This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0588
Judgment of the Court (Tenth Chamber) of 16 January 2025.#Scai Srl v Regione Campania.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale Amministrativo Regionale della Campania.#Reference for a preliminary ruling – Recovery of unlawful and incompatible aid – Regulation (EU) 2015/1589 – Article 16 – Beneficiary of individual aid identified in the European Commission recovery decision – Implementation of the recovery decision – Transfer of the aid to another undertaking after the recovery decision – Economic continuity – Assessment – Competent authority – Extension of the recovery obligation to the actual beneficiary – Audi alteram partem rule – Articles 41 and 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union.#Case C-588/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-16 ta’ Jannar 2025.
Scai Srl vs Regione Campania.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale della Campania.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 16 – Benefiċjarju ta’ għajnuna individwali identifikat fid-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni Ewropea – Eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru – Trasferiment tal-għajnuna lil impriża oħra wara d-deċiżjoni ta’ rkupru – Kontinwità ekonomika – Evalwazzjoni – Awtorità kompetenti – Estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru għall-benefiċjarju effettiv – Prinċipju ta’ kontradittorju – Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-588/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-16 ta’ Jannar 2025.
Scai Srl vs Regione Campania.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale della Campania.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 16 – Benefiċjarju ta’ għajnuna individwali identifikat fid-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni Ewropea – Eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru – Trasferiment tal-għajnuna lil impriża oħra wara d-deċiżjoni ta’ rkupru – Kontinwità ekonomika – Evalwazzjoni – Awtorità kompetenti – Estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru għall-benefiċjarju effettiv – Prinċipju ta’ kontradittorju – Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża C-588/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:23
*A9* Tribunale Amministrativo Regionale della Campania, ordinanza del 18/09/2023 (05138/2023 ; 02365/2023)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)
16 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 16 – Benefiċjarju ta’ għajnuna individwali identifikat fid-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni Ewropea – Eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru – Trasferiment tal-għajnuna lil impriża oħra wara d-deċiżjoni ta’ rkupru – Kontinwità ekonomika – Evalwazzjoni – Awtorità kompetenti – Estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru għall-benefiċjarju effettiv – Prinċipju ta’ kontradittorju – Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑588/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale della Campania (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Campania, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Settembru 2023, fil-proċedura
Scai Srl
vs
Regione Campania,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias, President ta’ Awla, I. Jarukaitis, il-President tar-Raba’ Awla, u Z. Csehi (Relatur), Imħallef,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Scai Srl, minn A. Raviele u L. Visone, avvocati, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė, B. Stromsky u F. Tomat, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 108, 263 u 288 TFUE, tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 16 u 31 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Scai Srl u r-Regione Campania (ir-reġjun ta’ Campania, l-Italja) dwar l-obbligu impost fuq Scai li tirrimborsa l-ammont li jikkorrispondi għal għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern li kienet ibbenefikat minnu inizjalment kumpannija oħra. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament 2015/1589
3 |
Il-premessa 25 tar-Regolament 2015/1589 tistipula: “F’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi li ma tkunx kompatibbli mas-suq intern, għandha terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva. Għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tiġi rkuprata mingħajr dewmien. Huwa xieraq li tiġi rkuprata f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali. L-applikazzjoni ta’ dawk il-proċeduri m’għandhiex, billi tipprevjeni l-esekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni [Ewropea], timpedixxi li terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva. Biex jinkiseb dan ir-riżultat, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun effettiva”. |
4 |
Taħt il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura dwar l-għajnuna notifikata”, l-Artikolu 9 tiegħu, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tingħalaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu: “Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m’hijiex kompatibbli mas-suq intern, għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ (‘deċiżjoni negattiva’)”. |
5 |
Il-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, dwar il-proċeduri fil-qasam tal-għajnuna illegali, jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikoli 16 u 17 tiegħu. |
6 |
L-Artikolu 16 tal-istess regolament, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jipprevedi: “1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (‘deċiżjoni għall-rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal- Unjoni. […] 3. Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal- Unjoni skont l-Artikolu 278 [TFUE], irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir b’mod immedjat u effettiv. Għal dan il-għan u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri provviżorji, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni”. |
7 |
L-Artikolu 31 tar-Regolament 2015/1589, intitolat “Destinatarju tad-deċiżjonijiet”, jipprovdi: “1. Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 7(7), l-Artikolu 8(1) u (2) u l-Artikolu 9(9) għandhom ikunu indirizzati lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni lid-destinatarju mingħajr dewmien u għandha tagħti lid-destinatarju l-opportunità li jindika lill-Kummissjoni liema informazzjoni jqis li għandha tkun koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali. 2. Id-deċiżjonijiet l-oħra kollha meħuda skont il-Kapitoli II, III, V, VI u IX għandhom ikunu indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. […]” |
8 |
Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/1589 imsemmija fil-punti 4 sa 7 ta’ din is-sentenza ġew riprodotti minn dawk li kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-artikolu 108 [TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat‑22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 204, p. 15), li r-Regolament 2015/1589 ħassar. |
L‑avviż dwar l‑irkupru
9 |
It-Taqsima 4.3 tal-Avviż tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Lulju 2019 dwar l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat (ĠU 2019, C 247, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar l-irkupru”), dwar l-“identifikazzjoni tal-benefiċjarji li trid tinġabar l-għajnuna mingħandhom”, tipprovdi, fil-punt 83 tagħha: “Għajnuna illegali u li jinstab li tkun inkompatibbli mas-suq intern trid tiġi rkuprata mill-benefiċjarji li effettivament ibbenefikaw minnha […]. Meta l-benefiċjarji tal-għajnuna ma jiġux identifikati fid-deċiżjoni ta’ rkupru, l-Istat Membru kkonċernat jeħtieġlu iħares lejn is-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata […]” |
10 |
It-Taqsima 4.3.2 tal-avviż dwar l-irkupru, intitolata “Estensjoni tal-ordni ta’ rkupru; kontinwità ekonomika”, tinkludi s-silta li ġejja:
4.3.2.1 Il-patt dwar l-assi
|
Id‑dritt Taljan
11 |
L-Artikolu 48 tal-legge n. 234 – Norme generali sulla partecipazione dell’Italia alla formazione e all’attuazione della normativa delle politiche dell’Unione europea (il-Liġi Nru 234 li tistabbilixxi regoli ġenerali dwar il-parteċipazzjoni tal-Italja fit-taħriġ u fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-Unjoni Ewropea) tal‑24 ta’ Diċembru 2012 (GURI Nru 3 tal‑4 ta’ Jannar 2013), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 234/2012”), intitolat “Proċeduri ta’ rkupru”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Il-kumpannija Equitalia SpA għandha tiġbor l-ammonti dovuti permezz tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament [2015/1589], indipendentement mill-forma tal-għajnuna u tal-entità li tkun tatha. 2. Wara n-notifika ta’ deċiżjoni ta’ rkupru msemmija fil-paragrafu 1, permezz ta’ digriet li għandu jiġi adottat f’terminu ta’ ħamsa u erbgħin jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni, il-ministru kompetenti f’dan il-qasam għandu jinnomina, jekk ikun il-każ, lill-persuni responsabbli għar-rimbors tal-għajnuna, jistabbilixxi l-ammonti dovuti u jiddetermina l-modalitajiet u t-termini tal-ħlas. Meta jkun hemm diversi amministrazzjonijiet kompetenti, il-President tal-Kunsill tal-Ministri għandu jaħtar, permezz ta’ digriet, f’terminu ta’ ħmistax-il jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ rkupru, amministratur straordinarju, sabiex jidentifika fi ħdan l-amministrazzjonijiet li taw l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ rkupru jew dawk li huma territorjalment ikkonċernati mill-miżuri ta’ għajnuna, u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru msemmija fil-paragrafu 1. L-amministratur straordinarju għandu jidentifika, permezz ta’ deċiżjoni tiegħu stess, fi żmien ħamsa u erbgħin jum wara d-digriet tal-ħatra, il-persuni obbligati li jirrimborsaw l-għajnuna, jistabbilixxi l-ammonti dovuti u jiddetermina l-modalitajiet u t-termini għall-ħlas. L-amministrazzjonijiet li jkunu taw l-għajnuna li hija s-suġġett tal-proċedura ta’ rkupru għandhom jipprovdu mingħajr dewmien lill-amministratur straordinarju, fuq talba tiegħu, id-data u kull element ieħor neċessarju għall-eżekuzzjoni tajba tad-deċiżjoni ta’ rkupru msemmija fil-paragrafu 1. L-amministratur straordinarju ma għandu dritt għal ebda remunerazzjoni. L-amministratur straordinarju għandu jeżerċita l-attivitajiet marbuta mal-missjoni li ġiet fdata lilu bir-riżorsi umani, finanzjarji u materjali tal-amministrazzjonijiet kompetenti, previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Id-digriet tal-Ministru kompetenti, id-deċiżjoni tal-amministratur straordinarju u d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 jikkostitwixxu titoli eżekuttivi kontra d-destinatarji tagħhom. 3. Fil-każijiet fejn l-awtorità kompetenti ma tkunx l-Istat, id-deċiżjoni li tidentifika l-persuni obbligati jirrimborsaw l-għajnuna, li tistabbilixxi l-ammonti dovuti u li tiddetermina l-modalitajiet u t-termini għall-ħlas għandha tiġi adottata mir-Reġjun, mill-provinċja awtonoma jew mill-awtorità territorjali kompetenti. L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu mill-konċessjonarju tal-ġbir tad-dħul tal-entità territorjali kkonċernata”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
12 |
Buonotourist Srl hija kumpannija privata li kienet tiġġestixxi servizzi ta’ trasport pubbliku lokali abbażi ta’ konċessjonijiet reġjonali u komunali. |
13 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2012, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) irrikonoxxa d-dritt ta’ Buonotourist li tirċievi kumpens addizzjonali ta’ servizz pubbliku għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-karozza tal-linja abbażi ta’ konċessjonijiet maħruġa mir-Reġjun ta’ Campania, għas-snin 1996 sa 2002, ikkwantifikat għal EUR 1 111 572.00 bl-interessi. |
14 |
Fil‑5 ta’ Diċembru 2012, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, għajnuna mill-Istat li tikkonsisti fl-għoti lil Buonotourist tal-kumpens addizzjonali msemmi fil-punt preċedenti, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tas‑7 ta’ Novembru 2012. L-għajnuna tħallset lil Buonotourist mir-Reġjun ta’ Campania fil‑21 ta’ Diċembru 2012. |
15 |
Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. |
16 |
Fid‑19 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2015/1075 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35843 (2014/C) (ex 2012/NN) mogħtija mill-Italja – Kumpens addizzjonali rigward obbligi ta’ servizz pubbliku favur Buonotourist (ĠU 2015, L 179, p. 128), li permezz tagħha hija kkonstatat li l-kumpens addizzjonali mogħti lil Buonotourist, b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tas‑7 ta’ Novembru 2012, kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkompatibbli mas-suq intern, mogħtija lil din il-kumpannija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, u ordnat lill-awtoritajiet Taljani jirkuprawha mingħand din tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Jannar 2015”). |
17 |
Buonotourist ippreżentat, quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Jannar 2015. Dak ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Buonotourist vs Il‑Kummissjoni (T‑185/15, EU:T:2018:430). L-appell ippreżentat minn Buonotourist ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il‑Kummissjoni (C‑586/18 P, EU:C:2020:152). |
18 |
Bis-saħħa ta’ att ta’ diviżjoni parzjali ta’ impriża li seħħ fil‑21 ta’ Lulju 2011, Buonotourist TPL issostitwixxiet lil Buonotourist fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ għoti provviżorju dwar rotta ta’ trasport reġjonali bil-karozzi tal-linja. Bis-saħħa ta’ att ieħor ta’ diviżjoni ta’ impriża li seħħ fil‑21 ta’ Ottubru 2013, Autolinee Buonotourist TPL Srl issostitwixxiet ruħha għal Buonotourist TPL fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt ta’ għoti provviżorju. Abbażi ta’ kuntratt ta’ kiri-amministrazzjoni konkluż fl‑10 ta’ Mejju 2019, li ntemm fl‑1 ta’ Lulju 2021, Autolinee Buonotourist TPL kriet lil Scai l-fergħa ta’ attività li tinkludi, fost l-oħrajn, il-kuntratti ta’ servizz, il-persunal u l-karozzi tal-linja għall-operat ta’ servizzi minimi ta’ trasport pubbliku lokali. Sabiex jitkompla s-servizz ta’ trasport pubbliku lokali, ir-reġjun ta’ Campania fda l-eżekuzzjoni tas-servizz lil AIR Campania, li hija żżomm parzjalment. Din il-kumpannija akkwistat mingħand Scai l-mezzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-servizz. |
19 |
Buonotourist, Buonotourist TPL u Autolinee Buonotourist TPL ġew iddikjarati falluti matul il-perjodu 2018–2020. |
20 |
Wara li pprova mingħajr suċċess jirkupra l-għajnuna mill-Istat imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Jannar 2015 mingħand Buonotourist, Buonotourist TPL u Autolinee Buonotourist TPL, ir-reġjun ta’ Campania ordna lil Scai, permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Frar 2023, tirrimborsa din l-għajnuna, billi bbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn Buonotourist u din tal-aħħar (iktar ’il quddiem l-“ordni ta’ rkupru”). |
21 |
Scai ppreżentat rikors kontra l-ordni ta’ rkupru quddiem it-Tribunale amministrativo regionale della Campania (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Campania, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, billi invokat b’mod partikolari ksur tal-Artikoli 108, 109 u 288 TFUE, ksur tal-Artikolu 48 tal-Liġi Nru 234/2012, eċċess ta’ poter u ksur tal-avviż dwar l-irkupru. |
22 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Scai sostniet, qabelxejn, li r-reġjun ta’ Campania, billi ħareġ l-ordni ta’ rkupru, kien eżerċita illegalment il-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni. Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Jannar 2015 kienet indirizzata, skont Scai, lil destinatarji preċiżi, jiġifieri r-Repubblika Taljana u Buonotourist, ir-reġjun ta’ Campania estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’hekk kiser l-Artikolu 288 TFUE u l-avviż dwar l-irkupru. |
23 |
Scai żiedet li, b’dan il-mod, l-ordni ta’ rkupru kienet ġiet adottata b’riferiment għal proċedura li kienet żvolġiet quddiem il-Kummissjoni u li fiha hija ma kinitx ipparteċipat. Barra minn hekk, hija qieset li kienet ġiet imċaħħda mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li hija ma setgħetx tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Jannar 2015, li ma kinitx id-destinatarja tagħha. Hija tenfasizza li hija la setgħet tiddeċiedi dwar l-eżistenza tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, la dwar il-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern, u lanqas dwar il-legalità tal-estensjoni tal-ordni ta’ rkupru. |
24 |
Sussegwentement, Scai ċaħdet l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejnha u Autolinee Buonotourist TPL, liema kontinwità ma tistax tiġi dedotta, fil-fehma tagħha, miċ-ċirkustanza li din il-kumpannija tal-aħħar kienet kritilha qasam ta’ attività. |
25 |
Scai kkontestat ukoll l-idea li hija kisbet, permezz tal-kuntratt ta’ kiri-amministrazzjoni, vantaġġ antikompetittiv, peress li ebda xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk tas-suq ma seta’ jiġi kkonstatat. B’mod partikolari, il-kiri tal-qasam tal-attività ta’ Autolinee Buonotourist TPL, li kien diġà ntemm fis sena 2021, kien ġie konkluż għal kera raġonevoli, fid-dawl tal-għan limitat tal-kuntratt ta’ kiri, u, fi tmiem il-kuntratt, Scai ma żammet ebda beni materjali jew immaterjali ta’ sid il-kera. |
26 |
Bħala difiża, ir-reġjun ta’ Campania jsostni quddiem il-qorti tar-rinviju li huwa kellu kompetenza sabiex jadotta l-ordni ta’ rkupru fil-konfront tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali peress li kienu jeżistu indizji oġġettivi u suġġettivi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn il-kumpanniji kkonċernati preċedentement u Scai, bħalma jirriżulta mill-iskambji tagħha mal-Kummissjoni. Fil-fatt, Scai kisbet, skont il-kuntratt ta’ kiri-amministrazzjoni, id-dritt li tuża l-assi tanġibbli u intanġibbli kollha neċessarji għall-eżerċizzju tal-attività tal-kumpannija li inizjalment ibbenefikat mill-għajnuna, kif ukoll dritt ta’ għażla u ta’ prelazzjoni, li jiżguralha, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tkun ipprivileġġata fil-każ ta’ bejgħ ta’ Autolinee Buonotourist TPL. |
27 |
Ir-reġjun ta’ Campania ppreċiża li huwa kellu d-dritt li jestendi l-portata suġġettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Jannar 2015 peress li mill-Artikolu 48(2) u (3) tal-Liġi Nru 234/2012 jirriżulta li, wara deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni, il-Ministru kompetenti fil-qasam jew l-awtorità territorjali kompetenti għandu jinnomina, jekk ikun il-każ, il-persuni obbligati li jirrimborsaw l-għajnuna. |
28 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-konformità mal-Artikoli 108 u 288 TFUE kif ukoll mar-Regolament 2015/1589 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta l-Kummissjoni tkun identifikat fid-deċiżjoni ta’ rkupru tagħha l-impriża li għandha tirrimborsa l-għajnuna inkwistjoni, jestendu l-kwalità ta’ benefiċjarja tal-għajnuna minħabba li teżisti kontinwità ekonomika bejn din l-impriża identifikata fid-deċiżjoni ta’ rkupru u l-impriża li fir-rigward tagħha titwettaq din l-estensjoni. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni kif previsti mid-dritt tal-Unjoni, peress li, fil-każ fejn dik l-istituzzjoni tkun indirizzat deċiżjoni ta’ rkupru lil destinatarju partikolari, hija biss l-imsemmija istituzzjoni li tkun tista’ tiddeċiedi dwar estensjoni eventwali ġġustifikata minn kontinwità ekonomika. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li, jekk l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ estensjoni titħalla fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, fil-każ fejn id-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ rkupru jkun ġie identifikat eżattament mill-Kummissjoni, din il-possibbiltà tmur lil hinn mis-sempliċi eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-qorti nazzjonali, li hija inkarigata mill-istħarriġ tal-legalità tal-att nazzjonali ta’ rkupru, indirettament tistħarreġ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni. |
30 |
Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa kienu jirrigwardaw il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika, iżda mhux il-kwistjoni dwar liema hija l-awtorità kompetenti sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ tali kontinwità ekonomika. Madankollu, hija tagħmel riferiment għal ċerti deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni li jestendu l-kamp tal-benefiċjarji minħabba trasferiment ta’ assi u tirrileva, f’dan ir-rigward, li dawn id-deċiżjonijiet juru li, meta l-kontinwità ekonomika tiġi dedotta, bħal f’dan il-każ, minn ftehim ta’ trasferiment tal-assi, id-deċiżjoni ta’ estensjoni korrispondenti dejjem ġiet adottata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija ma tistaqsix dwar jekk il-kundizzjoni ta’ kontinwità ekonomika hijiex issodisfatta f’dan il-każ. |
31 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li, f’dan il-każ, il-fatt li kien hemm skambji bejn l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-Kummissjoni ma jfissirx li din eżerċitat is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha, peress li dawn l-iskambji ma ħadux il-forma ta’ atti vinkolanti, iżda ta’ sempliċi noti redatti, barra minn hekk, f’termini dubjużi u li jagħmlu riferiment għall-ħtieġa ta’ investigazzjoni fattwali iktar fil-fond. |
32 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-garanziji proċedurali previsti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju tal-kontradittorju u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbilita skont hi fl-Artikolu 41 tal-Karta, kif ukoll mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tagħha. Hija tirrileva li, quddiemha, Scai sostniet li, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kompetenzi tal-Kummissjoni, hija ġiet imċaħħda mill-garanziji proċedurali, kemm f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni, kif ukoll meta hija stess ġiet koperta mill-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna, sa fejn l-uniku interlokutur tagħha kien l-awtorità nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-possibbiltà, għal parti fis-sitwazzjoni ta’ Scai, li tikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-atti tal-awtorità nazzjonali ma hijiex biżżejjed sabiex tiżgura lill-persuna kkonċernata l-osservanza tal-garanziji proċedurali stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li dan jimplika li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika, li taqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni biss. |
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale della Campania (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Campania) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id‑domandi preliminari
34 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 108 u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Artikoli 16 u 31 tar-Regolament 2015/1589, kif ukoll l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fis-sitwazzjoni fejn deċiżjoni tal-Kummissjoni tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mingħand benefiċjarju li hija tidentifika, huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-missjoni tagħhom ta’ eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, jistgħu jordnaw l-irkupru ta’ din l-għajnuna mingħand impriża oħra minħabba l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn din tal-aħħar u l-benefiċjarja tal-għajnuna identifikata fl-imsemmija deċiżjoni. |
35 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jipprevedi li deċiżjoni “għandha torbot fl-intier tagħha” u li, meta “tispeċifika lil min hija indirizzata”, hija vinkolanti għalihom biss. |
36 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 31 tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jikkonstataw l-inkompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata mas-suq intern (“deċiżjonijiet negattivi”), adottati skont l-Artikolu 9(5) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll id-deċiżjonijiet li jordnaw l-irkupru tal-għajnuna adottati skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, huma indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat, aspett li jsegwi wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 81 sa 83). |
37 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Jannar 2015 għandha bħala destinatarju r-Repubblika Taljana biss u li Buonotourist, indikata f’dik id-deċiżjoni bħala l-benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, ma hijiex destinatarja ta’ dik id-deċiżjoni. |
38 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni li tobbligah jirkupra għajnuna illegali huwa marbut, skont l-Artikolu 288 TFUE, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, Fossil (Gibraltar), C‑705/20, EU:C:2022:680, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 25 u mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament 2015/1589 isegwi li l-irkupru ta’ għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien u konformement mal-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm dawn tal-aħħar ikunu jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-għan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom, konformement mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 16(3) ta’ dan ir-regolament, jieħdu “l-miżuri kollha” previsti mis-sistemi legali rispettivi tagħhom, inklużi l-miżuri provviżorji, mingħajr ħsara għad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark, C‑210/09, EU:C:2010:294, punt 28, kif ukoll tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja,C‑527/12, EU:C:2014:2193, punt 38). L-Istat Membru għandu jasal għal irkupru effettiv tas-somom dovuti (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑305/09, EU:C:2011:274, punt 27). |
40 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-għan prinċipali tar-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-għajnuna illegali, tali għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand il-kumpannija li tkompli l-attività ekonomika tal-impriża li bbenefikat minn din l-għajnuna meta jiġi stabbilit li din il-kumpannija żżomm it-tgawdija effettiva tal-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punti 104 u 106 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dan huwa dak li tfakkar l-ewwel sentenza tal-punt 83 tal-avviż dwar l-irkupru. |
41 |
Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza jipprekludu għalhekk interpretazzjoni tal-Artikolu 288 TFUE, fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jirkupraw għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni unikament mingħand il-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni identifikat f’dik id-deċiżjoni. |
42 |
Fil-fatt, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ rkupru li tidentifika preċiżament, bħal f’dan il-każ, il-benefiċjarju ta’ għajnuna individwali, għandu jiġi rrilevat li din l-identifikazzjoni tikkorrispondi biss, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, għal evalwazzjoni tas-sitwazzjoni mwettqa waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, skont l-informazzjoni li din l-istituzzjoni għandha f’dan il-mument preċiż. |
43 |
Għaldaqstant, l-imsemmija identifikazzjoni tagħmel parti mill-identifikazzjoni tal-għajnuna msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni tal-aħħar ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi lill-Istat Membru kkonċernat milli jirkupra l-għajnuna inkwistjoni mingħand impriża oħra meta, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, din l-impriża l-oħra tkompli l-attività ekonomika tal-benefiċjarju tal-għajnuna, u żżomm it-tgawdija effettiva tal-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna. |
44 |
Fil-fatt, jista’ jirriżulta li l-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju ta’ għajnuna individwali jiġi trażmess lil impriża oħra wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru mill-Kummissjoni, pereżempju fl-okkażjoni ta’ trasferiment ta’ assi, kif ifakkru l-punti 89 sa 92 tal-avviż dwar l-irkupru. |
45 |
Fir-rigward ta’ trasferiment ta’ assi, kontinwità ekonomika bejn il-kumpanniji partijiet fit-trasferiment għandha tiġi evalwata skont is-suġġett tat-trasferiment, jiġifieri l-attiv u l-passiv, il-kontinwità tal-forza tax-xogħol, l-attiv iggruppat, il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonisti jew tal-proprjetarji tal-impriża li tixtri u tal-impriża inizjali, il-mument li fih isir it-trasferiment, jiġifieri wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-ftuħ tal-proċedura jew tad-deċiżjoni finali, jew ukoll il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Konsegwentement, fil-kuntest tal-missjoni tagħhom ta’ rkupru tal-għajnuna u sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni li tidentifika preċiżament il-benefiċjarju tal-għajnuna kif ukoll sabiex tiġi eliminata effettivament id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-ġbir tal-għajnuna, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali huma obbligati jidentifikaw impriża differenti minn dik identifikata f’dik id-deċiżjoni ta’ rkupru, fil-każ fejn il-vantaġġ marbut mal-għajnuna inkwistjoni jkun ġie effettivament ittrasferit lil din l-impriża l-oħra, wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ta’ rkupru. |
47 |
L-eżistenza ta’ tali obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali hija kkonfermata mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tfakkar li l-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni għandhom rwoli komplementari u distinti (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2023, RegioJet u STUDENT AGENCY, C‑700/22, EU:C:2023:960, punt 13), u li l-qrati nazzjonali jistgħu, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jiġu aditi b’kawżi li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ “għajnuna”, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, iżda ma għandhomx il-kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, peress li din l-evalwazzjoni tal-aħħar taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il‑Kummissjoni, C‑586/18 P, EU:C:2020:152, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Fir-rigward tad-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar in-natura deċiżjonali jew le tan-noti u tal-istruzzjonijiet informali pprovduti mis-servizzi tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex iwettqu l-analiżi tal-kontinwità ekonomika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali teħid ta’ pożizzjoni ma jinsabx fost l-atti li jistgħu jiġu adottati abbażi tar-Regolament 2015/1589 u ma jistgħux jitqiesu li jorbtu lill-qorti nazzjonali. Hija ppreċiżat madankollu li, sa fejn il-punti li jinsabu fit-teħid ta’ pożizzjonijiet ta’ din ix-xorta kif ukoll fl-opinjonijiet tal-Kummissjoni eventwalment mitluba mill-qorti nazzjonali huma intiżi sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni ta’ rkupru, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-qorti nazzjonali għandha teħodhom inkunsiderazzjoni bħala element ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-kawża li tkun adita biha u timmotiva d-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-atti kollha tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punti 26, 28 u 31). |
49 |
Fit-tielet lok, fid-dawl tal-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, miġbura fil-qosor fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, għandha, fir-rigward tal-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, issir distinzjoni bejn, minn naħa, il-possibbiltà, għal impriża mpoġġija f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tipparteċipa fil-proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, li tikkontesta d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tiddikjara din l-għajnuna illegali u inkompatibbli, u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà, għal din l-impriża, li tipparteċipa fil-proċedura quddiem awtorità nazzjonali li tista’ twassal għal deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn l-imsemmija impriża u l-benefiċjarju tal-għajnuna identifikata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u li tobbliga lill-istess impriża tħallas lura l-għajnuna inkwistjoni, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà li tikkontesta din id-deċiżjoni nazzjonali. |
50 |
L-ewwel, fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li l-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat hija, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli, fid-dawl tal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni, għall-għoti tal-għajnuna. F’din il-proċedura, il-partijiet ikkonċernati minbarra l-Istat Membru kkonċernat ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħal dik li hija miftuħa għal dan l-Istat Membru. L-imsemmija proċedura ma hijiex proċedura miftuħa kontra l-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-għajnuna, li timplika li dan jew dawn jistgħu jinvokaw drittijiet estiżi daqs id-drittijiet tad-difiża bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punti 73 sa 75). |
51 |
Fir-rigward tal-ipoteżi li l-benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna, indikat bħala tali f’att nazzjonali ta’ rkupru minħabba l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika mal-benefiċjarju preċedenti, ma kienx ikun ammissibbli li jippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din l-għajnuna illegali u inkompatibbli u li tordna l-irkupru tagħha, għandu jiġi osservat li tali benefiċjarju effettiv jiġi, madankollu, iggarantit protezzjoni ġudizzjarja mid-dritt tal-Unjoni. |
52 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-istħarriġ, mill-qorti nazzjonali, ta’ att nazzjonali intiż għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli, għandu jitqies bħala s-sempliċi emanazzjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Scott u Kimberly Clark, C‑210/09, EU:C:2010:294, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
F’dan il-kuntest, il-benefiċjarju effettiv jista’ wkoll jikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ddikjarat l-għajnuna illegali u inkompatibbli, meta dan il-benefiċjarju effettiv ma setax mingħajr ebda dubju jippreżenta rikors dirett, skont l-Artikolu 263 TFUE, kontra dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, C‑494/09, EU:C:2011:87, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ċertament, il-qorti nazzjonali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata hija stess l-invalidità ta’ tali deċiżjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tikkonstata l-invalidità tal-atti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, meta qorti nazzjonali tqis li motiv wieħed jew iktar ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni mressqa mill-partijiet jew, skont il-każ, imqajma ex officio, ikunu fondati, hija għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 96 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
It-tieni, fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna fil-kuntest ta’ proċedura quddiem awtorità nazzjonali li tista’ twassal għal deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mingħand dan il-benefiċjarju effettiv, għandu jiġi osservat qabel kollox li, bħalma jsegwi mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika taqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni biss. Issa, mill-punti 41 u 43 ta’ din is-sentenza jsegwi li din il-premessa hija żbaljata. |
55 |
Fi kwalunkwe każ, għalkemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 41 tal-Karta jirriżulta li dan ma huwiex indirizzat lill-Istati Membri (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, YS et, C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 67), xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom huwa impost ukoll, bħala prinċipju, fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri meta jieħdu miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35). Għaldaqstant, hija l-awtorità nazzjonali li għandha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali mingħand il-benefiċjarju effettiv ta’ din l-għajnuna li għandha tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ dan tal-aħħar. |
56 |
Barra minn hekk, mill-punt 52 ta’ din is-sentenza jsegwi li l-benefiċjarju effettiv tal-għajnuna għandu jkollu l-possibbiltà li tali deċiżjoni tiġi mistħarrġa minn qorti nazzjonali li, jekk ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tista’ jew, skont il-każ, għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bi proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, konformement mal-Artikolu 267 TFUE. |
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 108 u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Artikoli 16 u 31 tar-Regolament 2015/1589, kif ukoll l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fis-sitwazzjoni fejn deċiżjoni tal-Kummissjoni tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mingħand benefiċjarju li hija tidentifika, huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-missjoni tagħhom ta’ eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, jistgħu jordnaw l-irkupru ta’ din l-għajnuna mingħand impriża oħra minħabba l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn din tal-aħħar u l-benefiċjarju tal-għajnuna identifikat fl-imsemmija deċiżjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 108 u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Artikoli 16 u 31 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE], kif ukoll l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
fis-sitwazzjoni fejn deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mingħand benefiċjarju li hija tidentifika, huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-missjoni tagħhom ta’ eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, jistgħu jordnaw l-irkupru ta’ din l-għajnuna mingħand impriża oħra minħabba l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn din tal-aħħar u l-benefiċjarju tal-għajnuna identifikat fl-imsemmija deċiżjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.