EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/183/21

Kawżi magħquda C-231/06 sa 233/06: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal- 21 ta' Ġunju 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour du travail de Bruxelles — Il-Belġju) — Office national des pensions (ONP) vs Emilienne Jonkman, (C-231/06), Hélène Vercheval (C-232/06), u Noëlle Permesaen (C-233/06) vs Office national des pensions (Trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa — Skema statutorja ta' pensjoni — Direttiva 79/7/KEE — Air hostesses — Għoti ta' pensjoni ugwali għal dik ta' stewards — Ħlas f'daqqa ta' kontribuzzjonijiet ta' regolarizzazzjoni — Ħlas ta' interessi — Prinċipju ta' effettività — Obbligi ta' Stat Membru derivanti minn deċiżjoni preliminari)

ĠU C 183, 4.8.2007, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 183/13


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta' Ġunju 2007 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour du travail de Bruxelles — Il-Belġju) — Office national des pensions (ONP) vs Emilienne Jonkman, (C-231/06), Hélène Vercheval (C-232/06), u Noëlle Permesaen (C-233/06) vs Office national des pensions

(Kawżi magħquda C-231/06 sa 233/06) (1)

(Trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa - Skema statutorja ta' pensjoni - Direttiva 79/7/KEE - Air hostesses - Għoti ta' pensjoni ugwali għal dik ta' stewards - Ħlas f'daqqa ta' kontribuzzjonijiet ta' regolarizzazzjoni - Ħlas ta' interessi - Prinċipju ta' effettività - Obbligi ta' Stat Membru derivanti minn deċiżjoni preliminari)

(2007/C 183/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour du travail de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Office national des pensions (ONP), Noëlle Parmesaen (C-233/06)

Konvenuti: Emilienne Jonkman (C-231/06), Hélène Vercheval (C-232/06), Office national des pensions

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour de travail de Bruxelles — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta' Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali (ĠU L 6, p. 24) — Possibbiltà għal mara li ġiet eskluża mis-sistema ta' pensjonijiet iktar favorevoli, li tiġi rreġistrata magħha b'effett retroattiv, bil-kundizzjoni li jsir il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-perijodu ta' reġistrazzjoni kkonċernat f'pagament wieħed flimkien ma' l-imgħaxijiet fuq l-arretrati

Dispożittiv

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta' Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali, meta Stat Membru jadotta liġi li jkollha l-iskop li tippermetti lil persuni ta' sess iddeterminat, oriġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni, li jibbenifikaw għat-tul kollu ta' l-irtirar tagħhom mill-iskema ta' pensjoni applikabbli għall-persuni tas-sess l-ieħor,

ma tipprekludix l-imsemmi Stat Membru milli jissuġġetta din l-affiljazzjoni għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet ta' regolarizzazzjoni li jikkonsistu fid-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni oriġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni matul il-perjodu li fih kien hemm id-diskriminazzjoni u l-kontribuzzjonijiet ogħla mħallsa mill-kategorija l-oħra ta' persuni matul l-istess perjodu, miżjuda bl-interessi biex tiġi kkumpensata l-iżvalutazzjoni monetarja,

tipprekludi, min-naħa l-oħra, lill-imsemmi Stat Membru milli jeħtieġ li l-imsemmi ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta' regolarizzazzjoni jkun miżjud b'interessi oħrajn milli dawk li huma intiżi sabiex jikkumpensaw l-iżvalutazzjoni monetarja,

tipprekludi wkoll li jkun meħtieġ li l-imsemmi ħlas isir f'daqqa, meta din il-kundizzjoni tagħmel ir-regolarizzazzjoni msemmija impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli. B'mod partikolari, dan huwa l-każ meta s-somma li trid titħallas taqbeż il-pensjoni annwali tal-persuna kkonċernata.

2)

Wara li tingħata deċiżjoni preliminari li minnha jirriżulta nuqqas ta' kumpatibbiltà ta' liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru in kwistjoni għandhom jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw l-osservanza tad-dritt Komunitarju, billi b'mod partikolari jassiguraw ruħhom li, fl-inqas żmien possibbli, id-dritt nazzjonali jsir konformi mad-dritt Komunitarju u li d-drittijiet ta' l-individwi taħt id-dritt Komunitarju jkunu jistgħu jiġu invokati.

3)

Meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu t-trattament ugwali, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess skema li tibbenefika minnha l-kategorija l-oħra.


(1)  ĠU C 190 tat-12.8.2006.


Top