This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CO0097
Order of the President of the Court of 21 July 2023.#WhatsApp Ireland Ltd v European Data Protection Board.#Appeal – Application to intervene – Article 40, second paragraph, of the Statute of the Court of Justice of the European Union – Interest in the result of the case – Trade association – Rejection.#Case C-97/23 P.
Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2023.
WhatsApp Ireland Ltd vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Appell – Talba għal intervent – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Assoċjazzjoni professjonali – Ċaħda.
Kawża C-97/23 P.
Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2023.
WhatsApp Ireland Ltd vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Appell – Talba għal intervent – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Assoċjazzjoni professjonali – Ċaħda.
Kawża C-97/23 P.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:608
DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
21 ta’ Lulju 2023 ( *1 )
“Appell – Talba għal intervent – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Assoċjazzjoni professjonali – Ċaħda”
Fil-Kawża C‑97/23 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑17 ta’ Frar 2023,
WhatsApp Ireland Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn H.‑G. Kamann, Rechtsanwalt, F. Louis u A. Vallery, avocats, B. Johnston, C. Monaghan, P. Nolan, solicitors, D. McGrath, SC, P. Sreenan, SC, kif ukoll E. Egan McGrath, BL, u C. Geoghegan, BL,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, irrappreżentat minn C. Foglia, M. Gufflet, G. Le Grand u I. Vereecken, bħala aġenti, assistiti minn G. Haumont, E. de Lophem, G. Ryelandt u P. Vernet, avocats,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li ra l-proposta ta’ T. von Danwitz, Imħallef Relatur,
wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, T. Ćapeta,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
Permezz tal-appell tagħha, ir-rikorrenti, WhatsApp Ireland Ltd., titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Diċembru 2022, WhatsApp Ireland vs Il‑Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (T‑709/21, EU:T:2022:783), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni 1/2021 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat‑28 ta’ Lulju 2021, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”), wara investigazzjoni mmexxija mid-Data Protection Commission (l-Awtorità ta’ Sorveljanza fil-Qasam tal-Protezzjoni tad-Data Personali tal-Persuni Fiżiċi, l-Irlanda), bis-saħħa tal-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tat-trattament transkonfinali ta’ WhatsApp Ireland fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi tagħha fl-Unjoni Ewropea. |
2 |
Permezz ta’ att sottomess fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Mejju 2023, il-Computer & Communications Industry Association (iktar ’il quddiem iċ-“CCIA”), assoċjazzjoni internazzjonali li tiġbor fiha l-impriżi attivi fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, talbet, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) ta’ dawn ir-regoli, titħalla tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet ta’ WhatsApp Ireland. |
3 |
Insostenn tat-talba tagħha, iċ-CCIA tfakkar il-kundizzjonijiet magħmula mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari mid-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2023, Illumina vs Il‑Kummissjoni (C‑611/22 P, EU:C:2023:205, punt 10) u mid-digriet tat‑23 ta’ Settembru 2019, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (T‑604/18, EU:T:2019:743, punt 51), dwar id-dritt ta’ intervent tal-assoċjazzjonijiet professjonali, li skontha assoċjazzjoni tista’ tiġi ammessa tintervjeni f’kawża jekk, l-ewwel, hija tirrappreżenta numru kbir ta’ impriżi attivi fis-settur ikkonċernat, jekk, it-tieni, l-għan tagħha jinkludi l-protezzjoni tal-interessi tal-membri tagħha, jekk, it-tielet, il-kawża tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jaffettwaw il-funzjonament tas-settur ikkonċernat u jekk, għalhekk, ir-raba’, l-interessi tal-membri tagħha jistgħu jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv mis-sentenza li għandha tingħata. |
4 |
F’dan ir-rigward, iċ-CCIA tirrileva, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni kundizzjonijiet magħmula minn din il-ġurisprudenza, li d-deċiżjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR, jistgħu japplikaw biss f’każijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali li jkun ta’ natura transkonfinali, fejn tali pproċessar tipikament jitwettaq minn kumpanniji ta’ teknoloġija prinċipali, li fosthom numru kbir huwa membru taċ-CCIA. Barra minn hekk, diġà ġie rrikonoxxut mill-qrati tal-Unjoni li l-għan ta’ din l-assoċjazzjoni jinkludi l-protezzjoni tal-interessi tal-membri tagħha. |
5 |
Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni magħmula mill-imsemmija ġurisprudenza, iċ-CCIA tfakkar li din il-kawża tqajjem il-kwistjoni dwar jekk kumpannija kkonċernata minn deċiżjoni tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR, għandhiex id-dritt li tikkontesta tali deċiżjoni direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni. Issa, id-deċiżjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huma vinkolanti fir-rigward tal-awtorità superviżorja ewlenija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fejn għalhekk din tal-aħħar tista’ tkun meħtieġa tikkonkludi li ċertu ġir tal-kumpannija kkonċernata jikkostitwixxi ksur tal-GDPR u żżid l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, fejn tali multa jkollha natura ta’ sanzjoni kriminali, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. |
6 |
Il-fatt li l-kumpannija kkonċernata tiġi mċaħħda d-dritt li tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fid-digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2022, WhatsApp Ireland vs Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (T‑709/21, EU:T:2022:783), ikollu bħala effett li jċaħħad lil din il-kumpannija mid-dritt tagħha għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, hekk kif iggarantit minn dan l-Artikolu 6 u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tobbliga lil tali kumpannija tippreżenta rikors quddiem il-qrati nazzjonali, li ma jkollhomx is-setgħa li jannullaw att tal-Unjoni, iżda jkollhom l-iżjed il-possibbiltà li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-każ li jkun hemm dubju dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Issa, il-proċedura preliminari ma tistax tissostitwixxi rikors għal annullament, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kompetenza sħiħa fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi, filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jqajmu kwistjonijiet fattwali kumplessi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-kawża tqajjem kwistjonijiet importanti għaċ-CCIA u l-membri tagħha. |
7 |
Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni magħmula mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 3 ta’ dan id-digriet, iċ-CCIA ssostni li l-eżitu ta’ din il-proċedura jista’ jaffettwa l-funzjonament tas-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u b’mod partikolari taffettwa lill-membri tagħha, sa fejn is-servizzi u l-prodotti li joffru jinvolvu, min-natura tagħhom, ipproċessar ta’ data personali transkonfinali. B’hekk dan is-settur huwa partikolarment ikkonċernat mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR u għaldaqstant mid-deċiżjonijiet tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. |
8 |
Wara n-notifika tal-partijiet mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) tal-istess regoli, tat-talba għal intervent imressqa miċ-CCIA, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ssottometta osservazzjonijiet dwar din it-talba fit-terminu stabbilit filwaqt li talab għaċ-ċaħda ta’ din it-talba. |
9 |
Barra minn hekk, permezz ta’ ittri sottomessi fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Mejju u l‑1 ta’ Ġunju 2023, WhatsApp Ireland u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, rispettivament, fuq il-bażi tal-Artikolu 131 tar-Regoli tal-Proċedura, talbu li jingħata trattament kunfidenzjali fir-rigward taċ-CCIA, għal ċerti siltiet mill-annessi tal-appell u tar-risposta. |
Fuq it‑talba għal intervent
10 |
Skont it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kull persuna li tiġġustifika interess fis-soluzzjoni ta’ tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief f’tilwima bejn l-Istati Membri, bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew bejn dawn l-Istati u dawn l-istituzzjonijiet, għandha d-dritt li tintervjeni f’din it-tilwima. |
11 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tas-suġġett innifsu tat-tilwima u għandu jinftiehem li jfisser interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet innifishom, u mhux interess fir-rigward tal-motivi mqajma jew tal-argumenti invokati. Fil-fatt, il-kliem “soluzzjoni tat-tilwima” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, kif stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza jew tad-digriet li għandu jingħata (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Settembru 2022, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni, C‑48/22 P, EU:C:2022:667, punt 6, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
12 |
F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi vverifikat jekk min iressaq it-talba għal intervent huwiex affettwat direttament mill-att ikkontestat u jekk l-interess tiegħu fl-eżitu tat-tilwima huwiex wieħed ċert. Issa, bħala prinċipju, interess fis-soluzzjoni tat-tilwima jista’ jitqies li huwa suffiċjentement dirett biss sa fejn din is-soluzzjoni tkun ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni ġuridika ta’ min iressaq it-talba għal intervent (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Settembru 2022, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni, C‑48/22 P, EU:C:2022:667, punt 7, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
13 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li assoċjazzjoni professjonali rappreżentattiva, li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-interessi tal-membri tagħha, tista’ titħallas tintervjeni meta t-tilwima tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jistgħu jaffettwaw l-imsemmija interessi. Għaldaqstant, ir-rekwiżit li tali assoċjazzjoni għandu jkollha interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima għandu jitqies li huwa ssodisfatt fejn din l-assoċjazzjoni tistabbilixxi li hija tinsab f’tali sitwazzjoni, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-soluzzjoni tat-tilwima hijiex ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni ġuridika tal-assoċjazzjoni bħala tali (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2023, Illumina vs Il‑Kummissjoni, C‑611/22 P, EU:C:2023:205, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
14 |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal intervent favur assoċjazzjonijiet professjonali rappreżentattivi għandha l-għan li tippermetti li jinftiehem aħjar il-kuntest li fih jidħlu l-kawżi sottomessi lill-Qorti tal-Unjoni filwaqt li jiġu evitati interventi individwali multipli li jikkompromettu l-effikaċja u l-iżvolġiment it-tajjeb tal-proċedura. Madankollu, b’differenza minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaġixxu f’isimhom stess, l-assoċjazzjonijiet professjonali rappreżentattivi jistgħu jitolbu li jintervjenu f’tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiddefendu l-interessi kollettivi tal-membri tagħhom u mhux sabiex jiddefendu l-interessi individwali. Fil-fatt, l-intervent ta’ tali assoċjazzjoni joffri perspettiva ġenerali ta’ dawn l-interessi kollettivi, affettwati minn kwistjoni ta’ prinċipju li minnha tiddependi s-soluzzjoni tat-tilwima, u huwa għalhekk ta’ natura li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa aħjar il-kuntest li fih kawża titressaq quddiemha (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2023, Illumina vs Il‑Kummissjoni, C‑611/22 P, EU:C:2023:205, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
15 |
Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 13 ta’ dan id-digriet u, b’mod iktar preċiż, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, assoċjazzjoni tista’ tiġi ammessa tintervjeni f’kawża jekk, l-ewwel, hija tirrappreżenta numru kbir ta’ impriżi attivi fis-settur ikkonċernat, jekk, it-tieni, l-għan tagħha jinkludi l-protezzjoni tal-interessi tal-membri tagħha, jekk, it-tielet, il-kawża tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jaffettwaw il-funzjonament tas-settur ikkonċernat u jekk, għalhekk, ir-raba’, l-interessi tal-membri tagħha jistgħu jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv mis-sentenza li għandha tingħata (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2023, Illumina vs Il‑Kummissjoni, C‑611/22 P, EU:C:2023:205, punt 10). |
16 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li t-talba għal intervent li hija s-suġġett tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2023, Illumina vs Il‑Kummissjoni (C‑611/122 P, EU:C:2023:205), ġiet ammessa fid-dawl tal-fatt li t-tilwima inkwistjoni setgħet kellha “influwenza partikolari” fuq tliet setturi li l-Kummissjoni kienet semmiet, b’mod espliċitu, fil-linji gwida tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni li l-interpretazzjoni u l-portata tagħha kienu fil-qalba tal-imsemmija tilwima, fosthom is-settur speċifiku li fih il-membri tal-assoċjazzjoni li talbet tintervjeni kienu attivi (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2023, Illumina vs Il‑Kummissjoni, C‑611/22 P, EU:C:2023:205, punti 15 sa 17). B’hekk, hemm lok li jiġi spjegat li assoċjazzjoni li titlob li tintervjeni f’tilwima ma tistax tistabbilixxi li l-ewwel u t-tielet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 15 ta’ dan id-digriet huma ssodisfatti billi tillimita ruħha tinvoka l-fatt li t-tilwima tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jirrigwardaw is-settur li fih il-membri tagħha huma attivi, f’ċirkustanzi fejn dawn il-kwistjonijiet jaffettwaw ukoll numru importanti ta’ setturi oħra ta’ attività. Li kieku kien mod ieħor, l-għan imsemmi fil-punt 14 ta’ dan id-digriet li jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġu evitati interventi multipli, jiġi kompromess. Għaldaqstant tali assoċjazzjoni għandha turi, barra minn hekk, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u kredibbli, li s-settur li fih il-membri tagħha huma attivi huwa affettwat b’mod kwalitattivament differenti meta mqabbel ma’ dawn is-setturi l-oħra. |
17 |
Issa, f’dan il-każ, iċ-CCIA ma stabbilixxietx li s-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huwa s-“settur ikkonċernat” mill-kwistjoni ta’ prinċipju mqajma mit-tilwima preżenti fis-sens li l-eżitu tat-tilwima jaffettwa l-funzjonament tal-imsemmi settur b’mod kwalitattivament differenti meta mqabbel ma’ setturi oħra ta’ attività. |
18 |
Ċertament huwa minnu li s-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huwa kkonċernat mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR, sa fejn is-servizzi u l-prodotti li joffru l-impriżi ta’ dan is-settur jinvolvu pproċessar ta’ data personali ta’ natura transkonfinali. |
19 |
Madankollu, kif josserva ġustament il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal intervent, dawn il-proċeduri jikkonċernaw is-setturi kollha ta’ attività li fihom l-impriżi jipproċessaw kwantitajiet kbar ta’ data personali, u dan fi Stati Membri differenti. Issa, iċ-CCIA llimitat ruħha tinvoka l-konsegwenzi għall-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jkollu l-eżitu ta’ din it-tilwima, b’mod partikolari sa fejn jista’, essenzjalment, isolvi l-kwistjoni ta’ prinċipju dwar jekk deċiżjoni meħuda mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data taħt l-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR tbiddilx is-sitwazzjoni legali tal-kumpannija li d-data tagħha tinsab inkwistjoni, b’tali mod li din tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat minn din il-kumpannija. |
20 |
Hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn il-konsegwenzi jaffettwaw lill-impriżi f’kull settur li jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura taħt l-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR. Issa, iċ-CCIA ma esponietx ir-raġunijiet għalfejn it-tweġiba li tista’ tingħata lill-imsemmija kwistjoni ta’ prinċipju, dwar in-natura kontestabbli tad-deċiżjonijiet adottati taħt din id-dispożizzjoni, taffettwa oġġettivament l-interessi tal-impriżi attivi fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni b’mod kwalitattivament differenti meta mqabbel ma’ dawk attivi f’setturi oħra, li jipproċessaw, huma wkoll, kwantitajiet kbar ta’ data personali. |
21 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li ċ-CCIA ma stabbilixxietx li għandha interess fis-soluzzjoni tat-tilwima, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li, għalhekk, it-talba tagħha għal intervent għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali
22 |
Sa fejn it-talba għal intervent taċ-CCIA hija miċħuda, it-talba għal trattament kunfidenzjali fformulata konġuntament minn WhatsApp Ireland u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, fir-rigward ta’ din l-assoċjazzjoni, saret mingħajr skop, fejn għalhekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba. |
Fuq l-ispejjeż
23 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li t-talba għal intervent taċ-CCIA ma ntlaqgħetx u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ma talabx li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li jiġi deċiż li ċ-CCIA u l-Bord ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mat-talba għal intervent taċ-CCIA. |
Għal dawn il-motivi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.