Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023TN0287

    Kawża T-287/23: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2023 – Birių Krovinių Terminalas vs Il-Kunsill

    ĠU C 252, 17.7.2023, p. 70–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 252/70


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2023 – Birių Krovinių Terminalas vs Il-Kunsill

    (Kawża T-287/23)

    (2023/C 252/84)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Birių Krovinių Terminalas UAB (Klaipeda, il-Litwanja) (rappreżentant: V. Ostrovskis, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-Artikoli 2g(1) u 2g(1a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2023/421/PESK, sa fejn ir-restrizzjonijiet tagħha dwar it-tranżitu ta’ potassa mill-Bjelorussja u r-restrizzjonijiet dwar il-kapaċità ta’ operaturi tal-Unjoni li jipprovdu, direttament jew indirettament, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja, inkluż derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni b’rabta ma’ dan (flimkien, iktar ’il quddiem, ir-“restrizzjonijiet rilevanti”) jipprojbixxu t-tranżitu ta’ potassa mill-Bjelorussja fit-territorju tal-Litwanja, b’mod partikolari bil-baħar fil-port ta’ Klaipeda;

    tannulla l-Artikolu 1i u l-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus (ĠU 2008, L 352M, p. 432), kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2023/421/PESK, sa fejn ir-restrizzjonijiet rilevanti jipprojbixxu t-tranżitu ta’ potassa mill-Bjelorussja fit-territorju tal-Litwanja, b’mod partikolari bil-baħar fil-port ta’ Klaipeda;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inkluż dawk sostnuti mir-rikorrenti għad-difiża tagħha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-restrizzjonijiet rilevanti stabbiliti bl-atti kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ legalità u ta’ ċertezza legali.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-restrizzjonijiet rilevanti stabbiliti bl-atti kkontestati jiksru l-obbligi tal-WTO li għandha l-Unjoni sa fejn dawn jirrestrinġu t-tranżitu ta’ prodotti fit-territorju tal-Unjoni lil membri oħra tal-WTO bi ksur tal-Artikolu V:2 tal-GATT 1994.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-restrizzjonijiet rilevanti stabbiliti bl-atti kkontestati, sa fejn dawn jipprojbixxu t-tranżitu ta’ potassa mill-Bjelorussja fit-territorju tal-Litwanja, jiksru l-Ftehim dwar il-Kundizzjonijiet għat-Tranżitu ta’ merkanzija mir-Repubblika tal-Bjelorussja bl-użu tal-portijiet u tal-infrastruttura oħra tat-trasport tar-Repubblika tal-Litwanja.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-restrizzjonijiet rilevanti stabbiliti bl-atti kkontestati jiksru l-libertà ta’ tranżitu prevista fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-dritt tal-baħar (UNCLOS).

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt tar-rikorrenti li teżerċita negozju u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.


    Top