Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2012/285/08

    Sejħa għall-proposti – EACEA/30/12 – Programm Jean Monnet, Attività Ewlenija 3 – Appoġġ għall-Assoċjazzjonijiet Ewropej attivi fil-livell Ewropew fil-qasam tal-integrazzjoni Ewropea u l-edukazzjoni u t-taħriġ – Għotjiet Operattivi Annwali 2013

    ĠU C 285, 21.9.2012, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 285/11


    SEJĦA GĦALL-PROPOSTI – EACEA/30/12

    Programm Jean Monnet, Attività Ewlenija 3 – Appoġġ għall-Assoċjazzjonijiet Ewropej attivi fil-livell Ewropew fil-qasam tal-integrazzjoni Ewropea u l-edukazzjoni u t-taħriġ

    Għotjiet Operattivi Annwali 2013

    2012/C 285/08

    1.   Objettivi u Deskrizzjoni

    Is-Sejħa għall-proposta timmira lejn l-għażla tal-organizzazzjonijiet għall-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar l-għotjiet operattivi annwali li jkopru s-sena baġitarja 2013. Hija ma tikkonċernax organizzazzjonijiet li jkunu kkonkludew Ftehim Qafas ta’ Sħubija mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (“l-Aġenzija”) għall-perjodu 2011-2013.

    L-għan ta’ din is-Sejħa għall-Proposti huwa li tappoġġja lill-Assoċjazzjonijiet Ewropej fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ li huma attivi:

    Fis-suġġetti tal-integrazzjoni Ewropea u/jew

    Isegwu l-objettivi tal-politika Ewropea tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

    Il-“Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja” (1) u, b’mod aktar speċifiku, is-sub-programm tiegħu “Jean Monnet”, jikkostitwixxi l-bażi legali.

    Fl-implimentazzjoni tal-Attività Ewlenija 3 tal-programm Jean Monnet, l-għanijiet speċifiċi ta’ din is-sejħa għall-proposti huma:

    li tappoġġja lill-Assoċjazzjonijiet Ewropej ta’ kwalità għolja sabiex jikkontribwixxu għaż-żieda tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    li tappoġġja lill-Assoċjazzjonijiet Ewropej ta’ kwalità għolja sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-objettivi strateġiċi tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (2);

    L-Aġenzija, li taġixxi skont il-poteri ddelegati mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) hija responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ din is-sejħa għall-proposti.

    2.   Applikanti eliġibbli

    L-applikanti eliġibbli huma assoċjazzjonijiet Ewropej fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u attivi:

    fis-suġġetti ta’ intergrazzjoni Ewropea u/jew

    fil-ħidma għall-kisbiet tal-għanijiet tal-politika Ewropea tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

    L-Assoċjazzjonijiet Ewropej għandhom:

    ikunu organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;

    ikunu jinsabu u jkollhom personalità legali u sede għal aktar minn sentejn mingħajr interruzzjoni (fid-data tal-iskadenza tas-sejħa) f’wieħed jew f’diversi mill-pajjiżi eliġibbli tal-LLP (3) (is-27 Stat Membru tal-UE, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, it-Turkija, il-Kroazja, l-Isvizzera, is-Serbja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja);

    iwettqu l-maġġoranza tal-attivitajiet tagħhom fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u/jew f’pajjiżi eliġibbli oħrajn tal-LLP;

    jeżistu bħala korpi li jsegwu għan ta’ interess Ewropew ġenerali kif definit fl-Artikolu 162 tar-regoli ta’ implimentazzjoni għar-Regolament Finanzjarju stabbilit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (4); kif emendat sussegwentement;

    Barra minn hekk, sabiex tkun eliġibbli għal din is-sejħa, l-istruttura tas-sħubija ta’ Assoċjazzjoni Ewropea għandha tkun konformi ma’ waħda miż-żewġ kategoriji li ġejjin:

    Jew l-Assoċjazzjoni Ewropea għandha tkun komposta esklussivament minn assoċjazzjonijiet ibbażati fuq membri (jiġifieri l-membri jkunu huma nfushom assoċjazzjonijiet “umbrella” fil-livell transnazzjonali, nazzjonali, reġjonali jew lokali). L-Assoċjazzjonijiet Ewropej li huma komposti esklussivament minn assoċjazzjonijiet ibbażati fuq membri għandu jkollhom membri f’mill-inqas 6 Stati Membri differenti tal-UE (5).

    L-assoċjazzjonijiet membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għandu jkollhom status ta’ “membri sħaħ” (il-membri assoċjati u l-osservaturi mhumiex ikkunsidrati bħala “membri sħaħ”). Il-membri nfushom għandu jkollhom personalità legali xierqa, ikunu organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u attivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Individwi privati u korpi bi skop ta’ qligħ mhumiex ikkunsidrati bħala organizzazzjonijiet membri eliġibbli.

    Jew l-Assoċjazzjoni Ewropea tkun magħmula minn membri li mhux kollha jkollhom struttura bbażata fuq il-membri. Dan jippermetti li l-Assoċjazzjoni Ewropea tkun magħmula (parzjalment jew kompletament) minn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet attivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ li ma jkunux ibbażati fuq membri (bħal skejjel primarji u sekondarji u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla). L-Assoċjazzjonijiet Ewropej li jinkludu istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet mhux ibbażati fuq membri għandu jkollhom membri f’mill-inqas 9 Stati Membri differenti tal-UE.

    L-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet membri li mhumiex ibbażati fuq membri għandu jkollhom status ta’ “membri sħaħ” (il-membri assoċjati u l-osservaturi mhumiex ikkunsidrati bħala “membri sħaħ”). Il-membri għandhom ikunu organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u jkunu attivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ skont l-indikazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Individwi privati mhumiex ikkunsidrati bħala organizzazzjonijiet membri eliġibbli.

    3.   Attivitajiet eliġibbli

    Il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea taħt din is-sejħa għall-proposti jieħu l-forma ta’ għotjiet operattivi. Dawn l-għotjiet jappoġġjaw parti mill-ispejjeż imġarrba mill-benefiċjarji magħżula fit-twettiq ta’ attivitajiet Ewropej skont programm ta’ ħidma miftiehem.

    L-attivitajiet tal-programm ta’ ħidma propost għandhom jikkontribwixxu għal:

    żieda tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ u/jew

    l-implimentazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-objettivi strateġiċi li ġejjin tal-“ET 2020”:

    (1)

    Nagħmlu t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità realtà

    (2)

    Intejbu l-kwalità u l-effikaċja tal-edukazzjoni u t-taħriġ

    (3)

    Nippromwovu l-ugwaljanza, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva

    (4)

    Insaħħu l-kreattività u l-innovazzjoni, inkluża l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ

    4.   Kriterji tal-Għoti

    Il-kwalità tal-programm ta’ ħidma dettaljat ta’ 12-il xahar tiġi vvalutata fuq il-bażi tat-tliet kriterji tal-għoti li ġejjin:

    (1)

    ir-rilevanza, iċ-ċarezza u l-koerenza tal-objettivi għal perjodu qasir (12-il xahar);

    (2)

    il-kwalità tal-ġestjoni tal-programm ta’ ħidma (iċ-ċarezza u l-koerenza tal-attivitajiet u l-baġits proposti sabiex jintlaħqu l-objettivi, skeda ta’ żmien);

    (3)

    l-impatt mistenni tal-attivitajiet dwar l-edukazzjoni u/jew it-taħriġ fil-livell Ewropew;

    It-tliet kriterji ta’ aġġudikazzjoni għandhom l-istess piż u deskrizzjoni aktar dettaljata ta’ liema informazzjoni għandha tiġi pprovduta għal kull kriterju ta’ aġġudikazzjoni mill-applikant tinsab fl-Anness 1 tal-Gwida għall-Applikanti.

    5.   Baġit

    Il-baġit indikattiv totali tal-UE għall-kofinanzjament tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej skont din is-sejħa huwa ta’ EUR 748 400.

    L-għotja operattiva massima għal kull assoċjazzjoni għall-programm ta’ ħidma annwali ta’ 12-il xahar (li tikkorrespondi għal sena baġitarja waħda, 2013) ma għandhiex taqbeż EUR il-100 000.

    L-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni Ewropea ma għandux jaqbeż il-75 % tal-baġit eliġibbli annwali stmat tal-Assoċjazzjoni Ewropea.

    6.   Sottomissjoni tal-proposti u skadenza

    L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni online (Formola elettronika) hija

    il-15 ta’ Novembru 2012 f’12:00 (nofsinhar) – ħin ta’ Brussell

    L-applikazzjonijiet għandhom isiru bl-użu tal-formola online ta’ applikazzjoni għall-għotjiet (Formola elettronika). Din is-sottomissjoni online hija meqjusa bħala l-kopja oriġinali.

    Il-formola uffiċjali online ta’ applikazzjoni għall-għotjiet (Formola elettronika) hija disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fl-indirizz elettroniku li ġej:

    http://eacea.ec.europa.eu/llp/funding/2013/call_jm_ka3_structural_support_2012_en.php u għandha timtela kif suppost f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, sabiex tiġi sottomessa l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa, għandha tintbagħat ukoll kopja sħiħa tad-Dossier tal-Applikazzjoni (kopja elettronika sottomessa flimkien mad-dokumenti addizzjonali, ara t-taqsima 13 tal-Linji Gwida għall-Applikanti) permezz tal-email lill-Aġenzija sad-data tal-iskadenza (il-15 ta’ Novembru 2012 f’12:00 nofsinhar):

    EACEA-P2-ASSOC-EUR@EC.EUROPA.EU

    7.   Dettalji sħaħ

    Il-linji gwida għall-applikanti, kif ukoll il-formola ta’ applikazzjoni online u l-annessi, huma disponibbli fl-indirizz li ġej:

    http://eacea.ec.europa.eu/llp/funding/2013/call_jm_ka3_structural_support_2012_en.php


    (1)  Ara d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45).

    http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2006:327:0045:0068:MT:PDF

    (2)  http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc1120_en.htm

    (3)  Il-parteċipazzjoni tal-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro f'din is-sejħa għall-proposti hija soġġetta għall- iffirmar ta' Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' kull wieħed minn dawn il- pajjiżi rispettivament. Jekk il-Memorandum ta' Ftehim ma jkunx ġie ffirmat qabel l-ewwel tax-xahar ta' meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-għotjiet, il-parteċipanti minn dawn il-pajjiżi ma jingħatawx fondi u ma jitqisux fir-rigward tad-daqs minimu tal-konsorzji/l-isħubiji.

    (4)  Skont din id-definizzjoni, organizzazzjoni li ssegwi għan ta’ interess Ewropew ġenerali hija:

    korp Ewropew involut fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fl-informazzjoni jew ir-riċerka u fl-istudju dwar il-politiki Ewropej jew korp tal-istandards Ewropej; jew

    netwerk Ewropew li jirrappreżenta korpi mingħajr skop ta’ qligħ li huma attivi fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi kandidati u li jippromwovi prinċipji u politiki li jkunu konsistenti mal-objettivi tat-Trattati.

    (5)  Minbarra dan, l-Assoċjazzjoni Ewropea tista’ tinkludi assoċjazzjonijiet membri bbażati fi Stati Membri oħrajn tal-UE u f’pajjiżi oħrajn.


    Top