Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2010/110A/02

    Avviż ta' kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/180-181-182/10

    ĠU C 110A, 29.4.2010, p. 11–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CA 110/11


    AVVIŻ TA' KOMPETIZZJONIJIET ĠENERALI EPSO/AD/180-181-182/10

    (2010/C 110 A/02)

    Interessat f'karriera fl-istituzzjonijiet Ewropej?

    Il-profil tiegħek jikkorrispondi mal-kriterji tagħna?

    Mela applika

    Għati lilek innifsek iċ-ċans li tirnexxi

    L-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO) qed jorganizza dawn il-kompetizzjonijiet ġenerali permezz ta' eżamijiet sabiex tinħoloq lista ta' riżerva għar-reklutaġġ ta' amministraturi (1) (AD 7 u AD 8).

    EPSO/AD/180/10 — Sigurtà tas-sistemi ta' informazzjoni (INFOSEC)

    EPSO/AD/181/10 — Liġi tal-kompetizzjoni

    EPSO/AD/182/10 — Ekonomija tal-industrija

    L-għan ta' dawn il-kompetizzjonijiet hu li jitfasslu listi ta' riżerva maħsuba biex jimlew postijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Kunsill u l-Kummissjoni.

    Qabel tapplika, għandek taqra bir-reqqa l-gwida ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali C 57 A tad-9 ta' Marzu 2010 kif ukoll fuq is-sit tal-internet tal-EPSO.

    Din il-gwida, li tagħmel parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, se tgħinek tifhem ir-regoli dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet ta' iskrizzjoni.

    WERREJ

    I.

    QAFAS ĠENERALI

    II.

    DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET

    III.

    KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

    IV.

    AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U STEDINA GĦAĊ-ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI

    V.

    KOMPETIZZJONI ĠENERALI

    VI.

    LISTI TA' RIŻERVI

    VII.

    KIF TAPPLIKA?

    I.   QAFAS ĠENERALI

    1.

    Għadd ta' kandidati li jirnexxu

    EPSO/AD/180/10 = 16

    EPSO/AD/181/10 = 14

    EPSO/AD/182/10 = 14

    2.

    Kummenti

    EPSO qed jippubblika b'mod parallel dawn il-kompetizzjonijiet li ġejjin:

    EPSO/AD/178/10 — Kariga ta' Bibljotekarju/Xjenza tal-informazzjoni

    EPSO/AD/179/10 — Awdjoviżiv

    Minn dawn il-ħames oqsma, int tista' tapplika għal wieħed biss.

    Din l-għażla għandha ssir fil-ħin tal-iskrizzjoni elettronika u ma tistax tinbidel ladarba tkun ivvalidajt u bgħatt l-applikazzjoni tiegħek b'mod elettroniku.

    II.   DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET

    Il-profili speċifiċi huma deskritti fl-anness.

    Il-profil ġenerali tal-kandidati mfittex mill-istituzzjonijiet huwa spjegat fid-dettal fil-punt 1.2 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.

    III.   KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

    , int għandek tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

    1.   Kundizzjonijiet ġenerali

    a)

    Tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    b)

    Tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek.

    c)

    Tkun wettaqt kull obbligu impost mil-liġijiet ta' reklutaġġ applikabbli tas-servizz militari.

    d)

    Tipproduċi r-referenzi tal-karattru xierqa li juru li int tajjeb biex twettaq id-dmirijiet tiegħek.

    2.   Kundizzjonijiet speċifiċi

    2.1

    Kwalifiki

    Ara l-anness

    2.2

    Esperjenza professjonali

    Ara l-anness

    2.3

    Għarfien lingwistiku

    Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin:

    BG (Bulgaru)

    CS (Ċek)

    DA (Daniż)

    DE (Ġermaniż)

    EL (Grieg)

    EN (Ingliż)

    ES (Spanjol)

    ET (Estonjan)

    FI (Finlandiż)

    FR (Franċiż)

    GA (Irlandiż)

    HU (Ungeriż)

    IT (Taljan)

    LT (Litwan)

    LV (Latvjan)

    MT (Malti)

    NL (Olandiż)

    PL (Polakk)

    PT (Portugiż)

    RO (Rumen)

    SK (Slovakk)

    SL (Sloven)

    SV (Svediż)

    a)

    Lingwa 1

    Il-lingwa ewlenija:

    għarfien profond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    u

     

    b)

    Lingwa 2

    It-tieni lingwa (għandha tkun differenti mil-lingwa 1):

    għarfien sodisfaċenti tal-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż

    IV.   AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U STEDINA GĦAĊ-ĊENTRU TA' EVALWAZZJONI

    1.   Ammissjoni għall-kompetizzjoni

    Se jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni elettronika, sabiex jiġu identifikati l-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għall-kompetizzjoni.

    2.   Stedina għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni: għażla skont il-kwalifiki

    Bil-ħsieb li jiġu identifikati l-kandidati li jistgħu jiġu mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni, il-ġurija tipproċedi għal għażla skont il-kwalifiki wara li jkunu ġew stabbiliti l-kriterji li permezz tagħhom se tevalwa dawn il-kwalifiki. Din l-għażla ssir fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati fl-applikazzjoni elettronika tagħhom. Il-ġurija tagħżel, fost il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għall-kompetizzjoni, dawk li għandhom il-kwalifiki l-iktar rilevanti (speċjalment diplomi, esperjenza professjonali) skont il-kwalità u l-livell fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet imfissra fl-avviż ta' kompetizzjoni (ara l-kriterji ta' għażla fl-anness). Din l-għażla ssir fuq il-bażi ta' mmarkar stabbilit b'dan il-mod li ġej:

    a)

    kull kriterju ta' għażla jitqies minn 1 sa 3, skont l-importanza mogħtija mill-ġurija;

    b)

    il-ġurija tagħti marka minn 1 sa 4 għal kull kriterju, skont il-kwalifiki tal-kandidat.

    Imbagħad jistabbilixxi klassifika (2) tal-kandidati skont dawn il-marki.

    In-numru tal-kandidati ammessi għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni jikkorrispondi għal mhux iktar minn tliet darbiet in-numru tal-kandidati magħżula indikat f'dan l-avviż ta' kompetizzjoni u se jkun ippubblikat fuq il-websajt tal-EPSO (www.eu-careers.eu).

    3.   Verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati

    Wara l-fażi ta' evalwazzjoni, id-dikjarazzjonijiet li saru mill-kandidati fl-applikazzjoni elettronika tagħhom se jkunu verifikati minn EPSO għall-kundizzjonijiet ġenerali u mill-ġurija għall-kundizzjonijiet speċifiċi u l-għażla skont il-kwalifiki. Jekk matul din il-verifika jinstab li dawn id-dikjarazzjonijiet mhumiex ikkonfermati mid-dokumenti ta' prova rilevanti, il-kandidati kkonċernati se jkunu esklużi mill-kompetizzjoni.

    Il-verifika ssir b'ordni dixxendenti ta' mertu, għall-kandidati li kisbu l-minimu meħtieġ u l-aħjar marki għat-testijiet kollha d), e), f) taċ-ċentru ta' evalwazzjoni (ara taqsima V). Il-kandidati jridu wkoll jiksbu l-minimu meħtieġ fit-testijiet għall-kapaċità (3) a), b) u c) (ara taqsima V). Din il-verifika ssir sakemm jintlaħaq il-limitu ta' kandidati li jistgħu jitniżżlu fil-lista ta' riżerva u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni kollha. Id-dokumenti ta' prova tal-kandidati li ġew ikklassifikati taħt dan il-limitu mhux se jkunu eżaminati.

    V.   KOMPETIZZJONI ĠENERALI

    1.

    Stedina għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni

    Int se tkun mistieden f'ċentru ta' evalwazzjoni, li fil-prinċipju jsir Brussell u li jdum ġurnata, jekk int tkun wieħed mill-kandidati li:

    skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom fl-iskrizzjoni elettronika, jissodisfaw l-kundizzjonijiet ta' ammissjoni ġenerali u speċifiċi tat-taqsima III

    u

    li kisbu waħda mill-aħjar marki (4) fl-għażla tal-kwalifiki.

    2.

    Ċentru ta' evalwazzjoni

    Int se tkun evalwat dwar il-kapaċitajiet tiegħek fir-rigward tar-raġunament permezz tal-elementi li ġejjin:

    a)

    test ta' raġunament verbali

    b)

    test ta' raġunament numeriku

    c)

    test ta' raġunament astratt

    Int se tkun evalwat ukoll fuq il-kompetenzi speċifiċi fil-qasam kif ukoll dwar dawn il-kompetenzi ġenerali:

    Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

    Komunikazzjoni

    Kwalità u riżultati

    Tagħlim u żvilupp

    Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

    Perseveranza

    Ħidma ma' persuni oħra

    Tmexxija

    Dawn il-kompetenzi huma mfissra fid-detall fil-punt 1.2 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjoni ġenerali.

    Dawn il-kompetenzi se jkunu evalwati permezz ta' dawn l-elementi:

    d)

    studju tal-każ fil-qasam

    e)

    eżerċizzju fi grupp

    f)

    intervista strutturata

    3.

    Lingwa taċ-ċentru ta' evalwazzjoni

    Lingwa 2 (Ġermaniż, Ingliż jew Franċiż) għall-elementi kollha minn a) sa f).

    Waqt l-istudju tal-każ (element d), l-għarfien tal-lingwa prinċipali tiegħek (lingwa 1) se tkun ukoll eżaminata

    4.

    Marki

    Kapaċitajiet fil-qasam tar-raġunament

    a)

    (verbali) minn 0 sa 20 punt

    minimu meħtieġ: 10 punti

    b)

    (numeriku) minn 0 sa 10 punti

    b)

    (astratt) minn 0 sa 10 punti

    Minimu meħtieġ għat-testijiet kollha b) u c): 10 punti

    It-testijiet a), b) u c) huma eliminatorji iżda l-punti tagħhom mhux se jiżdiedu mal-punti tal-elementi l-oħra taċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

    Kompetenzi speċifiċi

    Minn 0 sa 100 punt

    minimu meħtieġ: 50 punt

    Kompetenzi ġenerali

    Minn 0 sa 80 punt għall-kompetenzi ġenerali kollha (10 punti għal kull kompetenza)

    minimu meħtieġ:

    3 punti għal kull kompetenza u

    40 punt għat-tmien kompetenzi ġenerali kollha

    VI.   LISTI TA' RIŻERVI

    1.

    Kandidati li jiddaħħlu fuq il-lista ta' riżerva

    Il-ġurija tikteb ismek fil-lista tar-riżerva (5) (ara n-numru ta' kandidati magħżula, taqsima I, punt I) jekk int tkun wieħed mill-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tat-taqsima IV.

    2.

    Klassifika

    Listi stabbiliti skont il-kompetizzjoni, skont il-grupp ta' mertu (massimu ta' 4) u f'ordni alfabetiku f'kull grupp ta' meritu.

    VII.   KIF TAPPLIKA?

    1.

    Iskrizzjoni elettronika

    Int għandek tapplika b'mod elettroniku billi ssegwi l-proċedura indikata fuq il-websajt tal-EPSO.

    Data ta' għeluq: it-28 ta' Mejju 2010 sa 12:00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell

    2.

    Trażmissjoni tal-fajl ta' applikazzjoni

    F'fażi ulterjuri, il-kandidati ammessi għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni se jkunu mistiedna jibagħtu fajl ta' applikazzjoni komplut (applikazzjoni elettronika ffirmata u dokumenti ta' appoġġ).

    Data ta' għeluq: Id-data ta' għeluq se tkun ikkomunikata fi żmien xieraq permezz tal-profil EPSO tiegħek.

    Kundizzjonijiet: ara l-punt 2.2 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjoni ġenerali.


    (1)  F'dan l-avviż kull referenza għal persuna tas-sess maskil tirreferi wkoll għal persuna tas-sess femminil.

    (2)  Il-kandidati li ma ġewx mistiedna fiċ-ċentru ta' evalwazzjoni jistgħu jiksbu kopja tal-karta ta' evalwazzjoni tal-kwalifiki tagħhom stabbilita mill-ġurija, billi jagħmlu talba wara għaxart ijiem min-notifika tar-riżultati.

    (3)  Minħabba raġunijiet ta' organizzazzjoni, dawn it-testijiet jistgħu jsiru waqt il-fażi taċ-ċentru ta' evalwazzjoni iżda jkunu taħt ir-responsabbiltà ta' EPSO u mhux tal-ġurija.

    (4)  Jekk fil-każ li fl-aħħar post diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka, dawn il-kandidati kollha se jkunu mistiedna fiċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

    (5)  Jekk fil-każ li fl-aħħar post diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka, dawn il-kandidati kollha se jkunu inklużi fil-lista ta' riżerva.


    ANNESS 1

    EPSO/AD/180/10 — AMMINISTRATURI (AD 7)

    SIGURTÀ TAS-SISTEMI TAL-INFORMAZZJONI (INFOSEC)

    Din il-kompetizzjoni ġenerali qed issir biex jiġu impjegati Amministraturi (AD 7) fil-qasam tas-Sigurtà tas-Sistemi tal-Informazzjoni.

    1.   Dmirijiet

    a)   Ġestjoni ta' Sigurtà ta' Sistemi tal-Informazzjoni:

    Twaqqif ta' ISMS (Sistema ta' Ġestjoni ta' Sigurtà tal-Informazzjoni): definizzjoni tal-għanijiet, studju tal-kuntest tal-organizzazzjoni (Kummissjoni jew Direttorat Ġenerali/Servizz), definizzjoni tal-ambitu tal-ISMS, kisba tal-appoġġ tal-ġestjoni, tħejjija tal-proċessi u l-proċeduri relevanti għall-ġestjoni tar-riskju, organizzazzjoni tal-persunal u r-riżorsi, tħejjija u żamma ta' inventarju tal-assi ta' informazzjoni, ġestjoni ta' riskju.

    Implimentazzjoni u operazzjoni ta' ISMS: speċifikazzjoni u implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' trattament ta' riskju għall-organizzazzjoni, implimentazzjoni ta' kontrolli magħżula, tħejjija ta' indikaturi għall-kejl tal-effettività ta' kontrolli, żvilupp ta' programmi ta' taħriġ u żvilupp, ġestjoni ta' operazzjoni u riżorsi, definizzjoni ta' organizzazzjoni ta' trattament ta' inċidenti.

    Segwitu u reviżjoni ta' ISMS: verifika dwar jekk l-ISMS hijiex qed taħdem kif mistennija, reviżjonijiet regolari tal-effettività tal-ISMS, reviżjonijiet perjodiċi ta' valutazzjonijiet ta' riskju, verifika ISMS, verifika għal tibdil fl-ISMS u l-ambjent tiegħu.

    Żamma u reviżjoni tal-ISMS: implimentazzjoni ta' titjib identifikat, u teħid ta' azzjonijiet korrettivi u preventivi xierqa.

    b)   Integrazzjoni ta' sigurtà fiċ-ċiklu ta' ħajja tas-sistemi ta' informazzjoni:

    Ippjanar tal-proċessi ta' żvilupp sikuri.

    Analiżi ta' Impatt fuq in-negozju (biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta' sigurtà).

    Analiżi u evalwazzjoni ta' riskju (pereżempju analiżi ta' każijiet ta' abbuż, analiżi ta' theddid, xenarji ta' riskji).

    Żvilupp ta' arkitettura ta' sigurtà.

    Speċifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' sigurtà (ħtiġijiet funzjonali u ħtiġijiet ta' assigurazzjoni).

    Żvilupp ta' pjanijiet u dokumentazzjoni ta' sigurtà (pereżempju pjanijiet ta' trattament ta' riskju, pjanijiet ta' rkupru f'każ ta' diżastru, pjanijiet ta' sigurtà għan-negożju u pjanijiet ta' testjar ta' sigurtà).

    Verifiki ta' sigurtà għall-konformità u kompletezza.

    Analiżi ta' nuqqasijiet fis-sigurtà.

    Għassa ta' sigurtà teknoloġika.

    Ġestjoni ta' testijiet ta' sigurtà.

    Proċess ta' akkreditazzjoni formali tas-sistemi ta' proċessar ta' informazzjoni kklassifikata tal-UE.

    2.   Kwalifiki

    Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b'diploma fis-Sigurtà tas-Sistemi ta' Informazzjoni jew fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni jew Xjenza tal-Informazzjoni, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja huwa ta' erba' snin jew iktar

    jew

    livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b'diploma fis-Sigurtà tas-Sistemi ta' Informazzjoni jew fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni jew Xjenza tal-Informazzjon u esperjenza professjonali ta' mill-inqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja huwa ta' mill-inqas tliet snin.

    L-esperjenza professjonali mitluba hawn fuq għandha tkun inkisbet f'wieħed jew iktar minn dawn l-oqsma:

    Oqfsa ta' Ġestjoni ta' Sistemi ta' Sigurtà tal-Informazzjoni (pereżemju ISO 2700x, ISF, partijiet relatati ta' sigurtà ta' COBIT, ITIL, …).

    Metodoloġiji u għodod ta' Ġestjoni ta' Riskju (pereżempju ISO 27005, EBIOS, CRAMM, Mehari, Magerit, NIST, …).

    Oqfsa għall-iżvilupp ta' softwer sikur (pereżempju Common Criteria, NIST application development cycle, Security Touchpoints, …).

    Għarfien arkitetturali dwar is-soluzzjonijiet ta' sigurtà.

    NB: L-esperjenza professjonali ta' mill-anqas sena hija parti sħiħa mid-diploma u ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni fin-numru ta' snin ta' esperjenza professjonali mitlub hawn taħt.

    3.   Esperjenza professjonali

    Mill-inqas ħames snin esperjenza fl-istandards u mudelli ta' ġestjoni ta' sigurtà, fil-kitba tal-politika, organizzazzjoni ta' sigurtà, analiżi ta' impatt tan-negozju, ġestjoni ta' riskju u speċfikazzjoni ta' ħtiġijiet ta' sigurtà. Din l-esperjenza trid tkun inkisbet wara l-kwalifika meħtieġa hawn fuq.

    4.   Għażla skont il-kwalifiki

    Waħda jew iktar minn dawn l-esperjenzi, għarfien u abbiltà jkunu ta' vantaġġ:

    1.

    Żvilupp ta' politika ISS.

    2.

    Organizzazzjoni ta' ISS.

    3.

    Klassifika tal-assi/ ħtiġijiet ta' sigurtà.

    4.

    Sigurtà relatata mar-riżorsi umani (taħriġ u għarfien, screening, responsabbiltajiet. drittijiet ta' aċċess).

    5.

    Ġestjoni ta' sigurtà ta' komunikazzjonijiet u operazzjonijiet (proċeduri ta' sigurtà operazzjonali, protezzjoni kontra kodiċi malizzjużi, backups, sigurtà tan-netwerk, sigurtà tas-sistemi u tal-middleware (Sistemi Operattivi, Bażijiet ta' Dejta, Web Servers, …), ġestjoni sikura tal-midja, monitoraġġ tas-sigurtà).

    6.

    Ġestjoni ta' identifikazzjoni, awtentikazzjoni u aċċess.

    7.

    Żvlupp ta' Sistemi ta' Informazzjoni sikuri (Sigurtà fl-SDLC, kriptografija).

    8.

    Ġestjoni ta' Sigurtà tal-Informazzjoni f'każ ta' Inċidenti.

    9.

    Ġestjoni ta' Kontinwità tan-Negozju.

    10.

    Verifika tal-konformità.

    11.

    Ġestjoni tar-riskju.

    12.

    Akkreditazzjoni formali tas-sistemi ta' proċessar ta' informazzjoni kklassifikata tal-UE.


    ANNESS 2

    EPSO/AD/181/10 — AMMINISTRATURI (AD 8)

    LIĠI TAL-KOMPETIZZJONI

    Din il-kompetizzjoni ġenerali qed issir biex jiġu impjegati Amministraturi (AD 8) fil-qasam tal-Liġi tal-Kompetizzjoni.

    1.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

    Twettiq ta' analiżi relatati mal-politika Ewropea tal-anti-trust, tal-amalgamazzjonijiet u l-għajnuna mill-Istat u tisħiħ u twettiq ta' dmirijiet amministrattivi, konsultattivi u superviżorji relatati mal-attivitajiet tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    L-istituzzzjonijiet Ewropej qed ifittxu avukati b'għarfien u esperjenza profondi fil-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea (anit-trust, amalgamazzjonijiet u/jew għajnuna mill-Istat) u esperjenza ppruvata fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u proċeduri f'ditta legali, konsulenza legali, organizzazzjoni tan-negozju jew awtorità nazzjonali għall-kompetizzjoni. Il-kandidati għandhom ikollhom ħiliet ippruvati biex janalizzaw każijiet ta' kompetizzjoni, filwaqt li jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lill-aspetti ekonomiċi; jagħmlu evalwazzjoni legali skont ir-regoli u l-proċeduri tal-kompetizzjoni u jippreżentaw abbozzi legali.

    2.   Kwalifiki

    Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b'diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja huwa ta' erba' snin jew iktar

    jew

    livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b'diploma, esperjenza professjonali xierqa ta' mill-anqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja huwa ta' mill-inqas tliet snin.

    NB: L-esperjenza professjonali ta' mill-anqas sena hija parti sħiħa mid-diploma u ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni fin-numru ta' snin ta' esperjenza professjonali mitlub hawn taħt.

    3.   Esperjenza professjonali

    Mill-inqas tmien snin ta' esperjenza ta' xogħol relatata mal-applikazzjoni tar-regoli u proċeduri ta' kompetizzjoni. Oqsma ta' esperjenza għandhom jinkludu l-analiżi tas-swieq u kwistjonijiet relevanti tal-kompetizzjoni abbażi ta' fehma tajba tal-aspetti ekonomiċi; l-evalwazzjoni legali tagħhom skont ir-regoli u l-proċeduri ta' kompetizzjoni; u t-tħejjija ta' dokumenti legali.

    Din l-esperjenza ta' ħidma hija relevanti biss jekk tkun inkisbet wara l-kisba tad-diploma li tagħti aċċess għall-kompetizzjoni.

    PhD fil-liġi f'suġġett relatat miksuba matul studji full-time tista' tiġi kkunsidrata għal perjodu massimu ta' tliet snin. Jekk il-kandidat ikun kiseb id-diploma tal-PhD f'inqas minn tliet snin, il-perjodu tal-istudju biss jingħadd.

    Perjodi ta' taħriġ addizzjonali relatati mal-ispeċjalizzazzjoni meħtieġa u li jkunu saru mill-kisba tal-lawrija meħtieġa jistgħu jiġu kkunsidrati għal perjodu ta' mhux iktar minn sena.

    4.   Għażla skont il-kwalifiki

    Waħda jew iktar minn dawn l-esperjenzi, għarfien u abbiltà jkunu ta' vantaġġ:

    1.

    Esperjenza ta' xogħol fl-applikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE jew tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (anti-trust: ftehimiet restrittivi, dominanza, kartelli; amalgamazzjonijiet u/jew għajnuna mill-Istat) f'kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

    ditta legali;

    qorti;

    bħala avukat intern f'kumpanija;

    awtorità ta' kompetizzjoni pubblika nazzjonali jew internazzjonali.

    2.

    Esperjenza ta' xogħol fil-liġi kummerċjali f'waħda minn dawn:

    ditta legali;

    qorti;

    bħala avukat intern f'kumpanija;

    organizzazzjoni pubblika nazzjonali jew internazzjonali.

    3.

    Studji gradwatorji jew post-gradwatorji bi speċjalizzazzjoni fil-liġi tal-kompetizzjoni.

    4.

    Xogħol leġiżlattiv fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni.

    5.

    Esperjenza f'negozjati f'livell internazzjonali.

    6.

    Esperjenza fir-riċerka akkademika jew tagħlim fil-liġi tal-kompetizzjoni jew liġi kummerċjali.

    7.

    Parteċipazzjoni f'konferenzi u gruppi ta' ħidma fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, jew bħala kelliem jew bħala awtur konġunt.

    8.

    Pubblikazzjonijiet u artikoli f'ġurnali akkademiċi, relatati mal-liġi tal-kompetizzjoni.


    ANNESS 3

    EPSO/AD/182/10 — AMMINISTRATURI (AD 8)

    EKONOMIJA TAL-INDUSTRIJA

    Din il-kompetizzjoni ġenerali qed issir biex jiġu impjegati Amministraturi (AD 8) fil-qasam tal-ekonomija industrijali għall-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE.

    1.   Dmirijiet

    Twettiq ta' analiżi relatati mal-politika tal-UE tal-anti-trust, tal-amalgamazzjonijiet u l-għajnuna mill-Istat u tisħiħ u twettiq ta' dmirijiet amministrattivi, konsultattivi u superviżorji relatati mal-attivitajiet tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE.

    L-Istituzzjonijiet Ewropej qed ifittxu ekonomisti li għandhom esperjenza profonda fl-ekonomija industrijali (bi sfond emipiriku u/jew teoretiku) u esperjenza kkonfermata fl-iżvilupp ta' analiżi ekonomika fil-kuntest ta' proċeduri antitrust u/jew amalgamazzjoni u/jew għajnuna mill-Istat. Il-kandidati għandhom ikollhom ħiliet ippruvati fl-applikazzjoni ta' analiżi ekonomika għal każijiet ta' politika tal-kompetizzjoni u jkunu familjari sew mat-tekniki kwantitattivi.

    2.   Kwalifiki

    Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b'diploma fl-ekonomija jew diploma li tinkludi speċjalizzazzjoni fil-qasam tal-ekonomija industrijali, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja huwa ta' erba' snin jew iktar

    jew

    livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b'diploma fl-ekonomija jew diploma li tinkludi speċjalizzazzjoni fil-qasam tal-ekonomija industrijali u esperjenza professjonali adattata ta' mill-inqas sena meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja huwa ta' mill-inqas tliet snin.

    NB: L-esperjenza professjonali ta' mill-anqas sena hija parti sħiħa mid-diploma u ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni fin-numru ta' snin ta' esperjenza professjonali mitlub hawn taħt.

    3.   Esperjenza professjonali

    Mill-inqas tmien snin ta' esperjenza ta' ħidma relatata mal-analiżi ekonomika fil-politika tal-kompetizzjoni u/jew ekonomija industrijali. L-oqsma tal-esperjenza għandhom jinkludu l-applikazzjoni tal-analiżi teoretika u empirika kwantitattiva l-iktar aġġornata.

    Din l-esperjenza ta' ħidma hija relevanti biss jekk tkun inkisbet wara l-kisba tad-diploma li tagħti aċċess għall-kompetizzjoni.

    PhD f'materja relatata fil-qasam tal-ekonomija miksuba matul studji full-time tista' tiġi kkunsidrata għal perjodu massimu ta' tliet snin. Jekk il-kandidat ikun kiseb id-diploma tal-PhD f'inqas minn tliet snin, il-perjodu tal-istudju biss jingħadd.

    Perjodi ta' taħriġ addizzjonali relatati mal-ispeċjalizzazzjoni meħtieġa u li jkunu saru mill-kisba tal-lawrija meħtieġa jistgħu jiġu kkunsidrati għal perjodu ta' mhux iktar minn sena.

    4.   Għażla skont il-kwalifiki

    Waħda jew iktar minn dawn l-esperjenzi, għarfien u abbiltà jkunu ta' vantaġġ:

    1.

    Esperjenza ta' ħidma f'kwalunkwe waħda minn dawn:

    konsulenza ekonomika fil-qasam tal-politika ta' kompetizzjoni jew regolazzjoni;

    awtorità ta' kompetizzjoni jew regolatorja;

    istituzzjoni finanzjarja;

    dipartiment tal-Amalgamazzjonijiet u Akkwisti jew dipartiment ta' pjanifikar strateġiku ta' ditta multinazzjonali.

    2.

    Studji gradwatorji jew postgradwatorji bi speċjalizzazzjoni fl-industrija ekonomika, finanzi tal-kumpaniji, finanzi pubbliċi jew mikroekonometriċi.

    3.

    Kompetenza perfetta ta' għodod kwantitattivi (bħal Stata, SPSS, Mathematica, Mathlab jew softwer ekwivalenti).

    4.

    Pubblikazzjonijiet f'ġurnali akkademiċi riveduti minn pari fil-qasam tal-politika ta' kompetizzjoni jew regolatorja.

    5.

    Pubblikazzjonijiet jew dokumenti ta' ħidma fil-qasam tal-politika ta' kompetizzjoni jew regolatorja.

    6.

    Parteċipazzjoni f'konferenzi u gruppi ta' ħidma fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jew regolatorja, jew bħala kelliem jew bħala awtur konġunt.

    7.

    Esperjenza fir-riċerka fil-post jew riċerka tal-istħarriġ

    8.

    Graduate Record Examination.


    Top