Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CN0310

    Kawża C-310/24, Elektrorazpredelitelni mrezhi Zapad EAD: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fid-29 ta’ April 2024 – YL vs Elektrorazpredelitelni mrezhi Zapad EAD

    ĠU C, C/2024/4714, 5.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4714/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4714/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/4714

    5.8.2024

    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fid-29 ta’ April 2024 – YL vs Elektrorazpredelitelni mrezhi Zapad EAD

    (Kawża C-310/24, Elektrorazpredelitelni mrezhi Zapad EAD)

    (C/2024/4714)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Qorti tar-rinviju

    Sofiyski rayonen sad

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: YL

    Konvenut: Elektrorazpredelitelni mrezhi Zapad EAD

    Domandi preliminari

    1)

    [Il-kunċett] ta’ “imposti għall-kumpens tat-telf”, fis-sens tal-Artikolu 46(2)(d) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (1) u tal-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (2) għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll l-elettriku kkonsmat iżda mhux irreġistrat mill-istrument tal-kejl jekk l-enerġija mhux irreġistrata jew irreġistrata b’mod mhux preċiż mill-istrument tal-kejl li jkun jinsab għand il-konsumatur:

    a)

    tkun dovuta għal intervent estern;

    b)

    ma tkunx dovuta għal intervent estern;

    u jekk l-operatur tan-network jew il-fornitur tal-elettriku ma jkunux irrimedjaw din il-problema fil-ħin, b’tali mod li l-imposta tkun tinkludi kwantità ta’ elettriku “stmata” għal perijodu ddeterminat mil-liġi li t-tmiem tiegħu jiddependi mill-konstatazzjoni, min-naħa tal-fornitur, ta’ problema teknika ta’ funzjonament?

    2)

    L-obbligu tal-awtorità regolatorja taħt l-Artikolu 59(1)(a) tad-Direttiva 2019/944 għandu jiġi interpretat fis-sens li jiġi osservat il-prinċipju li jeħtieġ l-iffissar ta’ kriterji trasparenti għat-tariffi tat-trasport u tad-distribuzzjoni jew ta’ metodi għall-kalkolu tagħhom, jekk l-ispejjeż tal-operatur tan-network li jikkorrispondu għal kalkolu fil-forma ta’ stima tal-kwantità ta’ telf għal perijodu ta’ tbassir minħabba problema bl-istrument tal-kejl (li ma jwettaqx reġistrazzjonijiet jew li ma jkunx jiffunzjona minn aspett tekniku) jiġu inklużi fit-tariffi, jekk id-difett tal-istrument:

    a)

    ikun dovut għal intervent estern;

    b)

    ma jkunx dovut għal intervent estern;

    u jekk ma jkunx ġie rrimedjat fil-ħin mill-operatur tan-network jew mill-fornitur tal-elettriku li jkun il-proprjetarju tal-istrument tal-kejl?

    3)

    L-Artikolu 18(1) u (7) tar-Regolament 2019/943 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa l-ispejjeż tal-elettriku kkonsmat mill-konsumatur abbażi ta’ konsum tal-elettriku stmat għal perijodu ta’ tbassir, mingħajr ma tiġi eżaminata l-kwantità reali ta’ elettriku użata mill-konsumatur, fil-każ ta’ problema bl-istrument tal-kejl tal-kwantità tal-elettriku li:

    a)

    tkun dovuta għal intervent estern;

    b)

    ma tkunx dovuta għal intervent estern

    4)

    L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsumatur huwa obbligat iħallas kwantità stmata ta’ elettriku għal perijodu ta’ tbassir jekk l-istrument tal-kejl ma jirreġistrax il-kwantità ta’ elettriku reali, jekk ikun jinsab barra l-proprjetà tal-konsumatur u jekk in-nuqqas ta’ kapaċità tal-istrument tal-kejl li jwettaq ir-reġistrazzjonijiet:

    a)

    ikun dovut għal intervent estern;

    b)

    ma jkunx dovut għal intervent estern?

    5)

    L-Artikolu 10(4) tad-Direttiva [2019/944] għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil fornitur jew lil operatur tan-network tal-elettriku jwettqu kalkolu mill-ġdid tal-kwantità tal-elettriku billi jissostitwixxuha bi kwantità tal-elettriku stmata għal perijodu ta’ tbassir, jekk l-istrument tal-kejl ma jiħux kejl preċiż, jekk ikun jinsab barra mill-portata tal-konsumatur u jekk in-nuqqas ta’ kapaċità tal-istrument tal-kejl li jwettaq ir-reġistrazzjonijiet:

    a)

    ikun dovut għal intervent estern;

    b)

    ma jkunx dovut għal intervent estern?


    (1)   ĠU 2019, L 158, p. 125.

    (2)   ĠU 2019, L 158, p. 54.

    (3)   ĠU 2011, L 304, p. 64, rettifika fil-ĠU L, 2024/90093.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4714/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top