Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/229/05

    I-Ruma: Esercizio di servizi aerei di linea — Sejħa għall-offerti maħruġa mill-Italja skond l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 għall-ġestjoni ta' servizzi ta' l-ajru skedati bejn Cuneo Levaldigi u Ruma Fiumicino u viċivers

    ĠU C 229, 29.9.2007, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.9.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 229/5


    I-Ruma: Esercizio di servizi aerei di linea

    Sejħa għall-offerti maħruġa mill-Italja skond l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 għall-ġestjoni ta' servizzi ta' l-ajru skedati bejn Cuneo Levaldigi u Ruma Fiumicino u viċivers

    (2007/C 229/05)

    Premessa

    Il-Gvern Taljan (Ministeru tat-Trasport), skond l-Artikolu 4 tar-Regolament KEE Nru 2408/92 u f'konformità mad-deċiżjonijiet meħuda fil-konferenza tas-servizzi li saret fi ħdan ir-reġjun tal-Pjemonte, approva din is-sejħa għall-offerti għall-għoti ta' konċessjoni tas-servizz ta' trasport bl-ajru skedat bejn:Cuneo- Ruma Fiumicino u viċiversa.

    L-istandards mitluba mill-impożizzjoni ta' dawn l-obbligi ta' servizz pubbliku ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea C 228 tat-28.9.2007.

    Jekk fi żmien 30 jum mill-pubblikazzjoni ta' l-obbligi msemmija hawn fuq, ebda trasportatur ta' l-ajru ma jkun ressaq applikazzjoni biex jibda servizzi bl-ajru skedati fuq ir-rotta msemmija hawn fuq, skond l-obbligi imposti u mingħajr ma jintalab kumpens finanzjarju, il-Gvern Taljan (Ministeru tat-Trasport), fl-ambitu tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Nru 2408/92, iddeċieda li jillimita l-aċċess għal trasportatur ta' l-ajru uniku li jintgħażel permezz ta' sejħa għall-offerti sabiex jipprovdi servizz bl-ajru kkonċernat skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-istess Regolament.

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Din is-sejħa għall-offerti tiddefinixxi s-suġġett tas-sejħa, il-modalitajiet għall-parteċipazzjoni fis-sejħa, ir-regoli dwar it-tul ta' żmien, il-modifika u l-iskadenza tal-kuntratt, il-penali f'każ ta' nuqqas ta' osservanza tad-dispożizzjonijiet preskritti u l-garanziji li jakkumpanjaw l-offerta u l-eżekuzzjoni tal-ftehim.

    Id-dritt għall-operar tas-servizz fuq ir-rotta kkonċernata jingħata permezz ta' sejħa pubblika fuq il-bażi ta' l-offerta l-aktar vantaġġuża mil-lat ekonomiku billi jitqies l-ammont tal-kumpens finanzjarju stabbilit fil-paragrafu 6 ta' din is-sejħa.

    1.   Suġġett tas-sejħa: L-operar ta' servizzi bl-ajru skedati fuq ir-rotta Cuneo Levaldigi – Ruma Fiumicino u viċiversa, li dawn l-obbligi ta' servizz pubbliku ġew imposti u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali Ewropew Nru C 228 tat-28.9.2007, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament KEE Nru 2408/92.

    2.   Parteċipazzjoni: It-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji kollha, hekk kif huma definiti mill-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 2408/92 jistgħu jressqu applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fis-sejħa. Dawn għandhom ikollhom ir-rekwiżiti li ġejjin:

    rekwiżiti ġenerali:

    1.

    ma jkunux fi stat ta' falliment jew likwidazzjoni mandatorja, fi ftehim preventiv mal-kredituri jew jinsabu fi proċedimenti ta' din in-natura;

    2.

    ma jkunux ġew ikkundannati għal projbizzjoni skond l-Artikolu 9(2) tad-decreto legislativo Nru 231/2001 jew kwalunkwe kundanna oħra li tinvolvi projbizzjoni li jinnegozjaw ma' Amministrazzjoni Pubblika;

    3.

    ikunu onoraw il-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali relatati mar-relazzjonijiet tax-xogħol

    4.

    ma jkunux għamlu dikjarazzjonijiet foloz fir-rigward tal-kundizzjonijiet rilevanti għall-parteċipazzjoni fi proċeduri ta' sejħa oħrajn għall-operar ta' servizzi bl-ajru skedati skond l-obbligi ta' servizz pubbliku;

    Bil-għan li jiġi ppruvat li huwa jissodisfa r-rekwiżiti msemmija hawn fuq, l-applikant għandu jiċċertifika l-qagħda tiegħu fil-konfront tal-punt 3 b'ċertifikat li jixhed il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet maħruġ mill-INPS jew mill-INAIL u biċ-ċertifikazzjoni prevista mill-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 68 tat-12 ta' Marzu dwar “Norme per il diritto al lavoro dei disabili” (Regoli rigward id-dritt ta' xogħol għal persuni b'diżabilità); għall-punti 1, 2 u 4 b'dikjarazzjoni ekwivalenti għal ċertifikat (dichiarazione sostitutiva di certificazione) skond l-Artikoli 46 u 47 tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 445 tat-28 ta' Diċembru 2000.

    Iċ-ċertifikati u l-attestati ta' l-applikanti ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea li mhuwiex l-Italja għandhom jinħarġu mill-Amministrazzjonijiet u Organi tal-pajjiż ta' l-oriġini, flimkien ma' traduzzjoni fil-lingwa Taljana awtentikata mill-awtorità konsolari Taljana li tiċċertifika l-konformità ma' l-oriġinal.

    Rekwiżiti tekniċi

    1.

    liċenzja tat-tħaddim maħruġa skond ir-Regolament KEE Nru 2407/92;

    2.

    assigurazzjoni obbligatorja f'każ ta' inċidenti, partikolarment rigward passiġġieri, bagalji, tagħbija ta' merkanzija u terzi skond ir-Regolament KEE Nru 785/04 wkoll;

    3.

    ċertifikat ta' l-operatur bl-ajru (AOC) konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

    4.

    ma jkunux imniżżla fl-hekk imsejħa “black list” dwar il-kumpaniji ta' l-ajru li ma jissodisfawx l-istandards ta' sikurezza Ewropea, hekk kif hi ppubblikata fuq is-sit ta' l-internet: http://ec.europa.eu/transport/air-ban;

    5.

    disponibilità ta' sistema ta' kontabilità analitika li jkun possibbli t-tqassim ta' l-ispejjeż relatati (inklużi l-ispejjeż fissi u d-dħul).

    Fil-każ li r-rekwiżiti msemmija hawn fuq ma jibqgħux ikunu sodisfatti f'mument wara li titressaq l-applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fis-sejħa, it-trasportaturi konkorrenti se jkunu awtomatikament esklużi mill-valutazzjoni ta' l-offerti.

    Fil-każ li r-rekwiżiti msemmija hawn fuq ma jibqgħux ikunu sodisfatti f'mument wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 5, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 14 u tas-subparagrafu ta' qabel ta' l-aħħar tal-paragrafu 15 ta' din is-sejħa għall-offerti.

    3.   Proċedura: Din is-sejħa għall-offerti hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-punti (d), (e), (f), (h) u (i) ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2408/1992.

    4.   Speċifikazzjonijiet ta' l-offerta: Il-fajl ta' l-offerta komplut li fih ir-regoli speċifiċi applikabbli għas-sejħa, il-limitu ta' żmien tal-validità tas-sejħa u kull informazzjoni oħra meqjusa utli, jikkostitwixxi, fil-każijiet kollha, parti integranti ta' din is-sejħa għall-offerti flimkien mal-mudell ta' ftehim imsemmi fil-paragrafu 5 u jista' jintalab bla ħlas lil dan l-indirizz: ENAC, Direzione Trasporto Aereo, viale del Castro Pretorio, n. 118, I-00185 Roma jew bil-posta elettronika lil dan l-indirizz: trasporto.aereo@enac.rupa.it.

    5.   Ftehim li jirregola l-eżerċizzju tas-servizz: Is-servizz għandu jkun irregolat minn ftehim bejn it-trasportatur u l-ENAC, imfassal skond mudell li jagħmel parti mid-dossier ta' l-offerta.

    6.   Kumpens finanzjarju: L-ammont massimu tal-kumpens finanzjarju li għandu jintuża bħala bażi għas-sejħa għall-għoti tas-servizz tat-trasport bl-ajru għar-rotta kkonċernata, jammonta għal EUR 150 000.00 (miljun mija u ħamsin elf) VAT inkluża, fis-sena.

    L-offerti, imfassla skond il-modalitajiet ta' l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta, għandhom jindikaw espliċitament, fil-parti tal-formola dwar l-offerta ekonomika bi tqassim annwali, l-ammont massimu meħtieġ bħala kumpens, fil-limitu msemmi hawn fuq, għall-operar tas-servizz ikkonċernat.

    L-ammont eżatt tal-kumpens għandu jiġi ddeterminat retroattivament kull sena, abbażi ta' l-ispejjeż effettivament imġarrba u d-dħul effettivament iġġenerat mis-servizz, bil-preżentazzjoni ta' dokumenti ta' sostenn u fil-limitu massimu ta' l-ammont indikat fl-offerta, skond l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta.

    F'kull każ it-trasportatur ta' l-ajru ma jistax jitlob bħala kumpens finanzjarju somma ogħla mil-limitu massimu stabbilit mill-ftehim, minħabba n-natura tal-pagament li ma jikkostitwixxix kunsiderazzjoni iżda kumpens għall-provvista ta' servizz suġġett għal obbligu ta' servizz pubbliku.

    Il-pagamenti annwali għandhom isiru bin-nifs u b'kalkolu tal-bilanċ finali, skond l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta, bla ħsara għal kwalunkwe kontroll possibbli mill-ENAC bil-għan li jivverifika d-destinazzjoni effettiva tal-kumpens mogħti u li r-rekwiżiti meħtieġa jibqgħu sodisfatti mit-trasportatur ta' l-ajru benefiċjarju. Il-bilanċ finali għandu jitħallas wara r-riżultati tal-verifika tal-kontabilità analitika mressqa mit-trasportatur għar-rotta kkonċernata u l-verifika tal-konformità tas-servizzi mwettqa u dawk miftiehma.

    7.   Tariffi: L-offerti mressqa għandhom jispeċifikaw it-tariffi previsti, skond kif indikat fil-Komunikazzjoni dwar l-impożizzjoni ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, serje C Nru 228 tat-28.9.2007.

    8.   Ftuħ tar-rotta: Ir-rotta għandha tinfetaħ sa mhux aktar tard minn 15-il (ħmistax-il) jum mid-data li fiha ġie konkluż il-ftehim u dan il-ftuħ għandu jiġi ċċertifikat permezz ta' rapport ta' bidu tas-servizz, iffirmat mit-trasportatur li ntgħażel u mill-ENAC.

    9.   Tul ta' żmien tal-ftehim: Il-Ftehim huwa validu għal sentejn li jiddekorru mill-ftuħ effettiv tas-servizz bl-ajru skedat fuq ir-rotta kkonċernata.

    It-trasportatur jintrabat li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-ENAC il-persunal, id-dokumentazzjoni teknika u kontabbli, l-apparat u dak kollu li jista' jkun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq ta' l-attività ta' sorveljanza u kontroll ta' l-eżekuzzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tad-digriet ta' impożizzjoni, ta' din is-sejħa, tal-ftehim u ta' l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta.

    In-nuqqas ta' qadi ta' l-obbligi msemmija fis-subparagrafu preċedenti jwassal għal ksur li jista' jiġi sanzjonat skond kif previst mill-paragrafu 11 li jmiss ta' din is-sejħa.

    10.   Kanċellazzjoni tal-ftehim: Kull waħda mill-partijiet tista' tikkanċella l-ftehim qabel l-iskadenza normali tiegħu jekk jingħata avviż minn 6 (sitt) xhur qabel mingħajr obbligi ta' kumpens jew indennizzi jew madankollu mhux qabel 12-il (tnax-il) xahar mill-ftuħ tas-servizz.

    Jekk it-trasportatur jonqos milli jikkonforma ma' l-obbligu ta' servizz pubbiku, jitqies li jkun temm il-ftehim mingħajr avviż minn qabel jekk l-istess trasportatur ma jkunx beda jopera mill-ġdid is-servizz, li jkun ġie intimat mingħand l-ENAC biex jaqdi bis-sħiħ l-obbligi meħuda, sa mhux aktar tard minn 30 (tletin) jum minn meta jkun irċieva l-intimazzjoni msemmija.

    F'każ ta' terminazzjoni tal-ftehim min-naħa tat-trasportatur, l-ENAC tirriżerva d-dritt li tagħmel il-valutazzjonijiet xierqa bil-għan li tipproponi lill-Ministeru tat-Trasport il-konklużjoni ta' ftehim ġdid mat-trasportatur ikklassifikat fil-lista f'pożizzjoni li jmiss. Il-kundizzjonijiet ta' l-operar tas-servizz ikkonċernat kif ukoll il-kumpens, proporzjonalment dovut, għandhom ikunu dawk stabbiliti qabel ma ngħata l-obbligu ta' servizz pubbliku.

    11.   Nuqqas ta' konformità u penali: L-interruzzjoni tas-servizzi minħabba r-raġunjiet li ġejjin ma tikkostitwixxix ksur ta' l-obbligi li għalihom ikun responsabbli t-trasportatur:

    kundizzjonijiet meteoroloġiċi perikolużi;

    għeluq ta' wieħed mill-ajruporti indikati fil-programm operattiv;

    problemi ta' sikurezza;

    azzjoni industrijali;

    każijiet ta' forza maġġuri;

    L-interruzzjoni tas-servizz għal dawn ir-raġunijiet twassal għat-tnaqqis ta' l-ammont tal-kumpens proporzjonali għat-titjiriet li ma sarux.

    F'każ ta' nuqqas ta' osservanza ta' l-operar tas-servizz u ta' l-obbligi meħuda fil-ftehim, l-ENAC għandha d-dritt li timponi penali lit-trasportatur, li jogħlew skond l-għadd ta' vjolazzjonijiet li seħħu, li l-modalitajiet tagħhom se jkunu deskritti bis-sħiħ fil-mudell tal-ftehim.

    Madankollu, l-ammont tal-penali ma jistax ikun ogħla mill-50% ta' l-ammont massimu previst li jintuża bħala bażi għas-sejħa għall-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu 6, bil-kundizzjoni li, f'każ li dan il-limitu jinqabeż, l-ENAC ikollha d-dritt li tirrexindi l-ftehim minħabba nuqqas ta' osservanza, b'effett ta' revoka immedjata tal-kumpensi li għad iridu jitħallsu.

    L-għadd ta' titjiriet ikkanċellati għal raġunjiet li għalihom ikun direttament responsabbli t-trasportatur ma għandux ikun ogħla, għal kull sena, minn 2% ta' l-għadd ta' titjiriet ippjanati.

    F'każ li dan il-limitu jinqabeż, it-trasportatur għandu jħallas lill-ENAC penali li tammonta għal EUR 3 000.00 (tlett elef) għal kull kanċellazzjoni li taqbeż il-limitu msemmsi tat-2%, wara kontestazzjoni formali mibgħuta lit-trasportatur fl-għaxart ijiem sussegwenti għal meta l-ENAC tkun saret taf bil-kwistjoni. Lit-trasportatur jingħatalu terminu ta' mhux iktar minn sebat ijiem biex jiġġustifika ruħu.

    Barra minn hekk, l-ENAC se tirrevedi l-ammont tal-kumpens finanzjarju b'mod proporzjonali għat-titjiriet li saru. Is-somom irċevuti f'dan ir-rigward se jkunu allokati għall-kontinwità territorjali tal-belt ta' Cuneo.

    Il-penali minħabba n-nuqqas ta' osservanza ta' l-avviż minn qabel imsemmi fil-paragrafu 10 hija kkalkolata skond il-kumpens annwali u tal-perjodu li fih ma ngħatax l-avviż minn qabel li jibda mill-interruzzjoni tas-servizz ikkonċernat, fit-termini previsti ta' l-istess paragrafu 10, permezz ta' l-applikazzjoni tal-formula li ġejja:

    Fejn

    P= penali

    CA= kumpens annwali

    GG= jiem tas-sena eżaminata (365 jew 366)

    gg= jiem li fihom ma ngħatax l-avviż minn qabel

    Il-penali msemmijin f'dan l-artikolu jistgħu jkunu kkombinati ma' dawk previsti fl-ambitu tas-sistema ta' penali minn regolamenti Komunitarji u dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari nazzjonali.

    12.   Garanziji li jakkumpanjaw l-offerta: Bil-għan li tiġi żgurata s-serjetà u l-affidabilità ta' l-offerta, it-trasportatur li jipparteċipa f'din is-sejħa għandu jippreżenta garanzija xierqa li tammonta għal 2% ta' l-ammont massimu għall-kumpens finanzjarju msemmi fil-paragrafu 6, permezz ta' garanzija bankarja jew assigurattiva f'forma ta' depożitu jew b'garanti, skond l-għażla ta' l-offerent.

    Il-modalitajiet għall-preżentazzjoni tal-garanzija msemmija hawn fuq se jkunu stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta u eventwalment b'referenza għalihom fil-ftehim.

    Il-garanzija għandha tkun valida għal talanqas 180 (mija u tmenin) jum mid-data ta' skadenza tat-tressiq ta' l-offerti, bit-trasportatur jintrabat li jġedded il-garanzija f'każ li l-kuntratt ma jkunx għadu ngħata sa l-iskadenza, fuq talba ta' l-ENAC matul l-istess proċedura.

    L-ENAC, meta tgħarraf lit-trasportaturi li ma ntgħażlux fil-proċedura ta' l-għoti, għandha simultanjament teħlishom mill-garanzija tagħhom.

    13.   Garanziji ta' eżekuzzjoni u kopeturi ta' l-assigurazzjoni: It-trasportatur li jingħatalu l-kuntratt ta' operar tas-servizzi bl-ajru kkonċernati msemmijin f'din is-sejħa huwa obbligat li joħloq garanzija bankarja jew assigurattiva b'garanti li tammonta għal EUR 500 000.00 (ħames mitt elf) favur l-ENAC li tirriżerva d-dritt li tużaha biex tiggarantixxi t-tkomplija tas-servizz ikkonċernat.

    Ir-rilaxx għandu jkun awtomatiku, mingħajr ħtieġa ta' approvazzjoni mill-ENAC, u bil-kundizzjoni li r-riżultati tal-verifika msemmija fl-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 6 preċedenti jkunu pożittivi.

    14.   Telf u revoka tal-kumpens finanzjarju: It-telf fi kwalunkwe mument wara l-Ftehim tar-rekwiżiti ġenerali u tekniċi msemmijin fil-paragrafu 2 ta' din is-sejħa kif ukoll dawk previsti mill-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta jwassal għat-telf ta' l-għoti tar-rotta, ir-revoka tal-benefiċċju tal-kumpens finanzjarju u l-irkupru ta' rati eventwali mħallsa u mhux dovuti, biż-żieda ta' l-interessi statutorji.

    Sussegwentement għat-telf ta' l-għoti tar-rotta, l-ENAC tista' tkun awtorizzata mill-Ministeru tat-Trasport li tiffirma ftehim ġdid għall-bqija tal-perjodu ta' servizz bl-ajru skedat mat-trasportatur konkorrenti kklassifikat fil-pożizzjoni li jmiss fil-lista finali tas-sejħa.

    F'dak il-każ, it-tul ta' żmien tal-ftehim jiddekorri mid-data li fiha jibda s-servizz u jintemm fid-data ta' skadenza prevista fil-ftehim rexiss u b'osservanza tal-pjan operattiva approvat waqt il-valutazzjoni ta' l-offerta mressqa mit-trasportatur li ntgħażel.

    15.   Rexissjoni tal-Ftehim: F'każ ta' nuqqas ta' konformità min-naħa tat-trasportatur lejn dak previst mill-Komunikazzjoni ta' l-impożizzjoni ppubblikata fil-ĠUUE C 228 tat-28.9.2007, id-digriet ta' l-impożizzjoni, il-ftehim, id-dispożizzjonijiet ta' din is-sejħa u dawk ta' l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta, l-ENAC, permezz ta' avviż bil-miktub, tkun tista' tagħti lit-trasportatur, skond l-Artikolu 1454 tal-Kodiċi Ċivili, terminu ta' 15-il (ħmistax-il) jum mid-data li fiha jkun irċieva l-avviż imsemmi biex jikkonforma.

    Jekk it-trasportatur ma jkunx għadu kkonforma sa dak it-terminu ta' żmien, l-ENAC għandha l-fakultà li tqis il-ftehim bħala ġuridikament rexiss u żżomm definittivament l-ammont indikat fil-garanzija msemmija fil-paragrafu 13 kif ukoll titlob kumpens għad-danni mġarrba mit-trasportatur.

    Barra minn hekk, f'każ ta' ksur ta' l-obbligi u s-servizz operati mit-trasportatur fir-rigward ta' dak previst fil-ftehim, id-dispożizzjonijiet ta' din is-sejħa u dawk ta' l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta, l-ENAC, skond l-Artikolu 1456 tal-Kodiċi Ċivili għandha d-dritt li tirrexindi l-ftehim, wara notifika bil-miktub lit-trasportatur.

    F'każ li l-ftehim jiġi rexiss, l-ENAC tista' tkun awtorizzata mill-Ministeru tat-Trasport biex tikkonsulta l-lista biex tiffirma ftehim ġdid għall-bqija ta' perjodu ta' servizz bl-ajru skedat mat-trasportatur konkorrenti li kklassifika fil-pożizzjoni li jmiss fil-lista finali tas-sejħa għall-għoti tar-rotta.

    F'dak il-każ, it-tul ta' żmien tal-ftehim jiddekorri mid-data li fiha jibda s-servizz u jintemm fid-data ta' skadenza prevista fil-ftehim rexiss u b'osservanza tal-pjan operattiv approvat waqt il-valutazzjoni ta' l-offerta mressqa mit-trasportatur li ntgħażel.

    16.   Preżentazzjoni ta' l-offerti: Fi żmien 30 (tletin) jum mill-pubblikazzjoni ta' din is-sejħa fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, l-offerti, imħejjija skond kif inhu previst fl-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta u biex ma jiġux esklużi mill-għażla, għandhom jaslu bil-posta rreġistrata b'notifika tal-wasla jew bl-idejn wara li tingħata rċevuta lill-indirizz li ġej:

    ENAC, direzione generale, viale del Castro Pretorio 118, -00185 Roma.

    Biex ma jiġux esklużi, l-offerti għandhom jitressqu fi tliet envelopps magħluqin u ssiġillati.

    L-envelopp estern, magħluq, issiġillat u inizjalat fuq iż-żewġ naħat, għandu jkun fih żewġ envelopps, dawn ukoll issiġillati u inizjalati fuq iż-żewġt naħat, u fuqu jkollu mniżżel: “Offerta per la gara in oneri di servizio pubblico sulla rotta: Cuneo Levaldigi – Roma Fiumicino e viceversa”.

    Id-dokumenti li għandhom jiddaħħlu f'dawn it-tliet envelopps ta' hawn fuq huma msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta msemmija fil-paragrafu 4 ta' din is-sejħa għall-offerti.

    Min jibgħat għandu jkun dak totalment responsabbli f'każ li l-pakkett, għal kwalunkwe raġuni, ma jasalx għad-destinazzjoni tiegħu fit-terminu ta' żmien indikat hawn fuq.

    Jekk titressaq offerta valida waħda biss, il-proċedura ta' għotja tista' tkompli xorta waħda.

    17.   Terminu ta' validità ta' l-offerti: 180 (mija u tmenin) jum mill-iskadenza għall-preżentazzjoni ta' l-offerti.

    18.   Għoti tal-kuntratt: Il-kuntratt jingħata mill-ENAC, pemezz ta' Bord imwaqqaf apposta, magħmul minn maniġer ta' l-ENAC delegat tad-Direttur Ġenerali, minn espert fis-settur tat-trasport bl-ajru maħtur mir-Reġjun tal-Pjemonte u minn President maħtur bi qbil komuni bejn l-ENAC u r-Reġjun tal-Pjemonte; id-dmirijiet ta' segretarjat għandu jaqdihom uffiċjal ta' l-ENAC.

    19.   Ipproċessar tad-data personali: Id-data personali kollha se tintuża u tiġi pproċessata esklussivament għall-finijiet istituzzjonali filwaqt li tiġi garantita l-protezzjoni u l-kunfidenzjalità skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Għal dan il-għan, it-trasportatur li jintgħażel għandu jiffirma l-awtorizzazzjoni relatata ma' l-ipproċessar tad-data personali, skond kif u stabbilit fid-D.Lgs. 196/2003 u emendi u żidiet sussegwenti.

    20.   Ipproċessar tad-data sensittiva: Id-data sensittiva li jkun fihom l-offerti mressqa mit-trasportaturi għandha tkun pproċessata skond kif stabbilit mir-“Regolament għall-ipproċessar tad-data sensittiva u ġudizzjarja”, approvat mill-Bord tad-Diretturi ta' l-ENAC fis-seduta tat-2 ta' Marzu 2006 u li tista' tiġi kkonsultata fuq is-sit ta' l-ENAC “enac-italia.it”.


    Top