Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62024CN0235

    Kawża C-235/24, Niesker : Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit2 ta’ April 2024 – Proċeduri kriminali kontra S.A.H.

    ĠU C, C/2024/3318, 3.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3318/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3318/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/3318

    3.6.2024

    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-2 ta’ April 2024 – Proċeduri kriminali kontra S.A.H.

    (Kawża C-235/24, Niesker  (1) )

    (C/2024/3318)

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    S.A.H.

    Parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

    Domandi preliminari

    1.

    Il-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) sa (4) u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll qorti ordinarja għajr l-awtorità kompetenti prevista fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas, maħtura għall-finijiet ta’ kwistjonijiet legali li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu (2) sa (4) u fl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Qafas, u li tiddeċiedi esklużivament fuq dawn il-kwistjonijiet legali skont proċedura bil-miktub li fiha, fil-prinċipju, ma tintervjenix il-persuna kkundannata?

    2.

    L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikonoxximent skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, qorti nazzjonali maħtura għal dan l-għan fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet inkarigata tevalwa l-aspetti msemmija fl-Artikolu 8(2) sa (4) u fl-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-persuna kkundannata għandha tingħata, minbarra l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fl-Istat emittenti skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, rimedju effettiv fl-Istat eżekuzzjoni?

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

    3.

    L-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tar-rimedju effettiv fl-Istat eżekuzzjoni, huwa biżżejjed li l-persuna kkundannata tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub, qabel ma l-qorti tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni ta’ rikonoxximent, jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni inizjali?

    u

    4.

    L-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna kkundannata li ma jkollhiex riżorsi finanzjarji suffiċjenti u li teħtieġ għajnuna legali sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-ġustizzja għandha tibbenefika mill-għajnuna legali fl-Istat eżekuzzjoni, minkejja li dan ma jkunx previst fil-liġi?

    5.

    Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ modifika ta’ piena jew ta’ miżura minħabba li, min-natura tagħha, tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, ikun hemm lok li jiġi eżaminat liema miżura l-qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni kienet probabbilment tapplika li kieku l-proċeduri żvolġew fl-Istat ta’ eżekuzzjoni jew għandha ssir evalwazzjoni dwar il-portata effettiva tal-miżura fl-Istat emittenti fejn, jekk neċessarju, tiġi mitluba informazzjoni addizzjonali?

    6.

    Kif u sa fejn għandu l-Istat ta’ eżekuzzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi u l-informazzjoni li jiżvolġu wara d-deċiżjoni ta’ rikonoxximent fil-każ ta’ evalwazzjoni ġdida possibbli tal-projbizzjoni tal-aggravazzjoni tal-piena skont l-Artikolu 8(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI?


    (1)  L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

    (2)   ĠU 2008 L 327, p. 27


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3318/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top