This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0174
Judgment of the Court (First Chamber) of 29 July 2024.#HJ and Others v Twenty First Capital SAS.#Request for a preliminary ruling from the Cour de cassation.#Reference for a preliminary ruling – Approximation of laws – Directive 2011/61/EU – Alternative investment fund managers (AIFMs) – Operating conditions – Article 13 – AIFM remuneration policies and practices – Scope ratione temporis – Article 61 – Transitional provisions.#Case C-174/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
HJ et vs Twenty First Capital SAS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2011/61/UE – Maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) – Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju – Artikolu 13 – Politiki u prattiki ta’ remunerazzjoni ta’ dawn il-maniġers – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 61 – Dispożizzjonijiet tranżitorji.
Kawża C-174/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
HJ et vs Twenty First Capital SAS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2011/61/UE – Maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) – Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju – Artikolu 13 – Politiki u prattiki ta’ remunerazzjoni ta’ dawn il-maniġers – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 61 – Dispożizzjonijiet tranżitorji.
Kawża C-174/23.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:654
*A9* Cour de cassation, arrêt du 15/03/2023 (212 F-D ; 21-13.964)
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
29 ta’ Lulju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2011/61/UE – Maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) – Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju – Artikolu 13 – Politiki u prattiki ta’ remunerazzjoni ta’ dawn il-maniġers – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 61 – Dispożizzjonijiet tranżitorji”
Fil-Kawża C‑174/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
HJ,
IK,
LM
vs
Twenty First Capital SAS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal HJ, IK u LM, minn R. Froger, avocat,
– għal Twenty First Capital SAS, minn G. Perrot, avocat,
– għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda, E. Leclerc, J. B. Merlin u S. Royon, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret, G. Goddin u H. Tserepa‑Lacombe, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Frar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 u tal-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU 2011, L 174, p. 1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, HJ, IK u LM u, min-naħa l-oħra, Twenty First Capital SAS (iktar ’il quddiem il-“kumpannija TFC”) dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jipprevedi remunerazzjonijiet li għandhom jitħallsu minn din tal-aħħar.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 Il-premessa 24 tad-Direttiva 2011/61 tistipula:
“Sabiex jiġi indirizzat l-effett detrimentali potenzjali ta’ strutturi ta’ rimunerazzjoni mfassla ħażin fuq l-ġestjoni tajba tar-riskji u l-kontroll tal-imġiba tat-teħid tar-riskju minn individwi, għandu jkun hemm obbligu ċar għall-[maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM)] [(iktar ’il quddiem il-“maniġers”)] biex jistabbilixxu u jżommu, għal dawk il-kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-AIF li ser jimmaniġġaw, linji politiċi u prattiċi ta’ rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ ġestjoni tajba u effikaċi tar-riskju. Dawn il-kategoriji ta’ persunal għandhom mill-inqas jinkludu kapijiet fl-amministrazzjoni, persuni li jieħdu r-riskju u funzjonijiet ta’ kontroll u kwalunkwe impjegati li jirċievu rimunerazzjoni totali li tpoġġihom fl-istess ammonti ta’ rimunerazzjoni bħall-kapijiet fl-amministrazzjoni u l-persuni li jieħdu r-riskju.”
4 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Suġġett” jipprovdi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni, l-operat kontinwu u t-trasparenza tal-maniġers [...] li jimmaniġġaw u/jew jikkummerċjalizzaw [AIFs] fl-Unjoni [Ewropea].”
5 L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt (b) tal-paragrafu 1 tiegħu, li, għall-finijiet tal-istess direttiva, “AIFMs” tfisser “persuni ġuridiċi li n-negozju regolari tagħhom ikun l-immaniġġar ta’ AIF wieħed jew iżjed”.
6 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/61, bit-titolu “Kundizzjonijiet għall-bidu tal-attivitajiet bħala AIFM u li jinsab fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Awtorizzazzjoni tal-AIFM”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membru għandhom jiżguraw li l-ebda AIFMs ma jimmaniġġaw AIFs sakemm ma jkunux ġew awtorizzati skont din id-Direttiva.
AIFMs awtorizzati skont din id-Direttiva għandhom jikkonformaw dejjem mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni stabbilita f’din id-Direttiva.”
7 Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni”:
“1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFM japplikaw għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.
2. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li AIFM li japplika għal awtorizzazzjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni relatata mal-AIFM lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu:
[...]
(d) informazzjoni dwar il-linji politiċi u l-prattiċi ta’ rimunerazzjoni skont l-Artikolu 13;
[...]”
8 L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, bit-titolu “Kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni ħlief jekk:
(a) huma jkunu sodisfatti li l-AIFM jkun jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva;
[...]
L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Istati Membri kollha.”
9 L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/61, bit-titolu “Prinċipji ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, l-AIFMs f’ kull ħin:
(a) jaġixxu onestament, bil-kapaċità, attenzjoni u diliġenza dovuta u f’mod ġust fit-tmexxija tal-attivitajiet tagħhom;
[...]
(e) jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ regolamentazzjoni kollha applikabbli għat-tmexxija tal-attivitajiet tan-negozju tagħhom sabiex jippromwovu l-aħjar interessi tal-AIF jew tal-investituri tal-AIF li huma jimmaniġġaw u tal-integrità tas-suq;
[...]”
10 L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Rimunerazzjoni” u li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, bit-titolu “Kundizzjonijiet operattivi għall-AIFMs”, jipprevedi:
“1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFMs ikollhom linji politiċi u prattiċi ta’ rimunerazzjoni għal dawk il-kategoriji ta’ persunal, inkluż il-kapijiet fl-amministrazzjoni, il-persuni li jieħdu r-riskju, funzjonijiet ta’ kontroll, u kwalunkwe impjegat li jirċievi rimunerazzjoni totali li jpoġġihom fl-istess ammonti ta’ rimunerazzjoni bħall-kapijiet fl-amministrazzjoni u l-persuni li jieħdu r-riskju, li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-AIFMs jew tal-AIFs li huma jimmaniġġaw, li jkunu konsistenti ma’ u jippromwovu mmaniġġar effikaċi u soda tar-riskji u li ma jħeġġux it-teħid ta’ riskji li ma jkunx konsistenti mal-profili tar-riskju, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIFs li huma jimmaniġġaw.
L-AIFMs għandhom jiddeterminaw il-linji politiċi u l-prattiċi ta’ rimunerazzjoni f’konformità ma’ dak li hemm stabbilit fl-Anness II.
2. L-[Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)] għandha tiżgura l-eżistenza ta’ linji gwida dwar linji politiċi ta’ rimunerazzjoni sodi li jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II. [...]”
11 L-Artikolu 61 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“AIFMs li jkunu bdew joperaw skont id-Direttiva qabel it-22 ta’ Lulju 2013 għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva u għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fi żmien sena minn dik id-data.”
12 L-Artikolu 66 tal-istess direttiva, bit-titolu “Traspożizzjoni”, jipprevedi:
“1. Sat‑22 ta’ Lulju 2013, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-disposizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-disposizzjonijiet ma’ din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 mit‑22 ta’ Lulju 2013.
[...]”
13 B’mod konformi mal-Artikolu 70 tagħha, id-Direttiva 2011/61 daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li kien l‑1 ta’ Lulju 2011.
Id‑dritt Franċiż
14 Id-Direttiva 2011/61 ġiet trasposta fid-dritt Franċiż permezz tal-ordonnance no 2013‑676, du 25 juillet 2013, modifiant le cadre juridique de la gestion d’actifs (id-Digriet Nru 2013–676 tal‑25 ta’ Lulju 2013 li Jemenda l-Qafas Legali għall-Ġestjoni tal-Assi) (JORF tas‑27 ta’ Lulju 2013, Test Nru 9), li daħal fis-seħħ fit‑28 ta’ Lulju 2013, li, b’mod partikolari, introduċa, fil-code monétaire et financier (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju), l-Artikolu L. 533–22–2, li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.
15 Id-Digriet Nru 2013–676 jinkludi, fl-Artikolu 33(I) tiegħu, dispożizzjoni tranżitorja li tipprovdi kif ġej:
“Il-kumpanniji tal-immaniġġjar li, fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, iwettqu attivitajiet koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, għandhom japplikaw għal awtorizzazzjoni bħala kumpaniji tal-immaniġġjar tal-assi ddefiniti fl-Artikolu L. 532‑9 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta minn dan id-digriet, qabel it‑22 ta’ Lulju 2014.”
16 In-nota ta’ spjega tad-décret n° 2013‑687 du 25 juillet 2013 pris pour l’application de l’ordonnance n° 2013‑676, du 25 juillet 2013, modifiant le cadre juridique de la gestion d’actifs (id-Digriet Nru 2013–687 tal‑25 ta’ Lulju 2013 Adottat għall-Applikazzjoni tad-Digriet Nru 2013–676 tal‑25 ta’ Lulju 2013 li Jemenda l-Qafas Legali għall-Ġestjoni tal-Assi) (JORF tat‑30 ta’ Lulju 2013, Test Nru 3) jinkludi l-indikazzjoni li ġejja: “Dħul fis-seħħ: il-kumpanniji tal-immaniġġjar li jkunu jwettqu attivitajiet koperti mid-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan id-digriet fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tiegħu u għandhom jissottomettu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni xierqa mhux iktar tard mit‑22 ta’ Lulju 2014 [...]”.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
17 F’Marzu 2014, il-kumpannija R Participations, stabbilita minn HJ u li LM u IK kienu msieħba fiha, ittrasferiet lill-kumpannija T, permezz ta’ trasferiment ta’ avvjament, tliet organizzazzjonijiet ta’ investiment kollettiv li jispeċjalizzaw f’investimenti fi swieq emerġenti. HJ sar impjegat tal-kumpannija T.
18 Sabiex tiġi organizzata t-tkomplija ta’ din l-attività mill-kumpannija TFC, HJ ikkonkluda ma’ din il-kumpannija, fil‑5 ta’ Ġunju 2014, kuntratt li permezz tiegħu l-imsemmija kumpannija kienet twiegħed li timpjegah u, fis‑27 ta’ Ġunju 2014, kuntratt ta’ sħubija li jipprevedi diversi remunerazzjonijiet favur HJ, IK u LM (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ sħubija”).
19 Fl‑24 ta’ Ottubru 2014, il-kumpannija T ittrasferiet lill-kumpannija TFC parti mill-avvjament tagħha li jinkludi t-tliet impriżi ta’ investiment kollettiv iddedikati għall-investimenti fis-swieq emerġenti msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza.
20 Fil‑11 ta’ Diċembru 2014, HJ ingħaqad mill-ġdid mal-kumpannija TFC bħala membru tad-Bord Eżekuttiv, Direttur Ġenerali u Tieni Direttur ta’ din il-kumpannija.
21 Fl‑24 ta’ Diċembru 2015 u fis‑6 ta’ Jannar 2016, HJ u IK ressqu kawża kontra l-kumpannija TFC għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ sħubija u għall-ħlas tad-danni. LM intervjena b’mod volontarju fl-istanza. Il-kumpannija TFC talbet, f’kontrotalba, in-nullità tal-kuntratt ta’ sħubija.
22 Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) annullat il-kuntratt ta’ sħubija, minħabba li r-remunerazzjonijiet stipulati f’dan il-kuntratt kienu jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 533–22–2 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, wara li kkonstatat li l-kumpannija TFC kienet timmaniġġja tal-inqas fond AIF wieħed, kif ukoll ċaħdet it-talbiet ta’ HJ, ta’ IK u ta’ LM intiżi għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt u għall-ħlas tad-danni marbuta man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu.
23 Permezz ta’ sentenza mogħtija fit‑8 ta’ Frar 2021, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) ikkonfermat dik is-sentenza.
24 HJ, IK u LM appellaw fil-kassazzjoni minn dik is-sentenza quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju.
25 Din tal-aħħar tirrileva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li mill-Artikolu 33(I) tad-Digriet Nru 2013–676, hekk kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61, jirriżulta li l-maniġers kellhom terminu ta’ sena mit‑22 ta’ Lulju 2013, data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, sabiex josservaw ir-regoli relatati mal-prattiki ta’ remunerazzjoni tal-AIF previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u sabiex jissottomettu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Peress li l-kumpannija TFC kienet kisbet l-awtorizzazzjoni tagħha biss fit‑18 ta’ Awwissu 2014, huma ddeduċew minn dan li dawn ir-regoli ma kinux applikabbli għal din il-kumpannija fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ sħubija, fis‑27 ta’ Ġunju 2014, u li dawn kienu japplikaw biss għar-remunerazzjonijiet varjabbli mħallsa minnha fl‑2016, għas-sena 2015. Huma jsostnu, sussidjarjament, li l-imsemmija regoli ma kinux, fi kwalunkwe każ, vinkolanti fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ sħubija.
26 Il-qorti tar-rinviju tosserva li, insostenn tal-analiżi tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw tliet dokumenti.
27 L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jibbażaw ruħhom fuq dokument imħejji mill-Kummissjoni, bl-Ingliż, bit-titolu “AIFMD Q&As from the European Commission” (Mistoqsijiet u Tweġibiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Direttiva 2011/61), li minnu jirriżulta li “[m]atul il-perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena, huwa mistenni li l-[maniġers] jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom sabiex josservaw ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva [2011/61]. L-obbligu li tintalab awtorizzazzjoni [...] huwa legalment vinkolanti, iżda jista’ jiġi osservat fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Fir-rigward tal-obbligi l-oħra imposti mid-Direttiva [2011/61] (bħal [...] ir-remunerazzjoni [...]), maniġer li jkun jeżisti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva [2011/61] għandu, matul il-perijodu tranżitorju, jadotta l-miżuri kollha (jiġifieri jagħmel l-aħjar sforzi tiegħu) sabiex josserva d-Direttiva [2011/61] fir-rigward tal-attivitajiet kollha mwettqa wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (it‑22 ta’ Lulju 2013). Wara dan il-perjodu tranżitorju, l-obbligi kollha li jirriżultaw mid-Direttiva [2011/61] ikunu legalment vinkolanti.”
28 It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jibbażaw ruħhom fuq “Lista ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar id-Direttiva [2011/61]”, ippubblikata mill-ESMA, li fiha huwa ppreċiżat:
“[...] Ladarba impriża tkun awtorizzata taħt l-AIF, hija għandha tkun suġġetta għar-regoli dwar ir-remunerazzjoni tad-Direttiva [2011/61] u għal-Linji gwida dwar ir-remunerazzjonijiet. Għalhekk, ir-regoli rilevanti għandhom jibdew japplikaw mid-data tal-awtorizzazzjoni.
Madankollu, f’dak li jirrigwarda r-regoli dwar ir-remunerazzjoni varjabbli [...] il-maniġers għandhom japplikawhom għall-kalkolu tal-ħlasijiet relatati mal-attribuzzjonijiet il-ġodda ta’ remunerazzjoni varjabbli lill-persunal identifikat tagħhom (hekk kif iddefinit fil-Linji gwida dwar ir-remunerazzjonijiet) għall-perijodi ta’ prestazzjoni sussegwenti għal dak li matulu huma jkunu ġew awtorizzati. Għalhekk, l-iskema ta’ remunerazzjoni varjabbli tal-[maniġers] għandha tapplika biss għall-perijodi ta’ prestazzjoni kompleti u għandha tapplika għall-ewwel perijodu ta’ prestazzjoni sħiħ wara li l-maniġer ikun ġie awtorizzat.
Pereżempju: [...] għal maniġer li diġà jimmaniġġja AIF li s-sena kontabbli tagħhom tintemm fil‑31 ta’ Diċembru li jissottometti applikazzjoni għal awtorizzazzjoni qabel it‑22 ta’ Lulju 2014 u jikseb awtorizzazzjoni wara din id-data (inkluż meta l-awtorizzazzjoni tinkiseb wara l‑31 ta’ Diċembru 2014), ir-regoli tad-Direttiva [2011/61] dwar ir-remunerazzjonijiet varjabbli għandhom japplikaw għall-kalkolu tal-ħlasijiet relatati mas-sena kontabbli tal‑2015.”
29 It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw “Guide AIFM – Rémunération” (il-Gwida tal-AIFM – Remunerazzjoni), ippubblikata mill-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji (AMF), l-awtorità Franċiża responsabbli għall-protezzjoni tat-tfaddil investit fi prodotti finanzjarji, għall-għoti ta’ informazzjoni lill-investituri u għall-funzjonament tajjeb tas-swieq. Din il-gwida tipprevedi:
“B’applikazzjoni tal-Artikolu 61[(1)] tad-Direttiva [2011/61], il-kumpaniji tal-immaniġġjar eżistenti fit‑22 ta’ Lulju 2013 għandhom terminu ta’ sena sat‑22 ta’ Lulju 2014 sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi previsti mid-Direttiva [2011/61] u sabiex jissottomettu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tagħhom.
Għalhekk, jistgħu jirriżultaw tliet każijiet:
– kumpanniji tal-immaniġġjar li jiksbu l-awtorizzazzjoni AIFM tagħhom bejn it‑22 ta’ Lulju 2013 u l‑31 ta’ Diċembru 2013: il-miżuri previsti mill-pożizzjoni dwar ir-remunerazzjonijiet AIFM fil-qasam tar-remunerazzjoni għandhom japplikaw għas-sena kontabbli tal‑2014 (għar-remunerazzjonijiet varjabbli mħallsa fl‑2015).
– kumpanniji tal-immaniġġjar li jiksbu l-awtorizzazzjoni AIFM tagħhom bejn it‑22 ta’ Lulju 2013 u l‑31 ta’ Diċembru 2013: il-miżuri previsti mill-pożizzjoni dwar ir-remunerazzjonijiet AIFM fil-qasam tar-remunerazzjoni għandhom japplikaw għas-sena kontabbli tal‑2015 għar-remunerazzjonijiet varjabbli mħallsa fl‑2016.
– Sussegwentement, għandha tiġi applikata l-istess loġika għall-kumpanniji tal-immaniġġjar il-ġodda li jiksbu l-awtorizzazzjoni AIFM tagħhom fis-sena N, wara t‑22 ta’ Lulju 2014: l-ewwel sena kontabbli li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tal-miżuri previsti mill-pożizzjoni dwar ir-remunerazzjonijiet AIFM għandha tkun is-sena finanzjarja N + 1 għar-remunerazzjonijiet varjabbli mħallsa f’N + 2.”
30 Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kumpannija TFC tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 533‑22‑2 tal-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju kienu applikabbli fil-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ sħubija, fis‑27 ta’ Ġunju 2014, sa fejn, għalkemm id-Digriet Nru 2013–676 li introduċa din id-dispożizzjoni jipprevedi dħul fis-seħħ iddifferit ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dawk li jimponu fuq l-operaturi jistabbilixxu prattiki u politiki ta’ remunerazzjoni tad-diretturi ta’ kumpanniji ta’ mmaniġġar ta’ AIF “kompatibbli ma’ ġestjoni tajba u effikaċi tar-riskji”. Il-kumpannija TFC issostni wkoll li, anki jekk jitqies li l-amministraturi jibbenefikaw minn terminu sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet il-ġodda li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/61, dawn ma jistgħux jikkonkludu, matul dan it-terminu, kuntratt li jipprevedi remunerazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, peress li l-Artikolu 61(1) tagħha jeżiġi li huma “għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva”.
31 Dik il-qorti tikkonstata li d-dokument li joriġina mill-Kummissjoni msemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza jidher li jindika li jeżisti perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena, li jintemm fil‑21 ta’ Lulju 2014, li, qabel din id-data, kien mistenni biss mill-maniġers li jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom sabiex josservaw ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/61 u li kien biss wara din id-data li l-obbligi kollha li jirriżultaw minn din id-direttiva saru legalment vinkolanti. Skont din l-analiżi, la d-data tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u lanqas id-data ta’ kisba tal-awtorizzazzjoni ma huma rilevanti.
32 Skont l-imsemmija qorti, għall-kuntrarju jidher li jirriżulta mill-analiżi tal-ESMA u tal-AMF li maniġer għandu jkun suġġett għar-regoli relatati mal-prattiki ta’ remunerazzjoni tad-Direttiva 2011/61 biss mid-data li fiha huwa jkun kiseb l-awtorizzazzjoni, filwaqt li, qabel din l-awtorizzazzjoni, huwa ma għandux jkun suġġett għal dawn ir-regoli. Skont dawn l-analiżi, barra minn hekk, l-imsemmija regoli għandhom japplikaw biss mill-bidu tas-sena ta’ wara l-awtorizzazzjoni.
33 Il-qorti tar-rinviju tqis li, mill-qari tal-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61, ebda waħda mill-interpretazzjonijiet proposti ma hija “ovvja”, peress li interpretazzjoni oħra hija possibbli, li fiha ssir distinzjoni skont jekk ir-remunerazzjoni tkunx ġiet miftiehma qabel jew wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/61 fid-dritt nazzjonali. Fl-ewwel xenarju, jista’ jiġi aċċettat li huwa diffiċli li l-maniġer jintalab jikkontesta immedjatament remunerazzjoni li ma kienet tikser ebda regola meta din kienet ġiet stabbilita u li l-iktar l-iktar huwa jista’ jintalab, matul perijodu tranżitorju, jagħmel l-aħjar sforzi tiegħu sabiex josserva r-rekwiżiti l-ġodda fil-qasam tar-remunerazzjoni. Fit-tieni xenarju, jista’ jitqies li d-dħul fis-seħħ tat-test nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/61 jipprojbixxi immedjatament lill-maniġer milli jiftiehem, għall-futur, dwar remunerazzjonijiet li jkunu kuntrarji għar-regoli stabbiliti f’din id-direttiva, ladarba din tkun diġà daħlet fis-seħħ.
34 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation(il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari sussegwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) a) L-Artikoli 13 u 61(1) tad-Direttiva [2011/61] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-maniġers li kienu jeżerċitaw attivitajiet koperti mid-Direttiva qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 huma obbligati li josservaw l-obbligi relatati mal-linji politiċi u mal-prattiki ta’ remunerazzjoni:
i) wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva,
ii) fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali;
iii) b’effett mill-iskadenza tat-terminu ta’ sena, li skada fil‑21 ta’ Lulju 2014, previst fl-Artikolu 61(1), jew
iv) b’effett mill-ksib tal-awtorizzazzjoni bħala maniġer abbażi tagħha?
b) Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk ir-remunerazzjoni mħallsa mill-maniġer tal-fondi ta’ investiment alternattivi lill-impjegat jew lil direttur ta’ kumpannija ġietx miftiehma qabel jew wara:
i) l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva;
ii) fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali;
iii) l-iskadenza, fil‑21 ta’ Lulju 2014, tat-terminu previst fl-Artikolu 61(1) tad-Direttiva [2011/61];
iv) id-data tal-ksib tal-awtorizzazzjoni tiegħu mill-[maniġer]?
2) Jekk mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li, wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva [2011/61] fid-dritt nazzjonali, il-[maniġer] huwa, għal ċertu perijodu, obbligat biss li jagħmel l-aħjar sforzi sabiex josserva l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn din id-direttiva, l-imsemmi maniġer ikun qiegħed josserva dan l-obbligu jekk, matul dan it-terminu, jimpjega impjegat jew jaħtar direttur ta’ kumpannija b’kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni li ma josservawx ir-rekwiżiti tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 13 tad-Direttiva [2011/61]?”
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
35 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw, minkejja li b’mod impliċitu, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jsostnu li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma taqax, ratione materiae, taħt id-Direttiva 2011/61.
36 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Jannar 2024, Nárokuj, C‑755/22, EU:C:2024:10, punt 17).
37 Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali ikun possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes‑Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 F’dan il-każ, id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/61. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ikkontestati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ġew stabbiliti fl-ewwel istanza u fl-appell, u l-qorti tar-rinviju ppreċiżat li risposta għal dawn id-domandi kienet neċessarja sabiex hija tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jippermettu li tingħata risposta utli għall-imsemmija domandi.
39 Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
40 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn liema mument l-Istati Membri kienu meħtieġa jeżiġu li l-maniġers li jkunu jwettqu attivitajiet skont id-Direttiva 2011/61 qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 josservaw l-obbligi relatati mal-politiki u mal-prattiki ta’ remunerazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.
41 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2011/61 jobbliga lill-Istati Membri jeżiġu li l-maniġers ikollhom politiki u prattiki ta’ remunerazzjoni, għal ċerti kategoriji ta’ persunal, li jkunu kompatibbli ma’ mmaniġġar tajjeb u effikaċi tar-riskji u jippromwovu tali mmaniġġar, u li ma jħeġġux teħid ta’ riskju li jkun inkompatibbli mal-profili ta’ riskju, mar-regoli jew mal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF li huma jimmaniġġaw.
42 L-Artikolu 66 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit‑22 ta’ Lulju 2013, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mal-imsemmija direttiva u li huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet minn din id-data.
43 Issa, l-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61, bit-titolu “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali”, jipprovdi li l-maniġers li kienu jwettqu l-attivitajiet tagħhom qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 “għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva u għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fi żmien sena minn dik id-data”.
44 Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-Direttiva 2011/61 ma timponix fuq l-Istati Membri obbligu li jeżiġu li din il-kategorija ta’ maniġers tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva mit‑22 ta’ Lulju 2013.
45 Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 ma tippermettix, waħedha, li tiġi ddeterminata d-data li fiha l-obbligi previsti fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, hekk kif trasposti fid-dritt nazzjonali, saru vinkolanti għal dawn il-maniġers, peress li minn din il-formulazzjoni jirriżulta li din id-data setgħet tkun jew dik tal-iskadenza tat-terminu ta’ sena mit‑22 ta’ Lulju 2013 li din id-dispożizzjoni tipprevedi jew id-data tal-kisba tal-awtorizzazzjoni bħala maniġer li għaliha din tirreferi.
46 Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li din taqa’ taħtu kif ukoll l-għanijiet u l-iskop imfittxija mill-att li din tifforma parti minnu (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2024, IAB Europe, C‑604/22, EU:C:2024:214, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Fir-rigward tal-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61, hemm lok, peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi terminu ta’ sena mit‑22 ta’ Lulju 2013 għas-sottomissjoni, mill-maniġers ikkonċernati, ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Artikoli 6 sa 8 ta’ din id-direttiva.
48 L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/61 jipprevedi, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ebda maniġer ma jimmaniġġa AIF mingħajr ma jkun ġie awtorizzat b’mod konformi ma’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li l-maniġers awtorizzati skont l-imsemmija direttiva għandhom jissodisfaw b’mod permanenti l-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni previsti mill-istess direttiva.
49 L-Artikolu 7(2)(d) tad-Direttiva 2011/61 jipprovdi li l-informazzjoni li l-maniġers huma meħtieġa jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiksbu l-awtorizzazzjoni tagħhom tinkludi, b’mod partikolari, dik dwar il-politiċi u l-prattiċi ta’ remunerazzjoni skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.
50 Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 2011/61 jirriżulta li l-awtorizzazzjoni li għaliha tkun ġiet sottomessa applikazzjoni għandha tingħata biss jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu jqisu li l-maniġer ikkonċernat jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
51 Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, l-ewwel nett, li awtorizzazzjoni hija neċessarja għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ maniġer, it-tieni nett, li din l-awtorizzazzjoni tingħata biss jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ssodisfatti, fid-dawl tal-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lilhom mill-maniġer ikkonċernat fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu, mill-fatt li dan huwa f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi previsti fid-Direttiva 2011/61, u, it-tielet nett, li dan il-maniġer huwa meħtieġ , ladarba tingħata l-awtorizzazzjoni, iwettaq b’mod kontinwu dawn l-obbligi, inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li, fil-kuntest tad-Direttiva 2011/61, id-data tal-awtorizzazzjoni hija ta’ importanza ċentrali.
52 Peress li l-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 jipprevedi espliċitament li l-maniġers li kienu diġà jwettqu attivitajiet skont din id-direttiva qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 għandhom jissottomettu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni f’terminu ta’ sena minn din id-data, għandu għalhekk jitqies li din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6 sa 8 tal-imsemmija direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li dawn il-maniġers kienu meħtieġa josservaw b’mod sħiħ l-obbligi previsti mill-istess direttiva, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-prattiki ta’ remunerazzjoni tagħhom, kif trasposti fid-dritt nazzjonali, biss mid-data li fiha huma kisbu l-awtorizzazzjoni tagħhom, sakemm huma kienu ssottomettew applikazzjoni għal awtorizzazzjoni f’terminu ta’ sena mit‑22 ta’ Lulju 2013.
53 Din l-interpretazzjoni hija koerenti mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2011/61.
54 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn l-għanijiet jikkonsistu, hekk kif tikkonferma l-premessa 24 tad-Direttiva 2011/61, fil-protezzjoni tal-investituri, b’mod partikolari meta l-interessi tagħhom jistgħu jkunu f’kunflitt ma’ dawk tal-maniġers mill-perspettiva kemm tar-riskju kif ukoll tas-sostenibbiltà tad-deċiżjonijiet ta’ investiment, kif ukoll f’li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. B’mod iktar preċiż, il-politiki u l-prattiki ta’ remunerazzjoni ddefiniti mid-Direttiva 2011/61 huma intiżi, f’dan il-kuntest, li jiffavorixxu l-ġestjoni tajba u effettiva tar-riskji, kif ukoll li ma jħeġġux teħid ta’ riskju li jkun inkompatibbli mal-profili ta’ riskju, mar-regoli jew mal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, HOLD Alapkezelő, C‑352/20, EU:C:2022:606, punti 52 u 54).
55 Għalkemm, ċertament, l-imsemmija għanijiet japplikaw fir-rigward tal-attivitajiet tal-maniġers kollha, għandu jitfakkar ukoll li, fir-rigward tal-maniġers li kienu diġà attivi qabel it‑22 ta’ Lulju 2013, id-Direttiva 2011/61 tipprevedi espliċitament perijodu tranżitorju, li huwa intiż li jagħti żmien addizzjonali lil dawn il-maniġers sabiex huma jkunu jistgħu jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti introdotti minn din id-direttiva, billi jadottaw “il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla mi[ll-imsemmija] Direttiva”.
56 Fir-rigward tar-rilevanza eventwali tad-data li fiha r-remunerazzjoni tkun ġiet miftehma, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dispożizzjoni legali ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li għalkemm din ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li jkunu tnisslu u jkunu saru definittivi taħt is-sistema legali preċedenti, din tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet ġuridiċi l-ġodda. Ikun mod ieħor, u bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti legali, biss jekk ir-regola l-ġdida tkun akkumpanjata b’dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Banco Santander (Riferiment għal indiċi uffiċjali), C‑265/22, EU:C:2023:578, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 F’dan il-każ, minn naħa, ir-regola l-ġdida hija akkumpanjata minn dispożizzjonijiet partikolari li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha, jiġifieri l-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61. Min-naħa l-oħra, peress li l-kuntratt ta’ sħubija ġie konkluż fis‑27 ta’ Ġunju 2014 u, sa fejn fid-data li fiha l-kumpannija TFC kienet kisbet l-awtorizzazzjoni tagħha, jiġifieri t‑18 ta’ Awwissu 2014, dan il-kuntratt kien għadu fis-seħħ u kien jipprevedi diversi remunerazzjonijiet favur HJ, IK u LM, jidher, bla ħsara għal verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, li s-sitwazzjoni ġuridika ma kinitx saret definittiva u baqgħet tipproduċi l-effetti tagħha.
58 Minn dan isegwi li d-data li fiha ġiet miftiehma r-remunerazzjoni li tirriżulta minn dan il-kuntratt hija irrilevanti għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda, u dan iktar u iktar peress li, permezz tal-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda preċiżament il-possibbiltà għall-maniġers li kienu jwettqu attivitajiet skont din id-direttiva qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 li jadattaw ruħhom progressivament għar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva.
59 Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali li, skont il-ġurisprudenza, jipprekludi li dispożizzjoni legali ġdida tkun tapplika retroattivament, jiġifieri għal sitwazzjoni li tkun saret definittiva qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, u li jeżiġi li kull sitwazzjoni ta’ fatt tiġi normalment, u bla ħsara għal indikazzjoni espressa kuntrarja, evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali li jkunu kontemporanji għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tikkorrispondi, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal dik tal-ESMA li, skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2011/61 tiżgura l-eżistenza ta’ linji gwida dwar politiki ta’ remunerazzjoni tajba li josservaw l-Anness II ta’ din id-direttiva, u li indikat b’mod espliċitu, fl-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku minn din l-awtorità, imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li r-regoli ta’ din id-direttiva fil-qasam tar-remunerazzjoni u l-linji gwida relatati magħhom japplikaw għall-maniġers mid-data li fiha huma jiksbu l-awtorizzazzjoni tagħhom.
60 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri kienu meħtieġa jeżiġu li l-maniġers li jkunu jwettqu attivitajiet skont din id-direttiva qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 josservaw b’mod sħiħ l-obbligi relatati mal-politiki u mal-prattiki ta’ remunerazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva mid-data li fiha huma jiksbu l-awtorizzazzjoni tagħhom, sakemm huma jkunu issottomettew applikazzjoni għal awtorizzazzjoni f’terminu ta’ sena mit‑22 ta’ Lulju 2013.
Fuq it‑tieni domanda
61 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk maniġer li, matul il-perijodu mit‑22 ta’ Lulju 2013 sad-data tal-kisba tal-awtorizzazzjoni, jimpjega impjegat jew jinnomina direttur tal-kumpannija taħt kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni li ma josservawx ir-rekwiżiti tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/61 fid-dritt nazzjonali, jistax jitqies li jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex josserva l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn din id-direttiva fis-sens tal-Artikolu 61 tagħha.
62 Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, x’inhi l-portata tal-espressjoni prevista fl-Artikolu 61(1) tad-Direttiva2011/61 li skontha, matul il-perijodu tranżitorju msemmi f’din id-dispożizzjoni, dawn il-maniġers “għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva”, fir-rigward tal-politiki u tal-prattiki ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.
63 Hekk kif huwa rrilevat, minn naħa, fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, awtorizzazzjoni tingħata biss jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ssodisfatti, fid-dawl tal-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lilhom mill-maniġer ikkonċernat fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiegħu, mill-fatt li dan huwa f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi previsti fid-Direttiva 2011/61. Fil-fatt, fid-data tal-awtorizzazzjoni, dawn il-maniġers għandu jkollhom politiki u prattiki ta’ remunerazzjoni li jkunu konformi mal-obbligi previsti fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, hekk kif trasposti fid-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, dan il-maniġer huwa meħtieġ, ladarba tingħata l-awtorizzazzjoni, iwettaq b’mod kontinwu dawn l-obbligi, inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva.
64 Min-naħa l-oħra, mill-punt 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 61 tad-Direttiva 2011/61 huwa intiż li jippermetti lill-maniġers kkonċernati jadattaw ruħhom progressivament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/61.
65 Issa, sabiex jiġi ssalvagwardat l-effett utli tad-Direttiva 2011/61, għandu jitqies li għalkemm, matul il-perijodu tranżitorju ta’ sena, imsemmi fl-Artikolu 61(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers li kienu jwettqu attivitajiet skont l-imsemmija direttiva diġà qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex josservaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li dawn il-maniġers jastjenu milli jadottaw miżuri ta’ natura li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat previst mill-istess direttiva.
66 Għaldaqstant, għandu jitqies li l-espressjoni “għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi interpretata bħala li tfisser li din timplika għall-maniġers li jkunu jwettqu attivitajiet qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 li dawn jastjenu milli jadottaw miżuri li jkunu ta’ natura li jikkompromettu serjament it-twettiq tal-għan tad-Direttiva 2011/61.
67 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva”, timplika għall-maniġers li jkunu jwettqu attivitajiet qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 li dawn jastjenu milli jadottaw miżuri li jkunu ta’ natura li jikkompromettu serjament it-twettiq tal-għan ta’ din id-direttiva.
Fuq l‑ispejjeż
68 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-Istati Membri kienu meħtieġa jeżiġu li l-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFM) li jkunu jwettqu attivitajiet skont din id-direttiva qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 josservaw b’mod sħiħ l-obbligi relatati mal-politiki u mal-prattiki ta’ remunerazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva mid-data li fiha huma jiksbu l-awtorizzazzjoni tagħhom, sakemm huma jkunu issottomettew applikazzjoni għal awtorizzazzjoni f’terminu ta’ sena mit‑22 ta’ Lulju 2013.
2) L-Artikolu 61(1) tad-Direttiva 2011/61
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
l-espressjoni “għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva”, timplika għall-maniġers ta’ IFM li jkunu jwettqu attivitajiet qabel it‑22 ta’ Lulju 2013 li dawn jastjenu milli jadottaw miżuri li jkunu ta’ natura li jikkompromettu serjament it-twettiq tal-għan ta’ din id-direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.