This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0367
Judgment of the Court (Second Chamber) of 20 June 2024.#EA v Artemis security SAS.#Request for a preliminary ruling from the Cour de cassation (France).#Reference for a preliminary ruling – Protection of the safety and health of workers – Organisation of working time – Directive 2003/88/EC – Article 9(1)(a) – Obligation to assess the health of night workers – Employer’s failure to comply with that obligation – Right to compensation – Need to establish the existence of specific harm.#Case C-367/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2024.
EA vs Artemis security SAS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 9(1)(a) – Obbligu ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl – Ksur ta’ dan l-obbligu mill-persuna li timpjega – Dritt għal kumpens – Neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu speċifiku.
Kawża C-367/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2024.
EA vs Artemis security SAS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 9(1)(a) – Obbligu ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl – Ksur ta’ dan l-obbligu mill-persuna li timpjega – Dritt għal kumpens – Neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu speċifiku.
Kawża C-367/23.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:529
*A9* Cour de cassation, arrêt du 07/06/2023 (672 FS-B)
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)
20 ta’ Ġunju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 9(1)(a) – Obbligu ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl – Ksur ta’ dan l-obbligu mill-persuna li timpjega – Dritt għal kumpens – Neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu speċifiku”
Fil-Kawża C‑367/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura
EA
vs
Artemis security SAS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatur), Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal EA, minn L. Boré u G. Mégret, avocats,
– għal Artemis security SAS, minn J.‑J. Gatineau, avocat,
– għall-Gvern Franċiż, minn M. de Lisi, B. Fodda u M. Raux, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M.F. Severi, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u D. Recchia, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn EA u Artemis security SAS (iktar ’il quddiem “Artemis”) dwar talba ta’ EA intiża għall-ksib ta’ kumpens minħabba l-ksur, minn Artemis, tal-obbligi tal-persuna li timpjega fil-qasam tal-evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 Skont il-premessi 5 u 7 sa 10 tad-Direttiva 2003/88:
“(5) Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. […] Il-ħaddiema tal-Komunità għandhom jibbenefikaw mill-perijodi minimi ta’ serħan, ta’ kuljum, ta’ kull ġimgħa u ta’ kull sena, u ta’ perijodi ta’ waqfien adegwati. Huwa wkoll meħtieġ li f’dan il-kuntest jitqiegħed limitu massimu fuq sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.
[…]
(7) Ir-riċerka uriet li l-ġisem uman huwa aktar sensittiv matul il-lejl għal disturbi ambjentali u wkoll għal ċerti tipi tqal ta’ organizzazzjoni u li perjodi twal ta’ xogħol matul il-lejl jistgħu ikunu ta’ detriment għas-saħħa ta’ ħaddiema u jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tagħhom fil-post tax-xogħol.
(8) Hemm ħtieġa li tkun illimitata l-medda tal-perjodi tax-xogħol bil-lejl, inkluża s-sahra, u li jkun hemm provvediment għal dawk li jħaddmu li jutilizzaw il-ħaddiema matul il-lejn li jwaslu din l-informazzjoni għall-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti jekk dawn hekk jitolbu.
(9) Huwa importanti li l-ħaddiema ta’ matul il-lejl ikunu intitolati għal assessjar tas-saħħa b’xejn qabel ma jibdew il-ħidma tagħhom u wara dan matul intervalli regolari u li kull meta jkun possibbli dawn għandhom ikunu trasferiti lejn ix-xogħol matul il-jum jekk ikunu tajbin għal dan jew jekk isofru minn problemi tas-saħħa.
(10) Is-siwazzjoni tal-ħaddiema tal-lejl u bix-shift teħtieġ li l-livell tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa għandu jkun adottat għan-natura tax-xogħol tagħhom u li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-servizzi u r-riżorsi tal-protezzjoni u l-prevenzjoni għandhom ikunu effiċjenti.”
4 L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, jiddisponi:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:
[…]
(b) il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.”
5 L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “It-tul tax-xogħol bil-lejl”, jistabbilixxi:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:
(a) is-sigħat normali tax-xogħol għal ħaddiema ta’ bil-lejl ma jkunux jeċċedu l-medja ta’ tmien sigħat fi kwanulkwe perjodu ta’ 24 siegħa;
(b) il-ħaddiema ta’ matul il-lejl li x-xogħol tagħhom jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali ma jaħdmux għal aktar minn tmien sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa li matulhom huma jwettqu x-xogħol ta’ matul il-lejl.
Għall-iskopijiet tal-punt (b), xogħol li jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali għandu jkun definit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, billi jittieħed akkont ta’ l-effetti speċifiċi u l-perikoli tax-xogħol matul il-lejl.”
6 L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Assessjar tas-saħħa u t-trasferiment ta’ ħaddiema ta’ matul il-lejl lejn ix-xogħol ta’ matul il-jum”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:
(a) il-ħaddiema ta’ matul il-lejl huma ntitolati għal eżami tas-saħħa b’xejn qabel l-assenjar tagħhom u minn hemm ’il quddiem f’intervalli regolari;
(b) il-ħaddiema ta’ matul il-lejl li jsofru minn problemi tas-saħħa rikonoxxuti bħala li huma konnessi mal-fatt li huma jwettqu xogħol ta’ matul il-lejl huma ttrasferiti kull meta jkun possibbli lejn xogħol ta’ matul il-jum li għalih huma adattati.”
Id‑dritt Franċiż
7 L-Artikolu L. 3122‑11 tal-code du travail (Il-Kodiċi tax-Xogħol) jiddisponi:
“Kull ħaddiem ta’ billejl għandu jibbenefika minn monitoraġġ individwali regolari tal-istat ta’ saħħa tiegħu fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu L. 4624‑1.”
8 L-Artikolu L. 4624‑1 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:
“Kull ħaddiem għandu jibbenefika, abbażi tas-sorveljanza tal-istat tas-saħħa tal-ħaddiema […] minn monitoraġġ individwali tal-istat ta’ saħħa tiegħu żgurat mit-tabib tax-xogħol u, taħt l-awtorità tiegħu, mill-kollaboratur mediku […], mit-tabib apprendist tax-xogħol u mill-infermier.
[…]
Kull ħaddiem ta’ billejl għandu jibbenefika minn monitoraġġ individwali regolari tal-istat tas-saħħa tiegħu. Il-frekwenza ta’ dan il-monitoraġġ hija stabbilita mit-tabib tax-xogħol skont il-karatteristiċi partikolari tal-pożizzjoni okkupata u l-karatteristiċi tal-ħaddiem, skont modalitajiet stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État [(Il-Kunsill tal-Istat)].”
9 L-Artikolu R. 3122‑11 tal-imsemmi kodiċi jiddisponi:
“Il-monitoraġġ tal-istat tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl għandu b’mod partikolari l-għan li jippermetti lit-tabib tax-xogħol jevalwa l-konsegwenzi eventwali tax-xogħol ta’ billejl fuq is-saħħa u s-sigurtà tagħhom, b’mod partikolari minħabba bidliet fir-ritmi kronobijoloġiċi, u li jifhem l-impatt potenzjali fuq il-ħajja soċjali tagħhom.”
10 Skont l-Artikolu L. 4624‑11 tal-Kodiċi tax-Xogħol:
“Iż-żjara ta’ informazzjoni u ta’ prevenzjoni li jibbenefika minnha l-ħaddiem hija individwali. L-għan tagħha huwa b’mod partikolari:
1° li tistaqsi lill-impjegat dwar l-istat ta’ saħħa tiegħu;
2° li tinformah dwar ir-riskji eventwali li għalihom jesponi l-post tax-xogħol tiegħu;
3° li tqajjem kuxjenza dwar il-mezzi ta’ prevenzjoni li għandhom jiġu implimentati;
4° li jiġi identifikat jekk l-istat ta’ saħħa tiegħu jew ir-riskji li għalihom huwa espost jeħtiġux orjentazzjoni lejn it-tabib tax-xogħol;
5° li tinformah dwar il-modalitajiet ta’ monitoraġġ tal-istat ta’ saħħa tiegħu mis-servizz u dwar il-possibbiltà li huwa għandu, f’kull mument, li jibbenefika minn żjara fuq talba tiegħu mat-tabib tax-xogħol.”
11 L-Artikolu L. 4624‑18 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:
“Kull ħaddiem ta’ billejl […] għandu jibbenefika minn żjara ta’ informazzjoni u ta’ prevenzjoni mwettqa minn professjonist tas-saħħa msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 4624‑1 qabel l-assenjazzjoni tiegħu fil-pożizzjoni.”
12 L-Artikolu L. 3124‑15 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:
“Il-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol ta’ billejl previsti fl-Artikoli L. 3122‑1 sa L. 3122‑24 […] kif ukoll id-digrieti adottati għall-applikazzjoni tagħhom jiġu miksura, huwa punibbli bil-multa prevista għall-kontravenzjonijiet tal-ħames klassi, deċiża kemm-il darba jkun hemm impjegati kkonċernati mill-ksur.
Ir-reċidiva hija punibbli konformement mal-Artikoli 132‑11 u 132‑15 tal-Kodiċi Kriminali.”
13 L-Artikolu R. 4745‑3 tal-istess kodiċi jiddisponi:
“Il-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar l-azzjoni tat-tabib tax-xogħol, previsti fl-Artikolu L. 4624‑1 u dawk tad-digrieti adottati għall-applikazzjoni tagħhom ma ġewx osservati, huwa punibbli bil-multa prevista għall-kontravenzjonijiet tal-ħames klassi.”
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
14 Fl‑1 ta’ April 2017, EA ġie ingaġġat minn Artemis bħala aġent tad-dipartiment ta’ sigurtà kontra n-nirien u ta’ assistenza lil persuni.
15 Permezz ta’ rikors tal‑25 ta’ April 2019, EA adixxa lill-conseil de prud’hommes de Compiègne (il-Qorti Industrijali ta’ Compiègne, Franza) sabiex jikseb ix-xoljiment ġudizzjarju tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u sabiex Artemis tiġi kkundannata tħallsu d-danni. Insostenn ta’ dawn it-talbiet, EA invoka, minn naħa, il-fatt li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kien ġie unilateralment emendat minn Artemis minħabba t-trasferiment tiegħu minn post tax-xogħol ta’ matul il-jum lejn post tax-xogħol ta’ billejl u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li huwa ma kienx ibbenefika minn monitoraġġ mediku msaħħaħ applikabbli fil-każ ta’ xogħol ta’ billejl.
16 Fl‑1 ta’ Lulju 2019, EA tkeċċa.
17 Permezz ta’ sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, il-conseil de prud’hommes de Compiègne (il-Qorti Industrijali ta’ Compiègne) ċaħad b’mod partikolari t-talba ta’ EA għad-danni. Adita b’appell minn din is-sentenza, il-cour d’appel d’Amiens (il-Qorti tal-Appell ta’ Amiens, Franza), permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, ikkonfermat l-imsemmija sentenza dwar dan il-punt tad-dispożittiv, minħabba li EA ma kienx stabbilixxa r-realtà u l-konsistenza tad-dannu li huwa allega li ġarrab minħabba l-assenza ta’ monitoraġġ mediku msaħħaħ meħtieġ fil-każ ta’ xogħol ta’ billejl.
18 Insostenn tal-appell li huwa ppreżenta kontra din is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), EA jallega li s-sempliċi konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet protettivi fil-qasam ta’ monitoraġġ mediku msaħħaħ fil-każ ta’ xogħol ta’ billejl jagħti dritt għal kumpens lill-ħaddiem ikkonċernat u li, billi ċaħdet it-talba tiegħu għal kumpens, il-cour d’appel d’Amiens (il-Qorti tal-Appell ta’ Amiens) kisret b’mod partikolari l-Artikolu L. 3122‑11 tal-Kodiċi tax-Xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/88.
19 Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li hija l-qorti tar-rinviju, tindika li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ dannu u l-evalwazzjoni tiegħu jaqgħu, bħala prinċipju, taħt is-setgħa sovrana ta’ evalwazzjoni tal-qrati li jiddeċiedu fuq il-mertu. Madankollu, hija reċentement iddeċidiet, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tagħlim li jirriżulta, fil-fehma tagħha, mis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Fuß (C‑243/09, EU:C:2010:609), li s-sempliċi konstatazzjoni li jinqabeż il-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa previst fl-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 kienet tagħti dritt għal kumpens għall-ħaddiem, u dan, fid-dawl, minn naħa, tal-effett dirett marbut ma’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li tali qbiż jippreġudika ipso facto s-saħħa tal-ħaddiem.
20 Issa, din il-qorti tistaqsi dwar jekk approċċ simili għandux jipprevali fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tirrileva, b’mod partikolari, li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-premessi 9 u 10 ta’ din id-direttiva, jidhru inqas preċiżi minn dawk tal-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tikkunsidra, fl-ewwel lok, li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88 għandux jingħata effett dirett. Skont il-qorti tar-rinviju, fil-fatt, fil-każ ta’ risposta pożittiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’, fid-dawl tal-assenza ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi, issib ruħha f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li tinterpreta l-Artikoli L. 3122‑11, L. 4624‑1 u R 4624‑18 tal-Kodiċi tax-Xogħol b’mod konformi mad-Direttiva 2003/88, fid-dawl tan-natura contra legem li jista’ jkollha tali interpretazzjoni.
22 Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar jekk is-sempliċi nuqqas ta’ osservanza, mill-persuna li timpjega, tal-miżuri nazzjonali intiżi sabiex jiżguraw l-evalwazzjoni medika tal-ħaddiema ta’ billejl prevista fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88 jagħtix, bħala tali, dritt għal kumpens, mingħajr ma jkun neċessarju li tintwera l-eżistenza ta’ dannu speċifiku li rriżulta minn dan in-nuqqas ta’ osservanza fir-rigward tal-ħaddiem ikkonċernat.
23 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva [2003/88] jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jipproduċi effett dirett u biex jiġi invokat minn ħaddiem f’kawża li tikkonċernah?
2) L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjonijiet jew prattiki nazzjonali li bis-saħħa tagħhom, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet adottati biex jiġu implimentati l-miżuri neċessarji għall-evalwazzjoni mingħajr ħlas tas-saħħa tal-ħaddiem, id-dritt għal kumpens ta’ dan tal-aħħar huwa suġġett għall-prova tad-dannu li jkun irriżulta minn dan in-nuqqas?”
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq it‑tieni domanda
24 Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha tipprovdi li, fil-każ ta’ ksur mill-persuna li timpjega tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tipprevedi li l-ħaddiema ta’ billejl jibbenefikaw minn evalwazzjoni bla ħlas tas-saħħa tagħhom qabel l-assenjazzjoni tagħhom, imbagħad f’intervalli regolari, id-dritt tal-ħaddiem ta’ billejl ikkonċernat li jikseb kumpens minħabba dan il-ksur huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan jipproduċi l-prova tad-dannu li jkun irriżulta minnu.
25 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-aspetti proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi li tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Issa, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2003/88 ma tinkludi ebda dispożizzjoni fir-rigward tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti minimi li hija tistabbilixxi u lanqas ebda regola partikolari fir-rigward tal-kumpens għad-dannu eventwalment subit mill-ħaddiema minħabba tali ksur (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 44).
27 Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jiddefinixxu r-regoli dwar il-kumpens eventwali li jista’ jippretendi ħaddiem assenjat f’post tax-xogħol ta’ billejl fil-każ ta’ ksur, mill-persuna li timpjegah, tar-regoli nazzjonali relatati mal-evalwazzjoni medika prevista fil-każ ta’ tali assenjazzjoni intiża li timplimenta l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu minn din id-dispożizzjoni, u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li taħthom tali ħaddiem jista’ jikseb, mingħand din il-persuna li timpjega, kumpens minħabba l-imsemmi ksur, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha, f’din il-proċedura, ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità ma’ dan il-prinċipju tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn din tal-aħħar tissuġġetta d-dritt għal kumpens eventwali tal-ħaddiem ta’ billejl għall-obbligu, għal dan tal-aħħar, li jistabbilixxi r-realtà tad-dannu subit minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li implimentaw l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88.
29 Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża, li għandha tiddetermina jekk il-modalitajiet previsti fid-dritt intern, għar-rikonoxximent eventwali ta’ tali dritt għal kumpens, u, b’mod partikolari, ir-regola nazzjonali relatata mal-prova tad-dannu mġarrab imsemmija fil-punt preċedenti, tagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 56).
30 Għandu fil-fatt jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, iżda jawtorizzaha biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară, C‑817/21, EU:C:2023:391, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan il-każ, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li, fil-każ ta’ ksur, minn persuna li timpjega, tal-obbligi ta’ evalwazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema ta’ billejl previsti fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88, li, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol riprodotti fil-punti 7 sa 10 ta’ din is-sentenza, ġew trasposti fid-dritt intern, il-ħaddiem ikkonċernat għandu jkun jista’ jeżiġi li l-imsemmija persuna li timpjega tissodisfa l-imsemmija obbligi, jekk ikun il-każ billi tindirizza lill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-istħarriġ tal-osservanza tal-imsemmija obbligi jew, jekk ikun meħtieġ, billi ssegwi l-eżekuzzjoni korretta tagħhom quddiem il-qrati kompetenti konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jiggarantixxi din l-aħħar dispożizzjoni lil kull persuna li d-drittijiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru huwa għalhekk ta’ natura li jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt għall-evalwazzjoni tas-saħħa tiegħu li jgawdi ħaddiem ta’ billejl bis-saħħa tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88.
32 Sussegwentement, jikkontribwixxi, bl-istess mod, sabiex tiġi żgurata tali effettività, il-fatt li ħaddiem ta’ billejl jista’, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88 mill-persuna li timpjega, jikseb kumpens adegwat, fis-sens li dan għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu effettivament imġarrab minħabba l-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 95, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2023, TGSS (Rifjut tas-suppliment għall-maternità), C‑113/22, EU:C:2023:665, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Fil-fatt, id-dritt tal-ħaddiem li jitlob kumpens għal dannu jsaħħaħ b’mod partikolari n-natura operattiva tar-regoli ta’ protezzjoni previsti f’dan l-Artikolu 9(1)(a) u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi r-repetizzjoni ta’ aġir illegali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 40). Il-ħlas lill-persuna leża ta’ danni li jkopru b’mod sħiħ id-dannu subit, skont il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri, jista’ jiżgura li tali dannu jiġi b’mod effettiv irrimedjat jew ikkumpensat b’mod dissważiv u proporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, TGSS (Rifjut tas-suppliment għall-maternità), C‑113/22, EU:C:2023:665, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 B’kuntrast ma’ dan, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jiżguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma twassalx għal arrikkiment indebitu tal-aventi kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
35 Għalhekk, fid-dawl tal-funzjoni kumpensatorja tad-dritt għal kumpens f’dan il-każ previst mid-dritt nazzjonali applikabbli, għandu jitqies li kumpens sħiħ tad-dannu effettivament imġarrab huwa biżżejjed għall-finijiet deskritti fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi impost fuq il-persuna li timpjega l-ħlas ta’ danni punittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 37, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 58).
36 Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 12 u 13 ta’ din is-sentenza u kif enfasizzaw il-Gvern Franċiż u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, id-dritt nazzjonali applikabbli jinkludi regoli speċifiċi li jippermettu li jiġu imposti multi fil-każ ta’ ksur, mill-persuna li timpjega, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li żguraw it-traspożizzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88. Dawn ir-regoli speċifiċi jikkontribwixxu, min-naħa tagħhom, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt għall-evalwazzjoni tas-saħħa tiegħu li jgawdi ħaddiem ta’ billejl bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjoni. Tali regoli, li essenzjalment għandhom għan punittiv, ma humiex, min-naħa tagħhom, suġġetti għall-eżistenza ta’ dannu. Għalhekk, minkejja li tali regoli punittivi u dawk li jirregolaw ir-responsabbiltà kuntrattwali jew kważi-delitt, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma komplementari sa fejn it-tnejn li huma jinkoraġġixxu l-osservanza tal-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma xorta waħda għandhom funzjonijiet ferm distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 40).
37 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li tista’ tippreġudika l-effettività tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88.
38 Ċertament, kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, fil-punt 54 tas-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Fuß (C‑243/09, EU:C:2010:609), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tal-għan imfittex mid-Direttiva 2003/88, li tiġi ggarantita s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema permezz ta’ teħid ta’ mistrieħ suffiċjenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-fatt li jinqabeż il-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa previst fl-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva, sa fejn iċaħħad lill-ħaddiem minn tali mistrieħ, jikkawżalu, minħabba dan il-fatt biss, dannu peress li b’hekk jippreġudika s-sigurtà tiegħu u s-saħħa tiegħu. Fil-punt 59 tas-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-istess mod, irreferiet, f’dan ir-rigward, għad-dannu subit mill-ħaddiem, li jirriżulta mit-telf tal-ħin ta’ mistrieħ li kien jibbenefika minnu li kieku l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa previst f’din id-dispożizzjoni kien ġie osservat.
39 Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu trasposti għall-obbligi ta’ monitoraġġ mediku previsti fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88.
40 Fil-fatt, filwaqt li l-premessa 5 tad-Direttiva 2003/88 tiddikjara li l-ħaddiema kollha “għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan” u li l-premessi 7 u 8 ta’ din id-direttiva jenfasizzaw, b’mod partikolari, li “r-riċerka uriet […] li perjodi twal ta’ xogħol matul il-lejl jistgħu ikunu ta’ detriment għas-saħħa ta’ ħaddiema” u li “[h]emm ħtieġa li tkun illimitata l-medda tal-perjodi tax-xogħol bil-lejl”, il-premessa 9 tal-imsemmija direttiva tikkonstata, min-naħa tagħha, il-fatt li “[h]uwa importanti” li l-ħaddiema ta’ billejl jibbenefikaw minn “assessjar tas-saħħa [tagħhom] b’xejn” qabel l-assenjazzjoni tagħhom u f’intervalli regolari sussegwentement u li, “jekk isofru minn problemi tas-saħħa”, huma jiġu ttrasferiti, “kull meta jkun possibbli”, għax-xogħol ta’ matul il-jum li huma kapaċi għalih.
41 Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, l-għan tal-miżuri ta’ evalwazzjoni tas-saħħa, stabbiliti fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88, jikkonsisti għalhekk, fid-dawl tan-natura iktar eżiġenti tax-xogħol ta’ billejl u tar-riskji speċifiċi għas-saħħa marbuta miegħu, li jiġi żgurat li ħaddiem ikun u jibqa’ kapaċi li jwettaq tali xogħol, li ssir dijanjosi fi żmien xieraq ta’ eventwali marda, li jiġi żgurat it-trattament tiegħu, kif ukoll li jiġi prekluż l-iżvilupp tiegħu, b’mod partikolari billi jiġi ffavorit it-trasferiment tal-ħaddiem lejn xogħol ta’ matul il-jum.
42 Għaldaqstant, b’differenza mir-rekwiżiti li jirriżultaw, fil-qasam tat-tul tax-xogħol, mill-Artikolu 6(b) u mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/88, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jikkawża, minħabba dan il-fatt biss, dannu lill-ħaddiem ikkonċernat, peress li b’hekk tiġi ppreġudikata s-saħħa tiegħu minħabba li ma jkollux ħin ta’ mistrieħ li huwa kellu jibbenefika minnu jew bl-impożizzjoni ta’ sigħat eċċessivi ta’ xogħol ta’ billejl, l-assenza ta’ eżami mediku li għandu jippreċedi l-assenjazzjoni għal xogħol ta’ billejl u ta’ monitoraġġ mediku regolari wara din l-assenjazzjoni previsti fl-Artikolu 9(1)(a) ta’ din id-direttiva ma jwassalx inevitabbilment għal ħsara għas-saħħa tal-ħaddiem ikkonċernat u lanqas, għaldaqstant, għal dannu li għalih huwa jista’ jiġi kkumpensat. L-okkorrenza eventwali ta’ tali dannu tiddependi, fil-fatt, b’mod partikolari mis-sitwazzjoni tas-saħħa speċifika għal kull ħaddiem u tal-iżvilupp konkret li din is-sitwazzjoni jkollha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kompiti mwettqa billejl jistgħu jkunu differenti f’termini ta’ diffikultà u ta’ stress (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto”, C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 52).
43 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha tipprovdi li, fil-każ ta’ ksur mill-persuna li timpjega tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tipprevedi li l-ħaddiema ta’ billejl jibbenefikaw minn evalwazzjoni bla ħlas tas-saħħa tagħhom qabel l-assenjazzjoni tagħhom, imbagħad f’intervalli regolari, id-dritt tal-ħaddiem ta’ billejl ikkonċernat li jikseb kumpens minħabba dan il-ksur huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan jipproduċi l-prova tad-dannu li jkun irriżulta minnu.
Fuq l‑ewwel domanda
44 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda u fl-assenza ta’ kontradizzjoni apparenti bejn l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ewwel domanda.
Fuq l‑ispejjeż
45 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha tipprovdi li, fil-każ ta’ ksur mill-persuna li timpjega tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li tipprevedi li l-ħaddiema ta’ billejl jibbenefikaw minn evalwazzjoni bla ħlas tas-saħħa tagħhom qabel l-assenjazzjoni tagħhom, imbagħad f’intervalli regolari, id-dritt tal-ħaddiem ta’ billejl ikkonċernat li jikseb kumpens minħabba dan il-ksur huwa suġġett għall-kundizzjoni li dan jipproduċi l-prova tad-dannu li jkun irriżulta minnu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.