Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62023CJ0255

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-6 ta’ Ġunju 2024.
    Proċeduri kriminali kontra AVVA et.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Ekonomisko lietu tiesa.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Direttiva 2014/41/UE – Artikolu 24 – Seduta permezz ta’ videokonferenza jew permezz ta’ mezz ieħor ta’ trażmissjoni awdjoviżiva oħra – Proċeduri kriminali mibdija fi Stat Membru kontra persuna residenti fi Stat Membru ieħor – Possibbiltà għal din il-persuna li tipparteċipa fil-proċess tagħha permezz ta’ videokonferenza fl-assenza ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea.
    Kawżi magħquda C-255/23 u C-285/23.

    Recopilación de la Jurisprudencia. Recopilación general

    Identificador Europeo de Jurisprudencia: ECLI:EU:C:2024:462

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)

    6 ta’ Ġunju 2024 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea – Direttiva 2014/41/UE – Artikolu 24 – Seduta permezz ta’ videokonferenza jew permezz ta’ mezz ieħor ta’ trażmissjoni awdjoviżiva oħra – Proċeduri kriminali mibdija fi Stat Membru kontra persuna residenti fi Stat Membru ieħor – Possibbiltà għal din il-persuna li tipparteċipa fil-proċess tagħha permezz ta’ videokonferenza fl-assenza ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”

    Fil-Kawżi magħquda C‑255/23 u C‑285/23,

    li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Ekonomisko lietu tiesa (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑28 ta’ Marzu 2023 u tal‑21 ta’ April 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ April 2023 u fit‑3 ta’ Mejju 2023, fil-proċeduri kriminali kontra

    A,

    B,

    C,

    D,

    F,

    E,

    G,

    SIA “AVVA”,

    SIA “Liftu alianse”,

    fil-preżenza ta’:

    Rīgas tiesas apgabala prokuratūra (C‑255/23),

    u

    A,

    B,

    C,

    Z,

    F,

    AS “Latgales Invest Holding”,

    SIA “METEOR HOLDING”,

    METEOR Kettenfabrik GmbH,

    SIA “Tool Industry”,

    AS “Ditton pievadķēžu rūpnīca”,

    fil-preżenza ta’:

    Latvijas Investīciju un attīstības aģentūra,

    Rīgas tiesas apgabala prokuratūra (C‑285/23),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tas-Sitt Awla, u P. G. Xuereb, Imħallef,

    Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal A, minn I. Balmaks, advokāts,

    –        għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča u K. Pommere, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u Zs. Biró-Tóth, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Baumgart, V. Hitrovs, H. Leupold u M. Wasmeier, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 6(1)(a) u tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16), kif ukoll tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

    2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra A, B, C, D, F, E, G, SIA “AVVA” u SIA “Liftu alianse” (C‑255/23) kif ukoll kontra A, B, C, Z, F, AS “Latgales Invest Holding”, SIA “METEOR HOLDING”, METEOR Kettenfabrik GmbH, SIA “Tool Industry” u AS “Ditton pievadķēžu rūpnīca” (C‑285/23) għal atti ta’ frodi b’għemil qarrieqi aggravata fi grupp organizzat, ħasil tal-flus fi grupp organizzat, abbuż ta’ funzjoni kif ukoll kompliċità fi frodi b’għemil qarrieqi aggravata u ħasil tal-flus aggravat.

     Ilkuntest ġuridiku

     Iddritt talUnjoni

     IdDirettiva 2014/41

    3        Skont l-ewwel sentenza tal-premessa 8 tad-Direttiva 2014/41, “[l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea] għandu jkun orizzontali fl-ambitu u għaldaqstant għandu japplika għall-miżuri investigattivi kollha mmirati biex jiġbru l-provi”.

    4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

    “1.      L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

    L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

    […]

    3.      Il-ħruġ ta’ OIE jista’ jintalab minn persuna suspettata jew akkużata, jew minn avukat f’isimha, fi ħdan il-qafas tad-drittijiet ta’ difiża applikabbli f’konformità mal-proċedura kriminali nazzjonali.”

    5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-OIE”, huwa fformulat kif ġej:

    “L-OIE għandha tkopri kwalunkwe miżura investigattiva bl-eċċezzjoni tal-istabbiliment ta’ skwadra investigattiva konġunta u l-ġbir ta’ provi fi ħdan tali skwadra kif previst fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea […] u fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI [tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar l-iskwadri ta’ investigazzjoni konġunti 2002/465/JHA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 15], minbarra għall-finijiet tal-applikazzjoni, rispettivament, tal-Artikolu 13(8) tal-Konvenzjoni u tal-Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni Kwadru.”

    6        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Kondizzjonijiet għall-emissjoni u t-trażmissjoni ta’ OIE”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)      l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

    (b)      il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.”

    7        L-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Smigħ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fejn persuna tkun fit-territorju ta’ Stat ta’ eżekuzzjoni u jkun meħtieġ li din tinstema’ bħala xhieda jew esperta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat emittenti, l-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biex ix-xhieda jew l-esperta tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra f’konformità mal-paragrafi 5 sa 7.

    L-awtorità emittenti tista’ wkoll toħroġ OIE għall-fini li persuna suspettata jew akkużata tinstema’ b’vidjokonferenza jew bi trażmissjoni awdjoviżiva oħra.”

     IdDirettiva 2016/343

    8        Skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2016/343 “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess”.

    9        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom.

    2.       L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:

    (a)      il-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata fi żmien debitu dwar il-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra; jew

    (b)      il-persuna suspettata jew akkużata, li tkun ġiet infurmata bil-proċess, hija rrappreżentata minn avukat, li ġie magħżul mill-persuna suspettata jew akkużata jew maħtur mill-Istat.”

     Iddritt Latvjan

    10      L-Artikolu 140 tal-Kriminālprocesa likums (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) huwa fformulat kif ġej:

    “(1)      Il-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-proċedura jista’ jwettaq att proċedurali permezz ta’ mezzi tekniċi (konferenza telefonika, videokonferenza) jekk dan ikun meħtieġ fl-interess tal-proċeduri kriminali.

    (2)      Meta jitwettaq att proċedurali bl-użu ta’ mezzi tekniċi, għandu jiġi żgurat li l-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-proċedura u l-persuni li jipparteċipaw fl-att proċedurali, li jkunu f’partijiet jew f’bini differenti, ikunu jistgħu jiftiehmu f’konferenza telefonika, kif ukoll jiftiehmu u jaraw lil xulxin fil-videokonferenza.

    (21)      Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-proċedura għandha tagħti s-setgħa jew tinkariga lill-kap tal-istituzzjoni fil-post l-ieħor tal-iżvolġiment tal-att proċedurali sabiex jawtorizza lil persuna li tiżgura l-iżvolġiment tal-att proċedurali fil-post fejn tkun (iktar ’il quddiem il-‘persuna awtorizzata’).

    […]

    (5)      Il-persuna awtorizzata għandha tivverifika u tiċċertifika l-identità tal-persuni li jipparteċipaw fl-att proċedurali iżda li ma jinsabux fl-istess kamra bħall-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-proċedura.

    […]

    (7)      Il-persuna awtorizzata tfassal ċertifikat, billi tindika l-post, id-data u l-ħin tal-iżvolġiment tal-att proċedurali, il-funzjoni tagħha, kunjomha u isimha, id-data ta’ identifikazzjoni u l-indirizz ta’ kull persuna preżenti fil-post tal-iżvolġiment ta’ dan l-att proċedurali, kif ukoll it-twissija magħmula meta l-liġi tipprevedi responsabbiltà fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha. Il-persuni mwissija jikkonfermaw bil-firma li jkunu rċevew din l-informazzjoni. Iċ-ċertifikat għandu jindika wkoll kull interruzzjoni fl-iżvolġiment tal-att proċedurali u l-ħin tat-tmiem ta’ dan tal-aħħar. Iċ-ċertifikat huwa ffirmat mill-persuni kollha preżenti fil-post tal-iżvolġiment tal-att proċedurali, u sussegwentement trażmess lill-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-proċedura sabiex jinhemeż mal-minuti tal-att proċedurali.

    (71)      Tista’ ssir deroga mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 21, 5 u 7 ta’ dan l-artikolu jekk il-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-proċedura tista’ tiżgura b’mezzi tekniċi l-identità ta’ persuna f’kamra oħra jew bini ieħor.

    […]”

    11      Skont l-Artikolu 463(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali:

    “(1)      Il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata fil-proċess kriminali hija obbligatorja.

    (2)      Jekk il-persuna akkużata ma tippreżentax ruħha waqt is-seduta, il-proċess kriminali jiġi pospost.”

    12      L-Artikolu 464 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

    “(1)      Qorti tista’ tiddeċiedi kawża kriminali li tirrigwarda kontravenzjoni, delitt u delitt gravissimu punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà sa ħames snin mingħajr il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata jekk din tal-aħħar ma tidhirx fis-seduta diversi drabi mingħajr raġuni valida jew jekk hija ppreżentat lill-qorti talba għal sentenza fil-kawża kriminali mingħajr il-parteċipazzjoni tagħha.

    (2)      Kawża kriminali tista’ tiġi deċiża mingħajr il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata jekk din tal-aħħar tbati minn marda serja li tipprekludiha milli tkun preżenti fil-proċess kriminali.

    (3)      Kawża kriminali li tinvolvi diversi persuni akkużati tista’ tiġi deċiża mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ waħda minnhom jekk is-seduta tikkonċerna parti mill-akkużi mressqa kontra l-persuni akkużati l-oħra, jekk il-preżenza ta’ din il-parti akkużata fis-seduta ma tkunx neċessarja u jekk hija tkun ikkomunikat lill-qorti li hija ma tixtieqx tipparteċipa fis-seduta inkwistjoni.”

    13      L-Artikolu 465 tal-imsemmi kodiċi jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Kawża kriminali tista’ tiġi deċiża mill-qorti fl-assenza tal-persuna akkużata (in absentia) f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    1)      il-post fejn tinsab il-persuna akkużata ma jkunx magħruf, kif imsemmi fl-informazzjoni dwar ir-riżultat tat-tfittxijiet;

    2)      il-persuna akkużata tinsab barra mill-pajjiż u ma huwiex possibbli li tiġi żgurata d-dehra tagħha quddiem il-qorti.”

     Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

     IlKawża C255/23

    14      L-Ekonomisko lietu tiesa (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita bi proċeduri kriminali kontra, b’mod partikolari, E, akkużat b’ħasil tal-flus aggravat. E huwa ċittadin Litwan li jirrisjedi fil-Litwanja.

    15      Waqt is-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2022, l-uffiċċju tal-prosekutur, fid-dawl tat-talba ta’ E, qajjem oġġezzjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar fis-seduti mill-bogħod, permezz ta’ videokonferenza, billi bbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 140(71) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali kif interpretati mis-Seduta Plenarja tad-Dipartiment tal-Affarijiet Kriminali tal-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja) fid-deċiżjoni tagħha tal‑4 ta’ Novembru 2021.

    16      Fis‑16 ta’ Ottubru 2022, id-difensur ta’ E talab lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/41 sabiex tippreċiża n-natura tad-drittijiet ta’ E li jipparteċipa fil-proċedura ġudizzjarja mill-bogħod permezz ta’ mezzi tekniċi.

    17      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 140(71) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jestendi l-possibbiltajiet li jitwettqu atti proċedurali mill-bogħod u li, permezz ta’ din iż-żieda fil-liġi, il-leġiżlatur nazzjonali ried jippromwovi l-użu ta’ mezzi tekniċi fil-proċeduri kriminali, billi jirrazzjonalizza u jissemplifika l-iżvolġiment tagħhom, b’mod partikolari fil-każijiet fejn il-partijiet fi proċedura jkunu jinsabu fi bliet jew f’pajjiżi differenti.

    18      Issa, skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 140(71) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali mogħtija mis-Seduta Plenarja tad-Dipartiment tal-Affarijiet Kriminali tal-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema) għandha bħala konsegwenza li, jekk parti fil-proċedura ma tkunx tinsab fil-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, jiġifieri fit-territorju nazzjonali, l-użu ta’ mezzi tekniċi sabiex jitwettaq att proċedurali huwa possibbli biss permezz ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea jew ta’ kull strument ieħor ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. Għalhekk, persuna residenti f’pajjiż li ma huwiex il-Latvja li hija s-suġġett ta’ proċeduri kriminali ma tistax tipparteċipa mill-bogħod f’seduta billi tuża mezzi tekniċi, anki jekk hija tipparteċipa b’mod passiv fl-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali.

    19      Peress li E jirrisjedi fil-Litwanja, il-parteċipazzjoni tiegħu mill-bogħod, permezz ta’ mezzi tekniċi, fil-proċedura ġudizzjarja fil-Latvja tippreżupponi li l-qorti Latvjana titlob lill-qorti Litwana, fil-kuntest ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, tiżgura l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni mill-bogħod għal perijodu twil. Issa, fid-dawl tat-tul u tal-ispiża relatata mal-eżekuzzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni passiva tal-persuna akkużata fis-seduti ma huwiex proporzjonat fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/41.

    20      Peress li E huwa akkużat b’ħasil tal-flus aggravat, il-parteċipazzjoni tiegħu fis-seduti hija, fid-dawl tal-gravità tar-reat allegat, obbligatorja waqt l-eżami tal-provi relatati mal-akkuża tiegħu, anki jekk ma jixtieqx jipparteċipa fis-seduti. Fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mis-Seduta Plenarja tad-Dipartiment tal-Affarijiet Kriminali tal-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema), E huwa obbligat, waqt l-eżami ta’ dawn il-provi, jew li jassisti b’mod regolari u għal żmien twil fis-seduti fil-Latvja, jew li jitlob lill-qorti Litwana, fil-kuntest ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, li tagħmel possibbli l-parteċipazzjoni tiegħu mill-bogħod fis-seduta għal perijodu twil.

    21      Peress li kellha dubju dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/41 għall-parteċipazzjoni ta’ persuna akkużata f’seduti li matulhom hija ma nstemgħetx, l-Ekonomisko lietu tiesa (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikolu 1(1), l-Artikolu 6(1)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-[Direttiva 2014/41] jippermettu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li persuna li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor tista’, mingħajr ma tinħareġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, tipparteċipa permezz ta’ vidjokonferenza, bħala akkużata, fi proċedura ġudizzjarja, fejn il-persuna akkużata ma tkunx qiegħda tinstema’ f’din il-fażi tal-proċedura, jiġifieri, fejn ma jkunux qegħdin jinġabru provi, sakemm il-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-proċedura fl-Istat Membru fejn il-każ ikun qiegħed jinstema’ tkun tista’, b’mezzi tekniċi, tivverifika l-identità tal-persuna li tkun tinsab fl-Istat Membru l-ieħor u sakemm jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna u l-assistenza minn interpretu?

    2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-kunsens tal-persuna li għandha tinstema’ jista’ jikkostitwixxi kriterju jew prerekwiżit indipendenti jew addizzjonali sabiex din il-persuna tipparteċipa permezz ta’ vidjokonferenza fil-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni, fejn ma jkunux qegħdin jinġabru provi f’din il-fażi tal-proċedura, jekk il-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-proċedura fl-Istat Membru fejn il-każ ikun qiegħed jinstema’ tkun tista’, b’mezzi tekniċi, tivverifika l-identità tal-persuna li tkun tinsab fl-Istat Membru l-ieħor u jekk jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża ta’ din il-persuna u l-assistenza minn interpretu?”

    22      Il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-data tal-adozzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għad hemm madwar 60 xhieda li għandhom jiġu eżaminati li ma jikkonċernawx l-akkuża kontra E. Issa, ikun kunsiderevolment iktar diffiċli għaliha li tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali f’terminu raġonevoli jekk hija tiddeċiedi li tissospendi l-proċedura. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li hija tista’ tkompli l-proċedura ġudizzjarja, tal-inqas sakemm il-provi li fuqhom hija bbażata l-akkuża ta’ E ma jiġux eżaminati u sakemm il-preżenza tiegħu ma hijiex obbligatorja.

    23      Peress li fis‑7 ta’ Marzu 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat talba għal kjarifiki, fil-kuntest ta’ din il-kawża, lill-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, din tal-aħħar wieġbet, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Marzu 2024, billi indikat li x-xhieda ċċitati mill-uffiċċju tal-prosekutur u dawk iċċitati mid-difiża kollha nstemgħu. B’mod partikolari, id-diversi seduti ppermettew li jiġu eżaminati tnax‑il xhud, li x-xhieda tagħhom hija rilevanti sabiex tiġi pprovata l-ħtija tal-persuna akkużata, peress li din ipparteċipat f’dawn is-seduti kemm personalment kif ukoll mill-bogħod permezz ta’ videokonferenza.

     IlKawża C285/23

    24      L-Ekonomisko lietu tiesa (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita bi proċeduri kriminali li fihom wieħed mill-persuni akkużati, A, huwa ċittadin Ġermaniż residenti fil-Ġermanja u huwa akkużat bi frodi b’għemil qarrieqi aggravata fi grupp organizzat u b’ħasil tal-flus aggravat fi grupp organizzat. Dawn ir-reati huma kklassifikati bħala delitti gravissimi u huma suġġetti għal piena li ċċaħħad il-libertà.

    25      Ir-reati allegati fil-konfront ta’ A jikkostitwixxu delitti gravissimi fid-dritt Latvjan. Fid-dawl ta’ din il-klassifikazzjoni u tal-fatt li l-kundizzjonijiet sabiex kawża kriminali tiġi deċiża fl-assenza tal-persuna akkużata stabbiliti fl-Artikolu 465 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma humiex issodisfatti, minn dan isegwi li, konformement mal-Artikoli 463 u 464 ta’ dan il-kodiċi, proċess mingħajr il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata ma huwiex possibbli u li l-preżenza tagħha hija obbligatorja.

    26      A u l-avukat tiegħu informaw lill-qorti tar-rinviju b’ċirkustanzi, b’mod partikolari marbuta mal-età u mas-sitwazzjoni personali u tal-familja ta’ A, li pprekludewh milli jassisti personalment għall-parti l-kbira tas-seduti f’din il-kawża. Peress li ma riedx jevita l-ġustizzja, jixtieq ikun preżenti waqt il-proċess, iżda permezz ta’ videokonferenza mill-Ġermanja.

    27      Kemm l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa mill-qorti tar-rinviju kif ukoll it-talba għal assistenza reċiproka mill-Ministeru għall-Ġustizzja Latvjan ġew irrifjutati milll-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti. Dawn indikaw li l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea ma kinitx possibbli, minħabba li kien mitlub li tiġi żgurata mhux l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva, iżda l-parteċipazzjoni ta’ persuna akkużata f’seduta permezz ta’ videokonferenza. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ talba għal assistenza reċiproka, ma teżisti ebda bażi legali li tippermetti l-parteċipazzjoni fil-proċedura permezz ta’ videokonferenza. Fid-dritt Ġermaniż, il-preżenza fiżika tal-persuna akkużata fil-proċess hija obbligatorja u l-parteċipazzjoni mill-bogħod permezz ta’ videokonferenza fil-proċess tmur kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt Ġermaniż.

    28      Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tas-Seduta Plenarja tad-Dipartiment tal-Affarijiet Kriminali tal-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema) tal‑4 ta’ Novembru 2021, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tal-Latvja hija limitata għat-territorju nazzjonali. Barra minn hekk, iż-żamma ta’ videokonferenza barra mill-assistenza ġudizzjarja internazzjonali tkun possibbli biss jekk l-att proċedurali jitwettaq fil-qorti tar-Repubblika tal-Latvja.

    29      Issa, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk is-smigħ ta’ persuna akkużata permezz ta’ videokonferenza, kif previst fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2014/41, jinkludix il-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna fil-proċess kriminali, inkluż id-dritt li tkun preżenti fil-proċess tagħha u li ssegwih. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxix id-dritt tal-persuna akkużata li tipparteċipa permezz ta’ videokonferenza fil-proċess kriminali mill-Istat Membru ta’ residenza tagħha.

    30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ekonomisko lietu tiesa (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikolu 24(1) tad-[Direttiva 2014/2014] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-smigħ tal-persuna akkużata permezz ta’ vidjokonferenza tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna akkużata għal proċedura kriminali fi Stat Membru ieħor permezz ta’ vidjokonferenza mill-Istat Membru ta’ residenza tiegħu?

    2)      L-Artikolu 8(1) tad-[Direttiva 2016/343], għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-persuna akkużata li tassisti għall-proċedura orali jista’ wkoll jiġi ggarantit bil-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna akkużata għall-proċedura kriminali li tinżamm fi Stat Membru ieħor permezz ta’ vidjokonferenza mill-Istat Membru ta’ residenza tiegħu?

    3)      Il-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata fi proċedura kriminali li tinżamm fi Stat Membru ieħor permezz ta’ vidjokonferenza mill-Istat Membru ta’ residenza tiegħu hija ekwivalenti għall-preżenza fiżika tagħha f’seduta quddiem il-qorti ta’ Stat Membru adita bil-kawża?

    4)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda, il-vidjokonferenza għandha tiġi organizzata unikament bl-intervent tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru?

    5)      F’każ ta’ risposta fin-negattiv għar-raba’ domanda, il-qorti ta’ Stat Membru adita bil-kawża tista’ tikkuntattja direttament lill-persuna akkużata li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor u tibgħatilha link ta’ konnessjoni għall-vidjokonferenza?

    6)      L-organizzazzjoni ta’ vidjokonferenza mingħajr l-involviment tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru hija kompatibbli maż-żamma tal-ispazju uniku ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?”

    31      Il-qorti tar-rinviju tqis li, peress li l-kwistjoni li għandha tiġi deċiża fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni tikkonċerna biss il-forma tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata, jiġifieri personalment jew permezz ta’ videokonferenza, hija tista’, sakemm tingħata deċiżjoni preliminari, tkompli tittratta l-kawża kif għamlet sal-lum, fil-preżenza fiżika ta’ A. B’hekk, fil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, ma jiġix ippreġudikat id-dritt tal-persuni akkużati li jiġu ġġudikati f’terminu raġonevoli, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, ma hemmx sospensjoni tal-proċeduri f’din il-kawża.

     Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

    32      B’deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2023, il-Kawżi C‑255/23 u C‑285/23 ġew magħquda kemm għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

    33      Fid-dawl tan-natura tad-domandi magħmula, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2023, ta trattament prijoritarju lill-Kawżi C‑255/23 u C‑285/23, bis-saħħa tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli ta’ Proċedura.

    34      B’kuntrast ma’ dan, peress li l-qorti tar-rinviju talbet, fil-Kawża C‑285/23, abbażi tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li din il-kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Lulju 2023.

     Fuq iddomandi preliminari

    35      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, speċifikament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, li għandu l-għan li jiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li b’hekk jippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, finalment, in-natura adatta tad-dritt stabbilit mit-Trattati (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, BK u ZhP (Sospensjoni parzjali tal-proċedura fil-kawża prinċipali), C‑176/22, EU:C:2023:416, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36      Għalhekk, sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura torbot lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima li jkollha quddiemha (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, BK u ZhP (Sospensjoni parzjali tal-proċedura fil-kawża prinċipali), C‑176/22, EU:C:2023:416, punt 27).

    37      Issa, il-ħarsien tal-effett utli tal-imsemmija proċedura ma jsirx impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli minn regola nazzjonali li tippermetti, bejn id-data li fiha talba għal deċiżjoni preliminari tiġi indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja u dik tad-digriet jew tas-sentenza li permezz tagħhom din tal-aħħar tirrispondi għal din it-talba, li titkompla l-proċedura fil-kawża prinċipali sabiex twettaq atti proċedurali, li l-qorti tar-rinviju tqis li huma neċessarji u li jirrigwardaw aspetti mhux marbuta mad-domandi preliminari magħmula, jiġifieri atti proċedurali li ma humiex ta’ natura li jipprekludu lill-qorti tar-rinviju milli tikkonforma ruħha, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma’ dan id-digriet jew ma’ din is-sentenza (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, BK u ZhP (Sospensjoni parzjali tal-proċedura fil-kawża prinċipali), C‑176/22, EU:C:2023:416, punt 28).

    38      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat, fil-kuntest tal-Kawża C‑255/23, li hija ma kinitx, minkejja t-tressiq tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, issospendiet il-proċedura u li hija kienet kompliet is-seduti li fih E kien ipparteċipa kemm personalment kif ukoll mill-bogħod permezz ta’ videokonferenza. Fir-rigward tal-Kawża C‑285/23, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li hija lanqas ma kienet issospendiet il-proċeduri u li hija kellha l-intenzjoni tkompli s-seduti fil-preżenza fiżika ta’ A. Issa, tali atti proċedurali, inkluż b’mod partikolari l-eżami tal-provi li fuqhom hija bbażata l-akkuża tal-persuni akkużati, jistgħu jxejnu d-domandi preliminari dwar il-possibbiltà għall-persuna akkużata li tipparteċipa fil-proċedura permezz ta’ videokonferenza tas-suġġett u tal-interess tagħhom fir-rigward tal-kawżi prinċipali, u għaldaqstant jistgħu jipprekludu lill-qorti tar-rinviju milli tikkonforma ruħha, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, mad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

    39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti, fil-qasam ta’ deċiżjoni preliminari, risposti li għandhom effett purament konsultattiv (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 12).

    40      Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tissospendi l-proċedura nazzjonali. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, f’ċirkustanzi partikolari, eċċezzjonijiet għal dan l-għan, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, dan huwa bil-kundizzjoni li tali eċċezzjonijiet ma jippreġudikawx l-effett utli tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 267 TFUE. Issa, f’dan il-każ, dan l-effett utli jiġi ppreġudikat jekk id-domandi magħmula fil-kuntest tal-Kawżi C‑255/23 u C‑285/23 jiġu ddikjarati ammissibbli, peress li l-qorti tar-rinviju, wara d-data ta’ tressiq tad-domandi għal deċiżjoni preliminari, kompliet il-proċeduri fil-kawżi prinċipali sabiex twettaq atti proċedurali dwar aspetti marbuta mad-domandi magħmula.

    41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula fil-kuntest tal-Kawżi C‑255/23 u C‑285/23.

     Fuq lispejjeż

    42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Ma hemmx lok li tingħata risposta lit-talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Ekonomisko lietu tiesa (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Latvja) permezz tad-deċiżjonijiet tat28 ta’ Marzu 2023 u tal21 ta’ April 2023.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

    Arriba