This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2012/152/05
Call for expressions of interest for the members of the Scientific Committee of the European Union Agency for Fundamental Rights (FRA) — Ref.: CEI-SCIE-2012
Sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess għall-membri tal-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) – Ref.: CEI-SCIE-2012
Sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess għall-membri tal-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) – Ref.: CEI-SCIE-2012
ĠU C 152, 30.5.2012, p. 5–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.5.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 152/5 |
Sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess għall-membri tal-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)
Ref.: CEI-SCIE-2012
2012/C 152/05
1. L-AĠENZIJA
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) hija korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea bbażat fi Vjenna, l-Awstrija (1).
L-għan tal-FRA għandu jkun li tipprovdi assistenza u kompetenza relatati mad-drittijiet fundamentali lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u awtoritajiet relevanti tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha meta jimplimentaw liġi tal-Unjoni Ewropea sabiex tappoġġjahom meta jieħdu miżuri jew ifasslu korsijiet ta’ azzjoni fi ħdan l-isferi rispettivi ta’ kompetenza tagħhom sabiex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali (2).
L-Aġenzija tiffoka fuq is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE u s-27 Stat Membru tagħha. Il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni mal-UE jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem. Bħalissa, dan huwa l-każ tal-Kroazja.
L-FRA tinkorpora l-korpi li ġejjin:
|
Il-Bord ta’ Amministrazzjoni |
|
Il-Bord Eżekuttiv |
|
Il-Kumitat Xjentifiku |
|
Id-Direttur |
2. IL-KUMITAT XJENTIFIKU
Din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess tistieden lill-esperti, li għandhom l-esperjenza meħtieġa f’dixxipplina xjentifika waħda jew aktar fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, sabiex jesprimu l-interess tagħhom li jsiru membri tal-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija.
Skont l-Artikolu 14, paragrafu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 (li minn hawn ’il quddiem jissejjaħ ir-“Regolament”) li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (li minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ l-“Aġenzija”), il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Aġenzija għandu jaħtar Kumitat Xjentifiku li għandu jkun ifformat minn ħdax-il persuna indipendenti bi kwalifiki għoljin fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.
Rwol tal-Kumitat Xjentifiku:
Skont l-Artikolu 14, paragrafu 5 tar-Regolament, l-imsemmi Kumitat Xjentifiku għandu jkun il-garanti tal-kwalità xjentifika tal-ħidma tal-Aġenzija.
Għal dak il-għan, id-Direttur tal-Aġenzija għandu jinvolvi lill-Kumitat Xjentifiku fit-tħejjija tad-dokumenti mfassla fil-kuntest tal-kompiti li l-Aġenzija hija inkarigata bihom, skont l-Artikolu 4, paragrafu 1(a-f) u (h) tar-Regolament, speċjalment:
— |
Il-ġbir, ir-reġistrazzjoni u t-tqassim tal-informazzjoni u d-dejta relevanti, oġġettivi, affidabbli u komparabbli dwar id-drittijiet fundamentali, inklużi riżultati mir-riċerka u l-monitoraġġ ikkomunikati lill-Aġenzija minn Stati Membri tal-UE, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, ċentri ta’ riċerka, korpi nazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-korpi kompetenti tal-Kunsill tal-Ewropa; |
— |
L-iżvilupp ta’ metodi u standards biex titjieb il-komparabilità, l-oġġettività u l-affidabilità tad-dejta dwar id-drittijiet fundamentali f’livell Ewropew, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE; |
— |
It-twettiq ta’ riċerka u stħarriġijiet xjentifiċi, studji preparatorji u studji dwar il-fattibilità dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali; |
— |
It-tiswir u l-pubblikazzjoni ta’ opinjonijiet dwar suġġetti tematiċi speċifiċi relatati mad-drittijiet fundamentali; |
— |
Il-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali koperti mill-oqsma ta’ attività tal-Aġenzija, li jixħet dawl fuq eżempji ta’ prattika tajba wkoll; |
— |
Il-pubblikazzjoni ta’ rapporti tematiċi bbażati fuq l-analiżi, ir-riċerka u l-istħarriġijiet proprji tal-Aġenzija; |
— |
L-iżvilupp ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni u l-promozzjoni tad-djalogu mas-soċjetà ċivili, sabiex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar id-drittijiet fundamentali u sabiex titqassam b’mod attiv informazzjoni dwar il-ħidma tal-Aġenzija. |
Il-funzjonament tal-Kumitat Xjentifiku:
B’differenza mill-Bord ta’ Amministrazzjoni, il-Kumitat Xjentifiku huwa korp konsultattiv li mhuwiex involut fl-amministrazzjoni u t-tmexxija tal-Aġenzija. Fl-istess ħin, il-Kumitat huwa korp ta’ ħidma li huwa involut fil-proċessi ta’ riċerka tal-Aġenzija. Dan jimplika li l-membri huma mistennija jieħdu impenn bis-sħiħ sabiex jagħtu kontribuzzjoni sostanzjali f’termini ta’ żmien u volum ta’ xogħol għall-ħidma tal-Aġenzija; bil-kontribuzzjoni tagħhom li tingħata f’forma ta’ argumenti rraġunati rigward il-kwalità tal-ħidma tal-Aġenzija, li jistgħu jkunu jeħtieġu kontribuzzjonijiet dettaljati bil-miktub. Skont il-metodi ta’ ħidma attwali (3), il-membri individwali tal-Kumitat jissorveljaw proġett ta’ riċerka speċifiku wieħed jew aktar bħala “rapporteurs” mit-tnissil tal-idea ta’ proġett sal-pubblikazzjoni tar-riżultati finali. Madankollu, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-“kwalità xjentifika tal-ħidma tal-Aġenzija” jittieħdu b’mod kollettiv mill-membri tal-Kumitat Xjentifiku. Il-Kumitat huwa mmexxi mill-President tiegħu li jiġi elett mill-Kumitat għal mandat ta’ sena (4). Il-President huwa assistit mis-Segretarjat fi ħdan is-servizzi operazzjonali tal-FRA.
Forma tal-Kumitat Xjentifiku:
Skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 1 tar-Regolament, il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun ifformat minn ħdax-il persuna indipendenti, bi kwalifiki għolja fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jaħtar membri wara sejħa għal applikazzjonijiet u proċedura tal-għażla trasparenti wara li jkun ikkonsulta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew (5).
Il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Aġenzija għandu jiżgura rappreżentazzjoni ġeografika indaqs fis-sħubija tal-Kumitat Xjentifiku li għandu jaħtar. Barra minn hekk, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu l-għan li jikseb parteċipazzjoni bbilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-Kumitat Xjentifiku. Sejjer anki jagħti l-attenzjoni dovuta lid-dixxiplini u l-ispeċjalizzazzjonijiet xjentifiċi bil-għan li jkopri l-oqsma differenti kif definiti mill-Qafas Multiannwali tal-Aġenzija.
Skont l-Artikolu 14, paragrafu 1 tar-Regolament, il-membri tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Aġenzija huma preklużi milli jkunu membri tal-Kumitat Xjentifiku.
Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu esperti f’dixxiplina waħda jew aktar relatati mad-drittijiet tal-bniedem jew relevanti għalihom, fost l-oħrajn:
— |
ix-xjenzi soċjali; inklużi kandidati b’kompetenza fl-oqsma ta’ metodoloġiji ta’ riċerka u riċerka transnazzjonali u komparattiva; |
— |
il-liġi, inklużi l-liġi kostituzzjonali komparattiva, il-liġi tal-UE u l-liġi internazzjonali; |
— |
ix-xjenzi politiċi; |
— |
l-istatistiki. |
Mandat:
Il-mandat tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandu jkun ta’ ħames snin. Ma għandux jiġġedded. Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu indipendenti u jridu jikkonformaw mar-regoli ta’ kunfidenzjalità.
Jistgħu jinbidlu fuq talba tagħhom biss, jew f’każ li ma jkunux jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom b’mod permanenti. Madankollu, fejn membru ma jibqax jissodisfa l-kriterji ta’ indipendenza, minn dak il-mument għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lid-Direttur tal-Aġenzija. Inkella, il-Bord ta’ Amministrazzjoni jista’ jiddikkjara, wara proposta ta’ terz mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni, nuqqas ta’ indipendenza u jirrevoka lill-persuna kkonċernata. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jaħtar membru ġdid għall-mandat li jifdal skont il-proċedura użata għall-membri ordinarji. Jekk il-mandat li jifdal ikun ta’ inqas minn sentejn, il-mandat tal-membru l-ġdid jista’ jiġi estiż għal mandat sħiħ ta’ ħames snin. Il-lista ta’ membri tal-Kumitat Xjentifiku għandha tiġi ppubblikata u aġġornata mill-Aġenzija fuq il-websajt tagħha.
Laqgħat tal-Kumitat Xjentifiku:
Skont l-Artikolu 14, paragrafu 6 tar-Regolament, il-Kumitat Xjentifiku għandu jiltaqa’ erba’ darbiet fis-sena f’sessjoni plenarja. Il-post tal-laqgħat huwa s-sede tal-Aġenzija (Vjenna), sakemm ma ssirx eċċezzjoni. Il-membri huma mistennija jieħdu sehem f’dawn il-laqgħat u jagħmlu kontribuzzjoni sostanzjali f’termini ta’ żmien u volum ta’ xogħol, inklużi analiżi u kummenti dwar il-materjal sottomess lilhom – li idealment ikunu f’forma miktuba u sostanzjata.
Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu intitolati għal indennizzi relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Kumitat Xjentifiku (6).
3. KWALIFIKI U ESPERJENZA MEĦTIEĠA, KRITERJI TA’ VALUTAZZJONI
A. Kriterji ta’ eliġibilità
Dawk li japplikaw biex jissieħbu mal-Kumitat Xjentifiku jridu jissodisfaw l-erba’ kriterji li ġejjin:
— |
Ikollhom grad universitarju postgradwatorju jew komparabbli f’qasam xjentifiku relevanti; |
— |
Ikollhom seba’ snin esperjenza professjonali pprovata relatata mad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ta’ dixxiplini bħax-xjenzi soċjali, ix-xjenzi politiċi, il-liġi u/jew l-istatistiki - wara li jkunu kisbu l-grad imsemmi hawn fuq; |
— |
Ċittadinanza ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE; |
— |
Għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-UE (7). |
B. Kriterji tal-għażla
ESSENZJALI:
Il-ħames rekwiżiti essenzjali għall-għażla tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku huma:
— Eċċellenza xjentifika: eċċellenza xjentifika relatata mal-oqsma tal-mandat tal-Aġenzija, inklużi pubblikazzjonijiet f’dawn l-oqsma u/jew oħrajn relatati mill-qrib;
— Esperjenza transnazzjonali u komparattiva: esperjenza estensiva li jkunu ħadmu u/jew wettqu riċerka f’aktar minn pajjiż wieħed fl-oqsma relatati mill-qrib mal-ħidma tal-Aġenzija;
— Għarfien profond dwar id-drittijiet fundamentali fil-prattika: esperjenza estensiva fir-rigward tal-implimentazzjoni legali, tax-xjenzi soċjali, tal-politiki u/jew prattika tad-drittijiet fundamentali fil-prattika – bħal esperjenza ta’ ħidma fuq il-post u analiżi ta’ dejta li fihom taw parir tekniku, ġudizzju legali, jew li ħadmu f’organizzazzjoni governattiva jew mhux governattiva internazzjonali;
— L-għoti ta’ opinjonijiet u/jew rakkomandazzjonijiet: Esperjenza fl-abbozzar ta’ opinjonijiet jew rakkomandazzjonijiet fil-livell nazzjonali jew internazzjonali relatati mal-oqsma ta’ interess tal-Aġenzija, li jistgħu jkunu f’forma ta’ konklużjonijiet u sejbiet minn riċerka kbira;
— Ingliż Xjentifiku Eċċellenti: għarfien eċċellenti tal-Ingliż miktub u mitkellem. Il-lingwa tax-xogħol tal-Aġenzija hija l-Ingliż.
VANTAĠĠ:
It-tliet kriterji li ġejjin sejrin jitqiesu bħala vantaġġi miżjuda:
— |
Il-kandidat ikollu jew kellu professorat jew lettorat permanenti f’istituzzjoni akkademika; |
— |
Dottorat; |
— |
Esperjenza professjonali f’ambjent multidixxiplinarju, idealment f’kuntest internazzjonali. |
Il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija hawn fuq sejra tiġi vvalutata b’mod partikolari skont l-iskala ta’ punti, fatti u provi ta’ mertu li ġejja:
(1) Eċċellenza xjentifika ( (0-30 punt)
— |
Pubblikazzjonijiet xjentifiċi relevanti – minimu ta’ 10 pubblikazzjonijiet ta’ kwalità għolja; |
— |
Opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew konklużjonijiet esperti relevanti mogħtija lil awtoritajiet pubbliċi; |
— |
Proġetti ta’ riċerka relevanti fi Stati Membri differenti tal-UE; |
— |
Tagħlim differenti fi Stati Membri differenti tal-UE u esperjenza fil-presidenza f’konferenzi internazzjonali, fil-parteċipazzjoni fi gruppi ta’ ħidma internazzjonali u fi proġetti multidixxiplinarji. |
(2) Esperjenza transnazzjonali u komparattiva (0-15-il punt)
— |
Esperjenza relevanti ta’ ħidma fuq il-post, inklużi, eż. stħarriġijiet multinazzjonali; |
— |
Esperjenza relevanti fl-għoti ta’ pariri legali u dwar politiki f’kuntest internazzjonali jew transnazzjonali; |
— |
Esperjenza relevanti fit-tqabbil ta’ sistemi politiċi u liġi kostituzzjonali komaprattiva (UE); |
(3) Għarfien profond dwar id-drittijiet fundamentali fil-prattika u l-politika (0-15-il punt)
— |
Esperjenza relevanti fl-amministrazzjoni jew fil-politika pubblika, inklużi inkarigi attwali jew fl-imgħoddi ta’ tmexxija; |
— |
Esperjenza relevanti fil-Ġudikatura, inklużi inkarigi attwali jew fl-imgħoddi ta’ tmexxija; |
— |
Esperjenza relevanti f’Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, inklużi inkarigi attwali jew fl-imgħoddi ta’ tmexxija; |
— |
Esperjenza relevanti f’Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem jew korpi oħrajn għad-drittijiet tal-bniedem fil-livell nazzjonali, inklużi inkarigi attwali jew fl-imgħoddi ta’ tmexxija; |
— |
Esperjenza relevanti fid-drittijiet fundamentali f’livell internazzjonali, inklużi inkarigi attwali jew fl-imgħoddi ta’ tmexxija. |
(4) L-għoti ta’ opinjonijiet u/jew rakkomandazzjonijiet/konklużjonijiet (0-15-il punt)
— |
Esperjenza estensiva fit-trasformazzjoni ta’ riċerka xjentifika f’rakkomandazzjonijiet relevanti għall-prattika; |
— |
Esperjenza estensiva fl-għoti ta’ opinjonijiet esperti konċiżi u relevanti għall-politiki lil amministrazzjonijiet pubbliċi u NGOs; |
— |
Esperjenza estensiva bħala editur xjentifiku; |
— |
Esperjenza fil-komunikazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali lil pubbliku usa’. |
(5) Ingliż Xjentifiku Eċċellenti (0-10 punti)
— |
Ingliż xjentifiku miktub eċċellenti; |
— |
Esperjenza estensiva fil-kitba u l-editjar xjentifiċi bl-Ingliż. |
Il-kriterji indikati bħala vantaġġużi sejrin jingħataw bejn 0-5 punti.
Fil-fażi tal-għażla, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-bżonn li jiġi żgurat bilanċ ġeografiku u bejn is-sessi ġust ukoll.
4. SOTTOMISSJONI TA’ APPLIKAZZJONIJIET
Il-kandidati huma mitluba jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom b’mod elettroniku permezz tal-websajt tal-Aġenzija: http://www.fra.europa.eu
Applikazzjonijiet online biss sejrin jiġu aċċettati. Applikazzjoni titqies ammissibbli biss jekk tinkludi:
— |
ittra ta’ interess (paġna massimu); |
— |
formola ta’ reġistrazzjoni pprovduta fuq il-websajt tal-Aġenzija fil-paġna relatata ma’ din is-Sejħa għal Espressjonijiet ta’ Interess; |
— |
lista ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi f’kotba u ġurnali riveduti minn pari, inklużi s-sommarji tal-aktar ħames artikli relevanti (tlieta minn dawn is-sommarji għandhom ikunu bl-Ingliż). Jistgħu jintalbu dokumenti ta’ prova oħrajn aktar tard matul il-proċedura tal-għażla. |
Jistgħu jintalbu kjarifiki dwar is-sejħa u l-proċedura ta’ applikazzjonijiet mill-indirizz li ġej:
selection-scientific-committee@fra.europa.eu
5. PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA, ĦATRA U MANDAT
Preselezzjoni:
Id-Direttur tal-Aġenzija għandu jħejji u jorganizza x-xogħol għall-preselezzjoni tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku. Għandu jippresjedi panil ta’ preselezzjoni, ifformat mill-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Aġenzija u persuna maħtura għal dan l-iskop mill-Kunsill tal-Ewropa. Żewġ membri tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-FRA jistgħu jattendu l-panil ta’ preselezzjoni bħala osservaturi.
Il-panil ta’ preselezzjoni għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati, skont ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà. Nuqqas ta’ konformità ma’ wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jirriżulta fl-esklużjoni tal-kandidat ikkonċernat mill-istadji li jmiss tal-proċess tal-għażla.
Imbagħad, il-panil ta’ preselezzjoni għandu jivvaluta kull kandidat eliġibbli skont ir-rekwiżiti għall-għażla. Sejjer ifassal ‘Formola ta’ Valutazzjoni Individwali’ għal kull kandidat li sejra tinkludi kumment qasir, li jixħet dawl fuq il-valuri/in-nuqqasijiet speċifiċi tal-kandidat ikkonċernat.
Id-Direttur għandu jippreżenta r-riżultati tal-proċess ta’ preselezzjoni lill-Bord Eżekuttiv tal-FRA, inkluża l-informazzjoni dwar il-kandidati meqjusa ineliġibbli.
Għażla:
Il-Bord Eżekuttiv għandu jivvaluta lill-kandidati kollha fuq il-bażi tar-rekwiżiti tal-għażla stabbiliti.
F’din il-valutazzjoni, il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu f’kunsiderazzjoni:
— |
Ix-xogħol tal-panil ta’ preselezzjoni; |
— |
Il-bżonn li l-oqsma speċjalisti tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikopru l-aktar oqsma xjentifiċi relevanti marbutin mad-drittijiet fundamentali, skont il-missjoni u l-għanijiet tal-FRA; |
— |
Il-bżonn li jiġi żgurat bilanċ ġeografiku u bejn is-sessi tajjeb. |
Il-Bord Eżekuttiv għandu jissottometti lista tal-aktar kandidati eliġibbli lill-Bord ta’ Amministrazzjoni. Din il-lista għandha tinkludi aktar minn ħdax-il isem u inqas minn tnejn u għoxrin. Din il-lista sejra tinkludi wkoll il-punti ta’ mertu u konklużjoni li tikkonċerna l-adattabilità bħala membru tal-Kumitat Xjentifiku għal kull kandidat.
Il-President tal-Bord Eżekuttiv għandu jippreżenta r-riżultati tal-proċess tal-għażla lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, inkluż rekord tal-kandidati mhux inklużi fil-listi msemmija aktar ’il fuq kif ukoll fuq il-kandidati meqjusa ineliġibbli.
Is-servizzi operazzjonali tal-Aġenzija għandhom jipprovdu appoġġ tekniku u loġistiku għall-proċess tal-għażla.
Ħatra:
Fuq il-bażi tal-lista sottomessa mill-Bord Eżekuttiv, il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Aġenzija għandu jaħtar il-membri tal-Kumitat Xjentifiku, wara li jkun ikkonsulta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Il-kandidati mhux maħtura għandhom jitqiegħdu fuq lista ta’ riżerva.
Skont l-Artikolu 14, paragrafu 2 tar-Regolament, il-membri sejrin jinħatru għal terminu ta’ ħames snin, li ma għandux ikun jista’ jiġġedded.
Il-lista ta’ riżerva għandha tkun valida għat-tul tat-terminu tal-Kumitat Xjentifiku maħtur. Fil-każ ta’ post battal, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jaħtar membru ġdid mil-lista ta’ riżerva. Il-mili ta’ post battal għandu jkun għall-bqija tad-dewmien tat-terminu tal-Kumitat Xjentifiku. Madanakollu, skont l-Artikolu 14, paragrafu 1 tar-Regolament, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jsegwi proċess ta’ ħatra identiku għal dak segwit għall-ħatra ta-membri oriġinali inkluża konsultazzjoni tal-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew. Il-Kumitat LIBE jista’ jiddeċiedi li jippubblika l-ismijiet tal-kandidati u s-CVs tagħhom.
6. DIKJARAZZJONI TA’ IMPENN, INTERESS U KUNFIDENZJALITÀ
Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku jinħatru fuq bażi personali. Il-membri għandhom jieħdu l-impenn li jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe influwenza esterna. Għal din ir-raġuni, sejrin jintalbu jagħmlu dikjarazzjoni ta’ impenn u dikjarazzjoni ta’ interess (8).
Sejra tintalab issir dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità wkoll sabiex issir konformità mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità meta tiġi ttrattata informazzjoni speċifikament identifikata mill-Aġenzija bħala “ristretta jew kunfidenzjali” (9).
7. OPPORTUNITAJIET INDAQS
L-FRA tħeġġeġ li kull persuna li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità u li tkun interessata tapplika biex issir membru tal-Kumitat Xjentifiku tal-FRA.
L-FRA hija istituzzjoni ta’ opportunitajiet indaqs u tiżgura li l-proċeduri tal-għażla tagħha ma jiddiskriminawx fuq il-bażi tas-sess, kulur, oriġini razzjali, etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, jew kwalunkwe status ieħor.
8. PROTEZZJONI TAD-DEJTA PERSONALI
Jekk jogħġbok kun af li l-FRA mhijiex sejra trodd lura l-applikazzjonijiet lill-kandidati. L-informazzjoni personali li l-FRA titlob mill-kandidati sejrin jiġu pproċessati b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data. Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ dik id-dejta.
Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-proċedura tal-għażla. Jekk il-kandidat ikollu xi mistoqsijiet rigward l-ipproċessar tad-dejta personali tiegħu, jista’ jibgħathom fuq l-indirizz li ġej:
selection-scientific-committee@fra.europa.eu
9. DATA TA’ SKADENZA
Id-data ta’ għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet hija mill-4 ta’ Lulju 2012 fis-13:00 (Ħin lokali, GMT +1).
Jekk jogħġbok kun af li minħabba n-numru kbir ta’ applikazzjonijiet li nirċievu, is-sistema tista’ ġġarrab problemi fl-ipproċessar ta’ dawk l-ammonti ta’ dejta meta tkun riesqa d-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet. Għaldaqstant, nirrakkomandawlek tapplika ferm qabel id-data ta’ skadenza.
(1) Ir-Regolament li waqqafha adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġie ppubblikat fil-ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.
(2) Art. 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali
(3) Adottati mill-Kumitat Xjentifiku attwali u soġġetti għal modifika.
(4) Art. 19 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.
(5) Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (“il-Kumitat LIBE”).
(6) Art 24 (1) u 25 (1-3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; u d-Deċiżjoni Nru 11FIN 2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar ir-“Rules on the reimbursement of expenses incurred by members or alternate members of the Management Board, members of the Executive Board, members of the Scientific Committee, external members of Selection Committee(s) and experts invited to attend meetings” (mhux disponibbli bil-Malti).
Nota: Il-lingwa tax-xogħol għal-laqgħat u l-kontribuzzjonijiet kollha – kemm għall-FRA kif ukoll għall-membri tal-Kumitat Xjentifiku – hija l-Ingliż. L-FRA tittraduċi biss il-verżjonijiet finali tal-kontribuzzjonijiet tagħha f’lingwi oħrajn tal-UE, u għaldaqstant, il-kandidati huma mistennija li jkollhom standard ferm għoli tal-Ingliż – smigħ, qari u kitba – peress li t-traduzzjoni u l-interpretazzjoni mhumiex possibbli fir-rigward tal-ħidma tal-Kumitat.
(8) Art 27 (1-4) tar-Regoli ta’ Proċedura u l-Annessi 2 u 3 tal-Anness I.
(9) Art 26 (1-3) tar-Regoli ta’ Proċedura u l-Anness I tal-Anness 1.