f’kapaċità personali.

Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tagħmel sejħa għall-applikazzjonijiet bil-ħsieb li taħtar il-membri tal-grupp u tistabbilixxi lista ta’ riżerva tal-kandidati.

2.   Il-karatteristiċi tal-grupp

2.1.   Kompożizzjoni

Minbarra r-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-grupp għandu jkun magħmul minn għaxar xjenzjati u esperti oħra b’kompetenzi marbutin mal-kimika taż-żejt taż-żebbuġa. Dawn il-membri jinħatru mill-Kummissjoni f’kapaċità personali u huma mistennija jagħtu pariri indipendenti, eċċellenti u tekniċi lill-Kummissjoni.

Il-kompożizzjoni tal-grupp tkun tirrifletti bilanċ bejn l-oqsma ta’ għarfien espert, bejn is-sessi tal-membri u bejn l-oriġini ġeografika tagħhom.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll lista ta’ riżerva li tiġbor fiha l-kandidati li ma setgħux jinħatru bħala membri permanenti minkejja li, waqt il-proċedura tal-għażla, dawn ikunu tqiesu addattati biex ikunu membri tal-grupp. L-għadd ta’ esperti li se jintgħażlu għal din il-lista m’għandux jaqbeż il-5.

Il-lista ta’ riżerva tista’ tintuża biex minnha jinħatru s-sostituti għall-membri tal-grupp.

2.2.   Tul il-ħatra

Il-membri tal-grupp jinħatru għal mandat ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded. Huma jibqgħu fil-kariga sa tmiem il-mandat tagħhom.

Il-kompożizzjoni tal-grupp u tal-lista ta’ riżerva tista’ tiġi riveduta kull ħames snin.

2.3.   Indipendenza u kunfidenzjalità

Il-membri għandhom jagħtu opinjoni indipendenti u ħielsa minn kull influwenza barranija lill-Kummissjoni, u għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-siġurtà li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tat-tagħrif ikklassifikat tal-UE, stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (2).

Huma għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. F’kull laqgħa, għandhom jistqarru kull interess speċifiku li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet li jkun hemm fl-aġenda.

2.4.   Transparenza

L-ismijiet tal-membri maħturin biex ikunu fil-grupp fil-kapaċità personali għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-Gruppi Esperti u ta’ Entitajiet Simili Oħrajn tal-Kummissjoni.

Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (3).

2.5.   Attendenza fil-laqgħat

L-applikanti għandhom ikunu lesti jattendu l-laqgħat regolarment, jikkontribwixxu fid-diskussjonijiet tal-grupp b’mod attiv, jeżaminaw u jabbozzaw id-dokumenti u jaġixxu bħala “relaturi” (rapporteurs) fuq bażi ad hoc.

Il-grupp normalment jiltaqa’ f’postijiet tal-Kummissjoni skont il-proċeduri u l-iskeda stabbiliti minnha.

Iżda barra l-laqgħat b’mod fiżiku, jistgħu jitwaqqfu gruppi ta’ ħidma elettroniċi paralleli biex il-ħidma timxi b’aktar ħeffa.

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni skont il-limiti tal-baġit annwali allokat mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli.

Il-membri ma jirċivux rimunerazzjoni talli jaqdu dmirijiethom.

Il-biċċa l-kbira tad-dokumenti ta’ ħidma se jkunu bl-Ingliż u l-laqgħat normalment se jsiru bl-Ingliż, b’interpretazzjoni f’bosta lingwi uffiċjali tal-UE.

L-applikanti għandhom jikkunsidraw li b’mod ġenerali l-laqgħat jinvolvu ħidma ta’ preparazzjoni.

3.   Il-proċedura tal-applikazzjoni

L-individwi li huma interessati jeħtieġ li jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea.

Applikazzjoni titqies ammissibbli biss jekk tkun tinkludi d-dokumenti li ġejjin:

1.

Ittra ta’ motivazzjoni li b’mod partikolari tispjega r-raġunijiet għalfejn l-applikant qiegħed iwieġeb għal din is-sejħa;

2.

Formola tal-għażla (ara l-Anness) li fiha l-applikanti jiddeskrivu l-esperjenza professjonali u l-għarfien espert tagħhom skont il-kriterji elenkati f’din is-sejħa;

3.

Curriculum vitae (li preferibbilment ma jaqbiżx it-tliet paġni) fejn l-applikanti għandhom iniżżlu d-dettalji kollha tal-esperjenza professjonali u l-għarfien espert tagħhom. Is-CVs kollha għandhom jintbagħtu fil-format Ewropew:

http://europass.cedefop.europa.eu/europass/home/vernav/Europass+Documents/Europass+CV.csp

L-applikazzjonijiet għandhom isiru bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

4.   Ir-rekwiżiti

A.   Il-kriterji tal-eliġibilità

1.

Livell ta’ edukazzjoni terzjarja li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji ċċertifikati b’diploma ta’ mill-inqas tliet snin, fil-qasam tal-kimika.

2.

Sa dakinhar li tintbagħat l-applikazzjoni, perjodu totali ta’ mill-inqas ħames snin ta’ esperjenza professjonali teknika u/jew xjentifika fil-qasam wara li jkunu kisbu d-diploma msemmija fil-punt 1 ta’ hawn fuq.

3.

Għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża (4);

4.

L-applikanti għandhom ikunu nazzjonali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din is-sejħa.

5.

L-applikanti jridu jippreżentaw id-dokumenti kollha msemmija fil-Kapitolu 3. Il-proċedura tal-applikazzjoni.

B.   Il-kriterji tal-għażla

Għall-għażla abbażi tal-kwalifiki, se jitqiesu l-kriterji li ġejjin:

Esperjenza u ħila kbira, bil-provi, fil-qasam tal-kimika u b’mod partikolari fil-qasam tal-kimika marbuta maż-żejt taż-żebbuġa.

Esperjenza ta’ ħidma fil-leġiżlazzjoni, il-politika u l-istandards fil-qasam tal-kimika marbuta maż-żejt taż-żebbuġa

Esperjenza professjonali miksuba mal-awtorità/l-organizzazzjoni li jaħdem magħha l-applikant u t-tul ta’ żmien li ilu impjegat magħha.

Esperjenza professjonali miksuba ma’ awtoritajiet/organizzazzjonijiet oħrajn li ħadem magħhom l-applikant fl-imgħoddi.

Esperjenza professjonali tat-tekniki kimiċi tal-laboratorju b’mod ġenerali, fost oħrajn ta’ spettrometrija ta’ massa, separazzjoni permezz ta’ kromatografija, tekniki analitiċi (GC, HPLC b’detetturi diversi, GC-MS, HPLC-MS,) eċċ.

Esperjenza professjonali tal-validazzjoni ta’ metodi analitiċi u tqabbil interlaboratorju.

Proġetti speċifiċi u/jew ħidmiet f’kuntest internazzjonali li kien involut fihom l-applikant.

Kull ħidma li jkun wettaq l-applikant fil-qasam marbut ma’ din is-sejħa (l-istruzzjoni, il-parteċipazzjoni f’i grupp espert, pubblikazzjonijiet …).

Kull sfida importanti professjonali prevista fil-ġejjieni qarib fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa.

Id-dejta personali se tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

5.   Il-proċedura tal-għażla

Il-proċedura tal-għażla se tikkonsisti f’erba’ stadji:

1.

il-verifika tal-kriterji tal-ammissibbiltà u tal-eliġibbiltà;

2.

il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet skont il-kriterji tal-għażla;

3.

il-kompilazzjoni ta’ lista tal-applikanti l-iktar xierqa;

4.

il-ħatra tal-membri tal-grupp u l-kompilazzjoni tal-lista ta’ riżerva.

6.   It-tressiq tal-applikazzjonijiet u d-data tal-għeluq

L-applikazzjonijiet iridu jitressqu mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2014 sal-17:00 ħin lokali ta’ Brussell:

bil-posta rreġistrata (bid-data skont it-timbru tal-posta) fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Agriculture and Rural Development

Unit C.2 — Wine, spirits, horticultural products and specialised crops

Rue de la Loi/Wetstraat 130, 7/66

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

jew

permezz tal-posta elettronika, fejn id-data tal-imejl titqies bħala d-data li fiha ntbagħtet l-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet bil-posta elettronika għandhom jintbagħtu fl-indirizz li ġej: agri-c2@ec.europa.eu

L-invilopp jew is-suġġett tal-imejl irid jispeċifika: “Sub group olive oil - call for applications”

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma taċċetta l-ebda applikazzjoni li taslilha wara din id-data.

L-applikazzjonijiet imwassla bl-idejn ma jiġux aċċettati.

Għal iktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq l-indirizz elettroniku funzjonali li ġej:

agri-c2@ec.europa.eu

7.   Ħatra tal-membri

Il-kandidati kollha li japplikaw għal din is-sejħa għall-applikazzjonijiet se jiġu mgħarrfa bir-riżultat tal-proċess tal-għażla.


(1)  Ares (2011)1319969, 7.12.2011.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom, tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  “Għarfien tajjeb” għandu jikkorrispondi mal-livell B2 jew livell ogħla (jiġifieri l-livelli C1 u C2) speċifikati fid-dokument ta’ referenza tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Portafoll Ewropew tal-Lingwi (“Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza: l-Istudju, l-Istruzzjoni, u l-Valutazzjoni”). Għal aktar informazzjoni ara http://www.coe.int/t/dg4/linguistic/Source/Framework_en.pdf


ANNESS

Formola tal-għażla (1)

Il-kriterji tal-għażla

Spazju biex tikteb int (2)

Esperjenza u ħila kbira, bil-provi, fil-qasam tal-kimika u b’mod partikolari fil-qasam tal-kimika marbuta maż-żejt taż-żebbuġa.

 

Esperjenza ta’ ħidma fil-leġiżlazzjoni, l-politika u l-istandards fil-qasam tal-kimika marbuta maż-żejt taż-żebbuġa

 

Esperjenza professjonali miksuba mal-awtorità/l-organizzazzjoni li jaħdem magħha l-applikant u t-tul ta’ żmien li ilu impjegat magħha.

 

Esperjenza professjonali miksuba ma’ awtoritajiet/organizzazzjonijiet oħrajn li ħadem magħhom l-applikant fl-imgħoddi

 

Esperjenza professjonali tat-tekniki kimiċi tal-laboratorju b’mod ġenerali, fost oħrajn ta’ spettrometrija ta’ massa, separazzjoni permezz ta’ kromatografija, tekniki analitiċi (GC, HPLC b’detetturi diversi, GC-MS, HPLC-MS,) eċċ.

 

Esperjenza professjonali tal-validazzjoni ta’ metodi analitiċi u tqabbil interlaboratorju

 

Proġetti speċifiċi u/jew ħidmiet f’kuntest internazzjonali li kien involut fihom l-applikant

 

Kull ħidma li jkun wettaq l-applikant fil-qasam marbut ma’ din is-sejħa (l-istruzzjoni, il-parteċipazzjoni f’grupp espert, pubblikazzjonijiet …).

 

Kull sfida importanti professjonali prevista fil-ġejjieni qarib fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa

 

Titlu: …

Kunjom: …

Data: …

Firma: …


(1)  Din il-formola għandha timtela, tiġi ffirmata u tintbagħat mal-applikazzjoni.

(2)  F’din il-kolonna niżżel l-esperjenza professjonali tiegħek f’kull wieħed mill-punti stabbiliti taħt il-kolonna “Kriterji tal-Għażla”


Top