Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/183/77

    Kawża T-215/07: Rikors ippreżentat fit- 22 ta' Ġunju 2007 — Donnici vs Il-Parlament Ewropew

    ĠU C 183, 4.8.2007, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 183/40


    Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ġunju 2007 — Donnici vs Il-Parlament Ewropew

    (Kawża T-215/07)

    (2007/C 183/77)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrent: Beniamino Donnici (rappreżentanti: M.Sanino, G.Roberti, I.Perego, P.Salvatore, avukati)

    Konvenut: Il-Parlament Ewropew

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Mejju 2007, dwar il-verifika tas-setgħat tar-rikorrent;

    tiddikjara l-Artikolu 3(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew bħala illegali skond l-Artikolu 241 tat-Trattat KE;

    tikkundanna lill-Parlament Ewropew ibati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża tiddikjara li l-mandat bħala Membru tal-Parlament Ewropew ta' l-Onorevoli Beniamino Donnici huwa invalidu, li l-elezzjoni tiegħu kienet ikkomunikata mill-awtorità nazzjonali kompetenti, u tikkonferma l-validità tal-mandat ta' l-Onorevoli Achille Ochetto.

    F'dan ir-rigward, jiġi enfasizzat li l-Consiglio di Stato, b'sentenza definittiva li saret res judicata, annulla l-proklama bħala Membru tal-Parlament Ewropew ta' l-Onorevoli Achille Ochetto.

    In sostenn tal-pretensjonijiet tiegħu, ir-rikorrent jgħid li l-Parlament Ewropew:

    ma kienx kompetenti biex jiddeċiedi dwar il-validità tal-mandat bħala Membru tal-Parlament Ewropew mogħti lill-Onorevoli Beniamino Donnici;

    kiser l-Artikolu 12 ta' l-Att ta' l-1976, liema liġi ma tippermettilux li jqiegħed in diskussjoni d-deċiżjonijiet mogħtija mill-awtorità nazzjonali fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom;

    applika ħażin l-Artikolu 3(5) tar-Regoli tal-Proċedura, li fil-konfront tiegħu tqajmet eċċezzjoni ta' illegalità sa fejn dan mhuwiex konformi ma' l-Att ta' l-1976. L-istess Regoli tal-Proċedura, bħala sors ta' dritt derivat, ma jistgħux minnhom innifishom jagħtu lill-Parlament Ewropew kompetenzi li mhumiex diġà stabbiliti mill-Att;

    qies b'mod żbaljat li setgħa jiddikjara l-ksur ta' l-Artikolu 6 ta' l-Att ta' l-1976 u barra minn hekk kiser il-prinċipju ta' res judicata billi “applika ħażin” is-sentenzi, issa definittivi, deċiżi fuq il-kwistjoni mill-qrati nazzjonali;

    ma mmotivax b'mod xieraq id-deċiżjoni kkontestata u b'mod partikolari ma spjegax liema huma r-raġunijiet li wassluh sabiex ma jieħux in kunsiderazzjoni l-parir kuntrarju mogħti f'dan ir-rigward mis-Servizz Legali tiegħu.


    Top