EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/170/24

Kawża C-241/07: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir–Riigikohus (Ir-Repubblika ta' l-Estonja) fil- 21 ta' Mejju 2007 — JK Otsa Talu OÜ vs Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

ĠU C 170, 21.7.2007, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 170/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir–Riigikohus (Ir-Repubblika ta' l-Estonja) fil-21 ta' Mejju 2007 — JK Otsa Talu OÜ vs Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

(Kawża C-241/07)

(2007/C 170/24)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Riigikohus (l-Estonja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: JK Otsa Talu OÜ

Konvenuta: Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

Domandi preliminari

1)

Huwa konformi ma' l-għan ta' l-għajnuna għal metodi ta' produzzjoni agrikola li jħarsu l-ambjent, fis-sens ta' l-Artikoli 22 sa 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 (1), tas-17 ta' Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti:

a)

li tkompli tingħata għajnuna biss lil dawk l-applikanti li, fil-kuntest ta' dan il-programm ta' għajnuna, diġà bbenifikaw minn deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna għal miżuri ta' agrikoltura ambjentali matul is-sena finanzjarja preċedenti u li impenjaw irwieħhom li jeżerċitaw agrikoltura ambjentali,

jew

b)

li, f'kull sena finanzjarja, tingħata għajnuna anki lill-applikanti l-ġodda li jkunu lesti li jimpenjaw irwieħhom li jeżerċitaw agrikoltura ambjentali u li, għaldaqstant, jibdlu l-metodi ta' produzzjoni tagħhom skond il-kundizzjonijiet meħtieġa?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens ta' l-alternattiva (b) u jekk fil-kuntest tal-programm ta' għajnuna, ma jkunx hemm fondi disponibbli biżżejjed għall-għoti ta' l-ewwel għajnuna, l-Artikoli 24(1), 37(4), u 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, ikkunsidrati flimkien, jippermettu lil Stat Membru sabiex:

a)

jemenda l-leġiżlazzjoni u l-kundizzjonijiet dwar l-applikazzjoni għal u l-għoti ta' l-għajnuna għal miżuri ta' agrikoltura ambjentali u sabiex jistabbilixxi li l-għajnuna tista' tintalab biss mill-applikanti li, fis-sena finanzjarja preċedenti, ibbenifikaw minn deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna u, għaldaqstant, ikunu marbuta b'impenn li jeżerċitaw metodi ta' produzzjoni li jħarsu l-ambjent,

jew

b)

inaqqas proporzjonalment l-għajnuna mogħtija lill-applikanti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal għajnuna għal miżuri ta' agrikoltura ambjentali?


(1)  ĠU L 160, p. 80.


Top