EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0085
Judgment of the Court (Seventh Chamber) of 22 February 2024.#Landkreis Jerichower Land v A.#Request for a preliminary ruling from the Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt.#Reference for a preliminary ruling – Public health – Health rules applicable to animal by-products and derived products not intended for human consumption – Regulation (EC) No 1069/2009 – Approval – Article 24(1)(i) – Concept of ‘storage of animal by-products’ – Interruption of a transport operation for up to eight hours.#Case C-85/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Frar 2024.
Landkreis Jerichower Land vs A.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Awtorizzazzjoni – Artikolu 24(1)(i) – Kunċett ta’ ‘ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali’ – Interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport li tista’ ddum sa tmien sigħat.
Kawża C-85/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-22 ta’ Frar 2024.
Landkreis Jerichower Land vs A.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Awtorizzazzjoni – Artikolu 24(1)(i) – Kunċett ta’ ‘ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali’ – Interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport li tista’ ddum sa tmien sigħat.
Kawża C-85/23.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:161
*A9* Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt, beschluss vom 24/01/2023 (3 L 4/21 ; 1 A 310/17 MD)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
22 ta’ Frar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Awtorizzazzjoni – Artikolu 24(1)(i) – Kunċett ta’ ‘ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali’ – Interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport li tista’ ddum sa tmien sigħat”
Fil-Kawża C‑85/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2023, fil-proċedura
Landkreis Jerichower Land
vs
A.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal A., minn J. Hagmann, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A.-E. Vasilopoulou, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u G. Koleva, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2023, L 92, p. 32). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Landkreis Jerichower Land (id-Distrett ta’ Jerichower Land, il-Ġermanja) u A., kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, dwar il-projbizzjoni lil din tal-aħħar milli taħżen kontenituri ta’ trasport li fihom prodotti sekondarji tal-annimali f’wieħed mill-imħażen tagħha. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Skont il-premessi 1,2, 5, 6, 11 u 36 tar-Regolament Nru 1069/2009:
[…]
[…]
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Suġġett”: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, biex jiġu milqugħa minn qabel u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b’mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf.” |
5 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej: “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Punt tat-tluq fil-katina tal-manifattura u obbligi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Malli l-operaturi jiġġeneraw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huma għandhom jidentifikawhom u jiżguraw li jindirizzawhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament. (il-punt tat-tluq). 2. L-operaturi, waqt l-istadji kollha ta’ ġbir, transport, immaniġġar, trattament, trasformazzjoni, ipproċessar, ħażna, tqegħid fis-suq, distribuzzjoni, użu u rimi fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom, għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom.” |
7 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Kategorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-prodotti sekondarji mill-annimali għandhom jiġu kkategorizzati f’kategoriji speċifiċi li jirriflettu l-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġej minn dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali, skont il-listi stabbiliti fl-Artikoli 8, 9 u 10.” |
8 |
L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, relattiv għall-“Materjal tal-Kategorija 3”, huwa fformulat kif ġej: “Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:
[…]” |
9 |
L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 3”, jipprovdi li: “Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu: […]
|
10 |
It-titolu II ta’ dan ir-regolament, dwar il-“[o]bbligi tal-operaturi”, jinkludi l-Artikoli 21 sa 43 ta’ dan tal-aħħar. |
11 |
L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-ġbir u l-identifikazzjoni fir-rigward tal-Kategorija u tat-trasport ”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-operaturi għandhom jiġbru, jidentifikaw u jġorru prodotti sekondarji tal-annimali mingħajr dewmien bla bżonn b’kondizzjonijiet li jilqgħu minn qabel kontra riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali.” |
12 |
L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Approvazzjoni ta’ stabbilimenti jew impjanti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-operaturi għandhom jiggarantixxu li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti, fejn dawn l-istabbilimenti jew impjanti jwettqu xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew aktar: […] (i) il-ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali; […]” |
13 |
Skond l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1069/2009: “Ir-Regolament [Nru 1774/2002] huwa b’dan imħassar b’effett mill‑4 ta’ Marzu 2011.” |
14 |
L-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Miżura transitorja” huwa fformulat kif ġej: “L-istabbilimenti, impjanti u utenti approvati jew reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 qabel l‑4 ta’ Marzu 2011 għandhom jitqiesu bħala approvati jew reġistrati, kif meħtieġ, skont dan ir-Regolament.” |
Id‑dritt Ġermaniż
15 |
L-Artikolu 1 tat-Tierische-Nebenprodukte-Beseitigungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Rimi tal-Prodotti Sekondarji tal-Annimali) tal‑25 ta’ Jannar 2004 (BGB1.2004 I, p. 82), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem it-“TierNebG”), jipprovdi: “Din il-liġi hija intiża li timplimenta r-[Regolament Nru 1069/2009], kif ukoll l-atti legali tal-Komunità jew tal-Unjoni Ewropea li japplikaw b’mod dirett, adottati skont jew biex jeżegwixxu dan ir-regolament.” |
16 |
Skont l-Artikolu 12(1) u (2) tat-TierNebG: “1. L-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u tar-regolamenti adottati abbażi tagħha, kif ukoll ordnijiet eżekuttivi mogħtija skont l-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1, f’din il-liġi jew f’regolament adottat abbażi tagħha, huma mistħarrġa mill-awtorità kompetenti […] 2. L-awtorità kompetenti tista’ tagħti, każ b’każ, l-ordnijiet neċessarji għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-atti legali ta’ applikazzjoni diretta msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-liġi kif ukoll tar-regolamenti adottati abbażi tagħha. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll wara r-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament [Nru 1069/2009] jew wara li tingħata approvazzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament [Nru 1069/2009].” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
17 |
Fl‑10 ta’ Novembru 2004, A. kiseb approvazzjoni għall-impjant tiegħu ta’ pproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 3 li jinsab fil-belt ta’ A, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1774/2002, li kien jipprevedi l-obbligu, għall-impjanti ta’ pproċessar tal-Kategorija 3, li jiksbu tali approvazzjoni. |
18 |
Matul is-sena 2016, waqt kontroll imwettaq f’maħżen operat minn A. fil-belt ta’ B, uffiċjali tad-Distrett ta’ Jerichower Land ikkonstataw li kontejners tat-trasport li kien fihom skart ta’ karkassi u fdalijiet ta’ laħam tal-annimali li jaqgħu taħt il-Kategorija 3 msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1069/2009 kienu mqiegħda f’semitrejler mgħammar b’apparat li jkessaħ. Huma osservaw ukoll li xi karkassi kienu fi stat ta’ dekompożizzjoni, li l-art tal-maħżen kienet koperta b’likwidi li kien fihom dud u li kienu ġejjin minn kontejners, u li, fl-irkejjen tal-maħżen, kien hemm eskrementi tal-ġrieden u tal-firien. |
19 |
L-uffiċjali tad-Distrett ta’ Jerichower Land ikkonstataw li t-trasport u l-ħażna ta’ dan il-materjal tal-Kategorija 3 kienu jseħħu kif ġej. L-ewwel nett, il-kontejners kienu jinġabru mingħand il-produtturi u ttrasportati b’ħames vetturi fil-maħżen li jinsab fil-belt ta’ B. Sussegwentement, f’dan il-maħżen, il-kontejners kienu jitgħabbew direttament fis-semitrejler li jkessaħ, mingħajr ma jiġi pproċessat il-kontenut tagħhom. Il-kontejners kienu b’hekk jibqgħu fis-semitrejler għal sagħtejn bħala regola ġenerali, tul ta’ żmien li madankollu seta’, f’ċerti każijiet partikolari, jilħaq tmien sigħat. Wara l-ġbir tal-kontejners tat-trasport kollha, dawn kienu jiġu ttrasportati minn trakk mgħammar b’semitrejler li jkessaħ sal-impjant ta’ pproċessar operat minn A. fil-belt ta’ A. Għal dak li jirrigwarda l-kontejners, li ma kinux impermeabbli, fil-parti l-kbira tagħhom kienu reċipjenti għall-iskart konvenzjonali (240 litru) u kontenituri tal-iskart imsejħa “Eurobox” (600 litru). |
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2017, meħuda abbażi tal-Artikolu 12(2) tat-TierNebG, id-Distrett ta’ Jerichower Land ipprojbixxa lil A. milli jaħżen prodotti sekondarji tal-annimali fil-maħżen tiegħu tal-belt ta’ B, minħabba li din il-kumpannija ma kellhiex awtorizzazzjoni għal dan l-għan, fis-sens tal-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009. |
21 |
Wara lment mingħajr suċċess kontra din id-deċiżjoni, A. ppreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja). Dik il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni, minħabba li l-interruzzjoni ta’ perijodu qasir fl-operazzjoni ta’ trasport, mingħajr ma din l-interruzzjoni tkun marbuta ma’ operazzjoni sabiex dawn il-kontenituri jiġu żvujtati jew mibdula, ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala ħażna ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, fis-sens tal‑Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009. |
22 |
Id-Distrett ta’ Jerichower Land appella mis-sentenza tal-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) quddiem l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen‑Anhalt, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
23 |
Skont din il-qorti, l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħżin” imsemmi fl-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009, peress li d-deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2017, li permezz tagħha dan id-distrett ipprojbixxa lil A. milli jaħżen prodotti sekondarji tal-annimali fil-maħżen tiegħu tal-belt ta’ B, kienet ibbażata fuq il-fatt li kontenituri li kien fihom prodotti sekondarji tal-annimali, ittrasportati minn trakkijiet, kienu ddepożitati, għal ftit sigħat, f’dan il-maħżen. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament [Nru 1069/2009], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘ħżin’ jinkludi interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport li matulha kontenituri bi prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 jiġu ttrażbordati lejn vettura oħra u maħżuna hemmhekk għal diversi sigħat (mhux iktar minn tmienja), qabel ma jiġu ttrasportati lejn impjant ta’ trasformazzjoni, mingħajr ma l-materjal jiġi pproċessat jew ittrasferit f’kontenituri oħra?” |
Fuq id‑domanda preliminari
25 |
Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja) tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħżin” li jirreferi għalih jinkludi l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport, ta’ tul ta’ ftit sigħat li jista’ jdum sa tmien sigħat, li matulu l-kontejners tat-trasport li jkun fihom prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 3 jiġu ttrażbordati minn vettura għat-trasport għal oħra, qabel ma jiġu ttrasportati lejn impjant tal-ipproċessar, mingħajr ma dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali jiġu pproċessati jew ittrasferiti f’kontenituri oħra tat-trasport matul dik l-interruzzjoni. |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1069/2009 jipproċedi għall-klassifikazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali fi tliet kategoriji speċifiċi (enumerati 1, 2 u 3) skont il-livell ta’ riskju li dawn jippreżentaw għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Jaqgħu b’mod partikolari taħt il-Kategorija 3 il-materjal li tqies mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala ta’ riskju baxx filwaqt li l-materjal li jaqa’ taħt il-Kategoriji 1 u 2 jippreżentaw riskju għoli għas-saħħa pubblika u tal-annimali, bil-materjal tal-Kategorija 1 indikat bħala dak li jippreżenta l-ogħla riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 41). |
27 |
L-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament, li jimponi l-pussess ta’ approvazzjoni fuq l-operaturi tal-istabbilimenti jew tal-impjanti, li jwettqu waħda mill-attivitajiet li huwa jkopri, li fosthom jinsab, fil-punt (1) tiegħu, il-ħżin tal-prodotti sekondarji tal-annimali, ma japplikax għall-attività tat-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, ReFood, C‑634/17, EU:C:2019:443, punt 42). |
28 |
Peress li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma għandhiex tali awtorizzazzjoni għall-maħżen li hija topera fil-belt ta’ B, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-punt dwar jekk l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex titqies li tagħmel parti minn dan it-trasport, u għalhekk bil-konsegwenza tan-nuqqas tal-obbligu ta’ awtorizzazzjoni, jew inkella bħala li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħżin” fis-sens tal-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament ma jiddefinixxix dan il-kunċett u li t-termini tal-Artikolu 24(1)(i) tal-imsemmi regolament ma jippermettux, waħedhom, interpretazzjoni ċara tiegħu. |
30 |
Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet ta’ rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1069/2009, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 4(1) u (2) tiegħu, huma l-operaturi li jiġġeneraw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti dderivati, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li għandhom jiżguraw li dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali josservaw ir-regoli tal-imsemmi regolament fl-istadji kollha tal-ġbir, tat-trasport, tal-immaniġġjar, tal-ipproċessar, tal-konverżjoni, tat-trasformazzjoni, tal-ħażna, tat-tqegħid fis-suq, tad-distribuzzjoni, tal-użu u tar-rimi tal-imsemmija prodotti sekondarji tal-annimali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 55). |
32 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1069/2009, skont il-premessa 36 tiegħu, jipprevedi r-responsabbiltà primarja tal-operaturi li jiżguraw li r-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament jiġu osservati sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika u tal-annimali. F’dan ir-rigward, l-operaturi huma obbligati josservaw ir-rekwiżiti tal-imsemmi regolament li japplikaw għall-attivitajiet tagħhom meta jipproċessaw prodotti sekondarji tal-annimali (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 56). |
33 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1069/2009 jeżiġi li l-operaturi jittrasportaw il-prodotti sekondarji tal-annimali “mingħajr dewmien bla bżonn” f’kundizzjonijiet li jeskludu r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Minkejja li dan ir-regolament ma jeskludix, fil-prinċipju, il-possibbiltà ta’ interruzzjoni tat-trasport, huwa jipprojbixxi konsegwentement it-tul eċċessiv fit-trasport. |
34 |
Fil-każ ineżami u bla ħsara għal verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel nett, li l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jseħħu matul l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport u li huma ma jagħmlux parti mit-trasport li jsir bit-triq fi jew fuq vettura mobbli, iżda jitwettqu f’maħżen. Barra minn hekk, il-materjal tal-Kategorija 3 jinsab regolarment, b’mod organizzat u ppjanat, fil-bini tal-konvenuta fil-kawża prinċipali u dan minħabba deċiżjoni deliberata tagħha, u mhux minħabba interruzzjoni mhux prevista tal-proċess ta’ trasport jew ta’ interruzzjoni intiża sabiex jiġi osservat il-ħin ta’ mistrieħ regolatorju tax-xufier. Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanzi deskritti fid-digriet tar-rinviju jindikaw li, mhux biss il-ħażna fil-maħżen hija frekwenti, iżda wkoll li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma stabbilixxietx proċeduri sabiex tipprevjeni l-kontaminazzjonijiet u tiżgura tindif regolari tal-post, li huwa ta’ natura li joħloq riskju għas-sigurtà tal-katina tal-ikel tal-bniedem u tal-annimali. |
35 |
Għal dak li jirrigwarda l-għanijiet prinċipali mfittxija mir-regolament dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, mill-Artikolu 1 u mill-premessi 2, 5, 6 u 11 tar-Regolament Nru 1069/2009 jirriżulta li dawn l-għanijiet jikkonsistu fil-kontroll b’mod adegwat tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali u fil-ħarsien tas-sigurtà tal-katina tal-ikel tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll li jiġi stabbilit qafas koerenti u komplet ta’ regoli tas-saħħa li huma proporzjonati għar-riskji tas-saħħa li toħloq il-manipulazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali mill-operaturi fid-diversi stadji tal-katina, mill-ġbir tagħhom sal-użu tagħhom jew ir-rimi tagħhom (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 52). |
36 |
Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali jiġu kkontrollati matul l-użu tal-prodotti sekondarji tal-annimali, b’mod adegwat u proporzjonat. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Toropet, C‑836/19, EU:C:2021:668, punt 53). |
37 |
Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “ħżin”, fis-sens tal-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009, għandu jitqies li jinkludi interruzzjoni tat-trasport ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u t-trażbord tagħhom minn vettura għat-trasport għal oħra, kif ukoll l-eventwali ħatt tagħhom għal ħażna temporanja, sabiex imbagħad jiġu ttrasportati lejn stabbilimenti oħra sabiex jiġu pproċessati sussegwentement. Minn dan isegwi li l-operatur ta’ maħżen li fih jitwettqu tali operazzjonijiet għandu jkollu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. |
38 |
Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament Nru 1069/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ħżin” li jirreferi għalih jinkludi l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport, ta’ tul ta’ ftit sigħat li jista’ jdum sa tmien sigħat, li matulu l-kontejners tat-trasport li jkun fihom prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 3 jiġu ttrażbordati minn vettura għat-trasport għal oħra, qabel ma jiġu ttrasportati lejn impjant tal-ipproċessar, mingħajr ma dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali jiġu pproċessati jew ittrasferiti f’kontenituri oħra tat-trasport matul dik l-interruzzjoni. |
Fuq l‑ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 24(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali), |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
l-kunċett ta’ “ħżin” li jirreferi għalih jinkludi l-interruzzjoni ta’ operazzjoni ta’ trasport, ta’ tul ta’ ftit sigħat li jista’ jdum sa tmien sigħat, li matulu l-kontejners tat-trasport li jkun fihom prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 3 jiġu ttrażbordati minn vettura għat-trasport għal oħra, qabel ma jiġu ttrasportati lejn impjant tal-ipproċessar, mingħajr ma dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali jiġu pproċessati jew ittrasferiti f’kontenituri oħra tat-trasport matul dik l-interruzzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.