This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0277
Opinion of Advocate General Szpunar delivered on 4 July 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-4 ta’ Lulju 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-4 ta’ Lulju 2024.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:583
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl‑4 ta’ Lulju 2024 (1)
Kawża C‑277/23
E. P.
vs
Ministarstvo financija Republike Hrvatske, Samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt għal moviment liberu u għal residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dħul – Kalkolu tat-tnaqqis personali bażiku għall-wild dipendenti li bbenefika mill-għajnuna għall-mobbiltà – Għajnuna li taqbeż il-limitu massimu previst minn din il-leġiżlazzjoni – Programm Erasmus + – Mobbiltà lejn Stat Membru fejn l-għoli tal-ħajja medja tiegħu huwa ogħla – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni – Restrizzjoni għall-moviment liberu”
I. Introduzzjoni
1. Il-Programm Erasmus (EuRopean Action Scheme for the Mobility of University Students) ġie kkonċepit b’riferiment għal perijodu tar‑Rinaxximent li matulu studenti u intellettwali kellhom moviment liberu fl-Ewropa. Huwa għalhekk iġorr l-isem tal-filosofu, filologu, teologu u umanista Erasmus ta’ Rotterdam (1469‑1536) li, peress li xtaq ikun ċittadin tad-dinja, għex u ħadem f’diversi reġjuni tal-Ewropa. Fil‑fatt, huwa kien iqis li kienu biss ir-rabtiet li huwa kellu mal-pajjiżi l‑oħra li kienu jagħtuh il-konoxxenzi, l-esperjenzi u l-ideat li kienu jikkostitwixxu s-suġġett tar-riċerki tiegħu (2).
2. Sa minn meta twaqqaf, fl‑1987, il-Programm Erasmus ippermetta diversi ġenerazzjonijiet ta’ studenti żgħażagħ jeżerċitaw moviment liberu fi ħdan l-Unjoni Ewropea għal finijiet ta’ edukazzjoni, li b’hekk jikkontribwixxi sabiex il-popli tal-Unjoni jersqu lejn xulxin. Huwa fetaħ ukoll it-triq għall-Ewropa tal-edukazzjoni, parti inseparabbli mill‑Ewropa taċ-ċittadini u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Illum, il‑Programm Erasmus + jikkontribwixxi għall-kisba tal-kooperazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma essenzjali li huma l-edukazzjoni u t-taħriġ, marbuta mill-qrib mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni, u għall-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE (3). U għada? Għada dan il-programm għandu jkompli jinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-istudenti, bħala għan ta’ interess ġenerali, u jikkonsolida l-valuri tal-Unjoni. Ma ninsewx li, effettivament, “id-demokrazija fl-Unjoni għandha bżonn pedament edukattiv” [traduzzjoni libera] (4).
3. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, essenzjalment, mistoqsija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 20, 21 u 165 TFUE. Essenzjalment, hija għandha tirrispondi d-domandi prinċipali li tagħmel il-qorti tar-rinviju, l-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja), u li jistgħu jitqassru bil-mod segwenti: l-għoti ta’ borża ta’ studju Erasmus lil student ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jkun ta’ profitt, parzjalment, għall-amministrazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat Membru? It-trattament fiskali sfavorevoli tal-ġenitur li jħallas it-taxxa huwa konformi mal-għan tal-Programm Erasmus +, li huwa li jinkoraġġixxi l-mobbiltà tal‑istudenti?
4. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri għalhekk lill-Qorti tal‑Ġustizzja l-okkażjoni li tittratta mill-ġdid il-mobbiltà tal-istudenti, fl‑isfond ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda ċerti benefiċċji fiskali, u timxi fuq il-passi tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-moviment liberu tal-istudenti (5).
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. L-Artikolu 21(1) TFUE jipprevedi li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit‑territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.
6. L-Artikolu 165 TFUE jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.
[...]
2. L-azzjoni ta’ l-Unjoni għandha tkun immirata lejn:
– l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, partikolarment permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi ta’ l-Istati Membri;
– l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema, inter alia billi tinkoraġġixxi ir-rikonoxximnet akkademiku ta’ diplomi u perjodi ta’ studju;
– il-promozzjoni ta’ koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi;
– l-iżvilupp ta’ skambji ta’ informazzjoni u esperjenzi dwar kwistjonijiet komuni għas-sistemi ta’ edukazzjoni fl-Istati Membri;
– l-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta’ edukaturi soċjo-edukattivi u l-inkoraġġiment tal‑parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika ta’ l‑Ewropa;
[...]”
7. Il-premessa 40 tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (6), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Erasmus +”), kienet tistipula:
“Biex jittejjeb l-aċċess għall-Programm, l-għotjiet ta’ appoġġ għall‑mobbiltà tal-individwi għandhom jiġu aġġustati għall-ispejjeż ta’ għajxien u ta’ sussistenza tal-pajjiż ospitanti. F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ukoll jitħeġġu jeżentaw lil dawk l‑għotjiet minn kwalunkwe taxxa u imposta soċjali. L-istess eżenzjoni għandha tapplika għal korpi pubbliċi jew privati li jagħtu dan l-appoġġ finanzjarju lill-individwi kkonċernati.”
8. L-Artikolu 6 tar-Regolament Erasmus +, intitolat “Azzjonijiet tal‑Programm”, fil-paragrafu 1 tiegħu, kien jipprevedi:
“Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-Programm se jsegwi l-objettivi tiegħu permezz tat-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin:
a) il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi;
[...]”
9. L-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Baġit”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu:
“Il-fondi għall-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 12 li jridu jiġu ġestiti minn aġenzija jew aġenziji nazzjonali (‘aġenzija nazzjonali’) għandhom ikunu allokati fuq il-bażi tal-popolazzjoni u l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru, id-distanza bejn il-kapitali tal-Istati Membri u l-prestazzjoni. Il‑parametru tal-prestazzjoni għandu jammonta għal 25 % tal-fondi totali skont il-kriterji msemmija fil-paragrafi 8 u 9. Fir-rigward tas-sħubiji strateġiċi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 8(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 14(1) li għandhom jintgħażlu u jiġu ġestiti minn aġenzija nazzjonali, il-fondi għandhom jiġu allokati abbażi ta’ kriterji li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(3). Dawk il-formuli għandhom, safejn huwa possibbli, ikunu newtrali fir-rigward tas-sistemi differenti ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Istati Membri, għandhom jevitaw tnaqqis sostanzjali fil-baġit annwali allokat lill-Istati Membri minn sena għall-oħra u għandhom jimminimizzaw żbilanċi eċċessivi fil-livell tal-għotjiet allokati.”
10. L-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (7), intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi:
“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”
B. Id-dritt Kroat
11. Iż-Zakon o porezu na dohodak (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti (8) (iktar ’il quddiem iż‑“ZPD”), tistipula, fl-Artikolu 6 tagħha, li l-bażi tat-taxxa fuq id-dħul għandha titnaqqas bit-tnaqqis personali.
12. L-Artikolu 10 taż-ZPD jelenka l-ammonti eżentati mit-taxxa fuq id-dħul. Fosthom hemm, b’mod partikolari:
– il-“boroż ta’ studju għall-istudenti għal tagħlim full-time fl‑istituzzjonijiet superjuri u fl-universitajiet, u għall-istudenti ta’ dottorat u ta’ postdottorat, li għalihom huma previsti fondi fil-baġit tal-Istat tar-Repubblika tal-Kroazja u l-boroż ta’ studju li jitħallsu, jiġifieri allokati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, li huma rregolati minn konvenzjonijiet internazzjonali speċifiċi u intiżi għal studenti għal edukazzjoni full-time fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla” (punt 13);
– il-“boroż ta’ studju għall-istudenti magħżula permezz ta’ kompetizzjonijiet pubbliċi, li fihom jistgħu jipparteċipaw l‑istudenti kollha taħt kundizzjonijiet ugwali, għal edukazzjoni full‑time fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla, li jitħallsu, jiġifieri jiġu allokati minn fondazzjonijiet, stabbilimenti u istituzzjonijiet oħra rreġistrati fir-Repubblika tal-Kroazja għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ jew ta’ riċerka xjentifika, li l‑azzjoni tagħhom hija rregolata minn dispożizzjonijiet speċjali u li huma stabbilit bil-għan li jagħtu boroż ta’ studju” (punt 18), u
– l-ammonti “imħallsa bħala għotjiet minn fondi u Programmi tal‑Unjoni Ewropea permezz ta’ awtoritajiet akkreditati skont il‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Kroazja għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ mobbiltà fil-kuntest tal‑Programmi u fondi tal-Unjoni Ewropea għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ professjonali, skont ir-Regolament Finanzjarju tal‑Kummissjoni Ewropea, fil-limitu tal-ammonti preskritti” (punt 20).
13. L-Artikolu 36 taż-ZPD jipprevedi:
“(1) L-ammont totali ta’ dħul irċevut mir-residenti, skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, jitnaqqas għat-tnaqqis personali bażiku sa 2 200 kuna [Kroati (HRK) (madwar EUR 292)] għal kull xahar tas-sena fiskali li għaliha ġiet stabbilita t-taxxa. [...]
(2) Ir-residenti jistgħu jżidu t-tnaqqis personali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu bl-ammonti segwenti:
[...]
2. għall-ulied dipendenti: 0.5 tat-tnaqqis personali bażiku għall-ewwel wild, 0.7 għat-tieni, 1.0 għat-tielet, 1.4 għar-raba’, 1.9 għall-ħames u, għal kull wild addizzjonali, il-fattur tat-tnaqqis personali bażiku jiżdied b’mod progressiv b’0.6, 0.7, 0.8, 0.9, 1.0 [...] iktar meta mqabbel mal-fattur tat-tnaqqis personali bażiku għall-wild preċedenti [...]
[…]
(4) Huma meqjusa bħala membri tal-familja nukleari dipendenti u bħala wlied dipendenti tal-persuni fiżiċi li d-dħul taxxabbli tagħhom, id-dħul mhux intaxxat u r-remunerazzjoni l-oħra li ma humiex meqjusa bħala dħul fis‑sens ta’ din il-liġi, ma jaqbżux l-ammont li huwa ugwali għal ħames darbiet it-tnaqqis personali bażiku msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, fuq bażi annwali.
(5) B’deroga mill-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, sabiex jiġi stabbilit id-dritt ta’ tnaqqis bażiku għall-membri tal-familja nukleari dipendenti u għall-ulied dipendenti, ma jiġux meqjusa l-ammonti skont ir-regoli speċjali tal‑għajnuna soċjali, tal-allowance għall-edukazzjoni, tal-għajnuna għat‑trabi tat-twelid, jew tal-allowance għall-provvisti ta’ tarbija tat-twelid u tal-pensjonijiet ta’ familja wara l-mewt ta’ ġenitur. [...]”
14. L-Artikolu 54 taż-ZPD jipprevedi, għal ċerti persuni taxxabbli residenti f’reġjuni megħjuna u fil-belt ta’ Vukovar (il-Kroazja), bħar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, ammont ogħla tat-tnaqqis personali bażiku u, għalhekk, tnaqqis iktar sinjifikattiv għall-ulied dipendenti, bl‑applikazzjoni tal-fatturi stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 36(2) taż‑ZPD. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan l-ammont jitla’ għal HRK 3 000 (madwar EUR 398) fi żmien il-fatti u għal HRK 2 700 (madwar EUR 358) qabel.
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
15. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina Kroata, għandha l-parti l-kbira tad-dħul tagħha minn impjieg bi ħlas. Hija tħallas it-taxxa fuq id‑dħul u taxxa addizzjonali fuq id-dħul bħala dħul ta’ taxxa speċjali ta’ awtorità lokali. Minħabba l-post tad-domiċilju tagħha, hija tibbenefika minn benefiċċji fiskali previsti miż-ZPD.
16. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-perijodi taxxabbli għas-snin qabel l‑2014, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikat, skont il-punt 2 tal-Artikolu 36(2) u l-punt 2 tal-Artikolu 54(1) taż-ZPD, mid-dritt għaż-żieda fit-tnaqqis bażiku (parti mhux taxxabbli tal‑ammonti annwali rċevuti) għal wild dipendenti li kien, matul il‑perijodu rilevanti, student full-time fil-Finlandja bħala parti minn kors universitarju.
17. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2015, il-Porezna uprava Ministarstva financija Republike Hrvatske (l-Amministrazzjoni Fiskali tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja) informat lir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn naħa, dwar l-eżistenza ta’ differenza fl-ammonti ta’ taxxa fuq id-dħul u ta’ taxxa addizzjonali minħabba l-fatt li t-tnaqqis bażiku għall-wild tagħha, membru tal-familja dipendenti, kien tħassar għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 Diċembru 2014 u, min-naħa l-oħra, bl-ammont li kellha tħallas f’dan ir‑rigward.
18. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet ilment kontra dan l-avviż ta’ taxxa quddiem is-Samostalni sektor za drugostupanjski upravni postupak Ministarstva financija Republike Hrvatske (il-Ministeru għall‑Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja, id-Dipartiment Awtonomu tal-Proċedura Amministrattiva tat-Tieni Livell).
19. Fl-opinjoni tagħha, huwa żbaljat li d-dritt għaż-żieda fit-tnaqqis bażiku relatat mat-taxxa fuq id-dħul għas-sena 2014 ma ngħatax għall‑wild dipendenti tagħha. F’dan ir-rigward, hija tindika li dan il-wild irċieva l-għajnuna għall-mobbiltà tal-università Finlandiża Y għas-sena universitarja 2014/2015, fi ħdan il-Programm Erasmus +, minħabba s-soġġorn ta’ studju universitarju f’dan l-Istat Membru. Hija tispjega li mill-avviż ta’ taxxa inkwistjoni jirriżulta li din l-għajnuna għall-mobbiltà taqbeż il-livell applikabbli ta’ HRK 11 000 (madwar EUR 1 460), previst fl-Artikolu 36(4) u (5) taż-ZPD, sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-dritt għaż-żieda fit-tnaqqis bażiku, bħala miżura ta’ politika soċjali, relatata mat-taxxa fuq id-dħul għall-membru tal-familja dipendenti skont l‑Artikolu 36(1) u (4) taż-ZPD (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet kontenzjużi”). Barra minn hekk, hija ssostni li l‑imsemmija għajnuna għall-mobbiltà għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna soċjali” u, konsegwentement, ma tistax tiġi kkunsidrata għall‑kalkolu tad-dritt għal din iż-żieda, skont l-Artikolu 36(5) taż-ZPD.
20. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2019, id-Dipartiment Awtonomu tal-Proċedura Amministrattiva tat-Tieni Livell tal-Ministeru għall-Finanzi ċaħad l-ilment tagħha bħala infondat.
21. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra dik id‑deċiżjoni quddiem l-Upravni sud Osijek (il-Qorti Amministrattiva ta’ Osijek, il-Kroazja), u din ċaħdet ir-rikors bħala infondat fit‑30 ta’ Jannar 2020.
22. L-appell imressaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra dik id‑deċiżjoni ġie wkoll miċħud mill-Visoki upravni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell, il-Kroazja) fl‑20 ta’ Jannar 2021.
23. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kostituzzjonali b’mod partikolari kontra dik id-deċiżjoni quddiem l-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali). Insostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka, b’mod partikolari, ilment ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu previst fl-Artikolu 141.c tal-Kostituzzjoni li jiġu protetti d-drittijiet suġġettivi li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni. Fil‑fatt, hija tiddikjara li ġiet iddiskriminata, abbażi tal‑Artikolu 18 TFUE, u żvantaġġata, abbażi tal-Artikolu 20(2)(a) u tal‑Artikolu 21(1) TFUE, minħabba li l-wild tagħha eżerċita d-dritt ta’ moviment u d-dritt ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor għal finijiet ta’ edukazzjoni.
24. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-assenza ta’ ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tagħti risposta għall-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet jew in-natura sproporzjonata tal-miżuri fiskali marbuta mal-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan il-Programm Erasmus +, id-dritt tal-Unjoni huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, b’mod iktar preċiż, jekk il-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni hijiex kompatibbli mal‑Artikoli 18, 20, 21 TFUE u mal-Artikolu 165(2) TFUE kif ukoll mal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004.
25. Billi qieset li l-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2023, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2023, iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ġenitur jitlef id-dritt għal żieda fit-tnaqqis annwali bażiku fit‑taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ wild dipendenti għar-raġuni li dan il-wild, bħala student dipendenti li eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal‑edukazzjoni tiegħu, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw miżuri previsti fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament [Erasmus +] intiżi li jintlaħaq l-għan ta’ mobbiltà ta’ student minn Stat Membru b’livell ta’ għoli tal-ħajja baxx jew medju lejn Stat Membru b’livell ta’ għoli tal-ħajja ogħla, skont il-kriterji ddeterminati mill-Kummissjoni Ewropea fis-sens tal‑Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament, irċieva għajnuna għall‑mobbiltà tal-istudenti li l-ammont tagħha kien ogħla minn limitu fiss iddeterminat minn qabel?
2) L-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 883/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-ġenitur jitlef id-dritt għal żieda fit-tnaqqis annwali bażiku fit-taxxa fuq id-dħul fir-rigward ta’ student dipendenti li, matul is-soġġorn tiegħu fi Stat Membru għall-finijiet tal‑edukazzjoni tiegħu, irċieva għajnuna għall-mobbiltà tal‑istudenti fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament [Erasmus +]?”
26. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Kroat kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li ma żżomx seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża.
IV. Analiżi
27. Fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, ċittadin Kroat, student full‑time, ibbenefika minn għajnuna għall-mobbiltà ta’ università Finlandiża għal soġġorn ta’ studji universitarji ta’ ħames xhur fil‑Finlandja matul is-sena universitarja 2014/2015 fi ħdan il-Programm Erasmus +. L-għoti ta’ din l-għajnuna kellu konsegwenzi fuq il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul ta’ ommu, jiġifieri l-qabża tal-limitu, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li, jekk jinqabeż, l-omm, li hija impjegata b’salarju fil‑Kroazja, titlef, bħala persuna taxxabbli, id-dritt tagħha għaż-żieda fit‑tnaqqis bażiku għal wild dipendenti, bħala miżura ta’ politika soċjali. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sa fejn it-tnaqqis previst mill‑imsemmija leġiżlazzjoni kien tħassar għall-perijodu inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tħallas differenza, fir-rigward tal-ammonti ta’ taxxa fuq id-dħul u taxxa addizzjonali, ta’ madwar HRK 4 500 (madwar EUR 597).
28. It-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża, essenzjalment, sabiex tingħata risposta dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-għajnuna għall-mobbiltà taħt il-Programm Erasmus + li minnha ibbenefika wild dipendenti ta’ persuna taxxabbli tiġi kkunsidrata, biex b’hekk twassal għal konsegwenzi żvantaġġużi meta jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis bażiku li għalih il‑ġenitur bħala persuna taxxabbli għandu dritt fil-kalkolu tat-taxxa fuq id‑dħul tiegħu.
29. Qabel ma neżamina d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li titwarrab l-oġġezzjoni mqajma mill-Gvern Kroat dwar l-ammissibbiltà tad-domandi.
A. Fuq l‑ammissibbiltà
30. Il-Gvern Kroat iqis li d-domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli għaliex is-sitwazzjoni fiskali tar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali u, b’mod partikolari, il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tagħha u d-dritt tagħha għal tnaqqis fiskali bażiku huma rregolati mid‑dritt nazzjonali. Fil-fatt, skont dan il-Gvern, is-sempliċi parteċipazzjoni fil-Programm Erasmus + ma għandhiex titqies bħala li tirrigwarda l-persuni kollha li għandhom rabta ma’ student li jipparteċipa f’dan il-programm. Barra minn hekk, dan il-Gvern isostni li, f’dan il-każ, hija sitwazzjoni purament interna minħabba n-nazzjonalità tar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, minħabba l-fatt li hija taħdem u għandha d-dħul fil-Kroazja, kif ukoll minħabba l-fatt li hija stess la użat il-libertà ta’ moviment u lanqas ibbenefikat mill-għajnuna għall-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan l-imsemmi programm.
31. Fl-opinjoni tiegħi, tali argumenti ma għandhomx jintlaqgħu.
32. Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima fil-kawża prinċipali, li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tingħata iktar ’il quddiem, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-aspetti partikolari ta’ din it-tilwima, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’qagħda li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk ikun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għall-imsemmija domandi (9).
33. Dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tesponi bi preċiżjoni r-raġunijiet li wassluha tqis li interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha u li d-domandi preliminari jista’ jkollhom effett fuq id-deċiżjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dik il-qorti tispjega li, fid-dawl tal-għan tar-rikors li bih hija adita u fl-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tagħti risposta għall-ilmenti bbażati fuq ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet jew tan-natura sproporzjonata tal-miżuri fiskali marbuta mal-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan il-Programm Erasmus +, sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, hija obbligata, b’mod partikolari, li tistabbilixxi jekk l-atti individwali li huma s-suġġett tar-rikors li bih hija adita jiksrux l-Artikoli 18, 20, 21 TFUE u l-Artikolu 165(2) TFUE.
34. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li l-kawża prinċipali għandha tkun meqjusa bħala “purament interna” fir-rigward tal‑Artikoli 18, 20 u 21 TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tal-atti għall-implimentazzjoni tagħhom ma jistgħux jiġu applikati għal attivitajiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta’ rabta ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u fejn l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma ristretti għal Stat Membru wieħed. Min-naħa l-oħra, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, kull ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-post tar-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li jkun eżerċita d-dritt tal-moviment liberu fi Stat Membru ieħor, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (10).
35. F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-ispjegazzjonijiet neċessarji sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata r-rabta tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif diġà spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni (11), b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (12) u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
36. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Kroat, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ma għamilx użu mid-dritt ta’ moviment liberu ma għandhiex, minħabba dan il-fatt biss, tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma eżerċitatx personalment dan id-dritt u ma bbenefikatx personalment mill-għajnuna għall-mobbiltà tal-istudenti fi ħdan il-Programm Erasmus +, madankollu huwa stabbilit li, minn naħa, il-wild dipendenti tagħha eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu (13) u, min-naħa l-oħra, li, kif spjegat il-qorti tar-rinviju, it-trattament fiskali żvantaġġat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li, f’dan il-każ, hija l-ġenitur bħala persuna taxxabbli, huwa mingħajr dubju marbut mal‑għajnuna għall-mobbiltà li minnu l-wild dipendenti tagħha bbenefika fi ħdan dan il-programm.
37. Għalhekk, inqis li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.
B. Fuq il‑mertu
1. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
38. Qabelxejn, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 21 TFUE jinkludi mhux biss id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, iżda wkoll projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità. Konsegwentement, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni biss (14), fid-dawl tal-Artikolu 165 TFUE.
39. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis bażiku li huwa għalih ġenitur taxxabbli għandu dritt għal wild dipendenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni li minnha l-wild ibbenefika taħt il-Programm Erasmus +, bil-konsegwenza li jintilef id-dritt għal żieda ta’ dan it-tnaqqis fil-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul.
40. Il-Gvern Kroat iqis li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi la jikkostitwixxu diskriminazzjoni (diretta jew indiretta) kontra l-persuni kkonċernati u lanqas ostakolu għal-libertà tagħhom ta’ moviment fi ħdan l-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni previst fl-Artikolu 21 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 165 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE, peress li, f’dan il-każ, it-trattament fiskali żvantaġġat tad-dħul tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġej direttament mill-fatt li l-wild tagħha eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu.
41. Din il-kawża tinsab għalhekk f’salib it-toroq bejn il-qasam ta’ fiskalità diretta u l-qasam tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Sabiex tiġi proposta risposta utli lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari, u fid-dawl tal-għanijiet tal-Programm Erasmus +, ser nanalizza fil-qosor, fl-ewwel lok, in-natura speċifika tal-għajnuna għall-mobbiltà fi ħdan dan il-programm (Taqsim (a)) u, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u/jew restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni (Taqsima (b)).
a) Fuq in‑natura speċifika tal‑għajnuna għall‑mobbiltà fi ħdan il‑Programm Erasmus +
42. Sabiex nifhmu aħjar in-natura speċifika tal-għajnuna għall-mobbiltà tal-Programm Erasmus +, ser insemmi fil-qosor il-ġenesi ta’ dan il-programm. Peress li l-iżvilupp legali tal-imsemmi programm huwa marbut mill-qrib mal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, illum stabbilita fl-Artikoli 165 u 166 TFUE, fl-argumenti segwenti ser neżamina l-iżvilupp parallel tagħhom.
1) Il‑ġenesi tal‑azzjoni tal‑Unjoni fil‑qasam tal‑edukazzjoni u tal‑Programm Erasmus +
43. Qabelxejn nirrileva li, għalkemm it-Trattat ta’ Ruma tal‑1957 kien diġà fih, fil-bidu, il-perspettiva ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, kien biss fis-sena 1963 li l-Kunsill adotta deċiżjoni dwar il-politika komuni għat-taħriġ professjonali (li kien l-Artikolu 128 tat-Trattat KEE) (15), sabiex b’hekk inbdiet riflessjoni fuq ir-rabta bejn it-taħriġ professjonali u l-edukazzjoni ġenerali (16). Minn dak il-mument, kellhom jittieħdu diversi passi sabiex l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu fiċ-ċentru tal-kooperazzjoni Ewropea, sabiex b’hekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jistabbilixxu programmi ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni.
44. B’mod partikolari, għandu jitfakkar il-perijodu bejn l‑1985 u l‑1992, li matulu nħolqu, b’mod partikolari, il-Programmi Comett (kooperazzjoni universitajiet-impriżi), Erasmus (mobbiltà ta’ studenti u kooperazzjoni universitarja) u Lingua (promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi barranin). B’mod parallel, matul dan il-perijodu, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni ġiet stabbilita fit-Trattat KE (17). Fil-fatt, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht tal‑1992, it-terminu “edukazzjoni” deher għall-ewwel darba fit-Trattat KE (18), li rrikonoxxa b’hekk l-importanza, fis-sistema Ewropea, tar-rwol komplementari tal-Unjoni fil-promozzjoni ta’ sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, filwaqt li stabbilixxa l-limiti tar-rwol tal-Unjoni u tal-għanijiet prinċipali tal-azzjoni tagħha, fil-kuntest tad-dikjarazzjoni espliċita tar-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri għas-sistemi edukattivi tagħhom, sabiex b’hekk jiġi osservat b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni tal-qasam tal-edukazzjoni fid-dritt primarju offriet bażi legali ċara li ttemm id-dibattiti u l-kontroversji legali dwar dan is-suġġett (19). Fl-aħħar nett, l‑Artikolu 165 TFUE, li ddaħħal fit-Trattati permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, ikkonkretizza dan l-iżvilupp leġiżlattiv u ġurisprudenzjali (20).
45. Il-Programm Erasmus inħoloq fl‑1987, wara iktar minn ħmistax‑il sena ta’ diskussjonijiet, bil-għan li jippromwovi skambji ta’ studenti esklużivament bejn l-universitajiet ta’ Stati Membri differenti (21). Dan il-programm b’hekk fetaħ it-triq lejn l-Ewropa tal-edukazzjoni bħala parti inseparabbli mill-Ewropa taċ-ċittadini (22). Matul l-ewwel sena tal-eżistenza tiegħu, 3 200 student minn universitajiet ta’ ħdax‑il Stat Membru pparteċipaw fih (23). Minn dakinhar, is-suċċess kbir tal‑Programm Erasmus huwa muri b’mod ċar biż-żieda kostanti tan-numru ta’ parteċipanti. Fl‑2017, 9 miljun persuna ibbenefikat minn dan il-programm u, fl‑2024, iktar minn 15‑il miljun persuna, fosthom, b’mod partikolari, studenti universitarji, iżda wkoll studenti ta’ skejjel sekondarji u postsekondarji, apprendisti, għalliema u ħarrieġa jew gradwati żgħażagħ, li pparteċipaw f’firxa wiesgħa ta’ proġetti ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ mobbiltà taż-żgħażagħ.
46. Mill-iżvilupp tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ kif ukoll mill-iżvilupp tal-Programm Erasmus, illum imsejjaħ “Programm Erasmus +”, jirriżulta li l-għanijiet ta’ dan tal-aħħar huma llum stabbiliti fl-Artikolu 165 TFUE (24).
2) L‑għan komuni tal‑azzjoni tal‑Unjoni fil‑qasam tal‑edukazzjoni u tar‑Regolament Erasmus + : il‑promozzjoni tal‑mobbiltà tal‑istudenti
47. Ir-Regolament Erasmus +, applikabbli f’din il-kawża, ġie adottat abbażi tal-Artikolu 165(4) u tal-Artikolu 166(4) TFUE. L‑Artikolu 165(1) TFUE jistipula li l-għan ġenerali tal-Unjoni huwa li tikkontribwixxi “għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta; tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom”. It-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE jispjega sussegwentement dak li l-azzjoni tal-Unjoni tkopri speċifikament, jiġifieri, b’mod partikolari, “l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema” (25).
48. L-azzjoni tal-Unjoni hija wkoll stabbilita fl-Artikolu 6(1)(a) tar‑Regolament Erasmus +, li jistipula li, fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, il-Programm Erasmus + isegwi l-għanijiet tiegħu permezz ta’ sensiela ta’ azzjonijiet, fosthom “il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi” (26). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jistipula li din l-azzjoni hija intiża sabiex issostni b’mod partikolari “il-mobbiltà tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja fiċ-ċikli kollha”.
3) In‑natura speċifika tal‑boroż ta’ studju Erasmus +
49. Infakkar qabelxejn li, minn meta nħoloq il-Programm Erasmus, il-prinċipju ta’ komplementarjetà bejn il-finanzjament tal-Unjoni u dak tal-Istati Membri dejjem kien ikkunsidrat bħala fattur essenzjali tal-iżvilupp ta’ dan il-programm. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-finanzjament tal-mobbiltà tal-istudenti, minħabba n-natura komplementari tal-boroż ta’ studju Erasmus +, li għandhom bħala għan li jkopru biss l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-mobbiltà (27).
50. Minn qari tal-premessa 40 tar-Regolament Erasmus + jirriżulta għalhekk li, sabiex jittejjeb l-aċċess għall-Programm, il-boroż ta’ studju intiżi sabiex jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-persuni fiżiċi kellhom jiġu aġġustati skont l-ispejjeż ta’ għajxien u ta’ sussistenza tal-pajjiż ospitanti. Din il-premessa kienet tiddikjara wkoll b’mod partikolari, li f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri kellhom ukoll jitħeġġu jeżentaw lil dawn il-boroż ta’ studju minn kwalunkwe taxxa u imposta soċjali.
51. F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-baġit tal-Programm Erasmus +, l-Artikolu 18 tar-Regolament Erasmus + kien jistipula li l-fondi għall-mobbiltà tal-individwi għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ, deskritt fl-Artikolu 6(1)(a) u fil-punt a tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, li huma amministrati minn aġenzija nazzjonali waħda jew iktar, kienu allokati “fuq il-bażi tal-popolazzjoni u l-għoli tal-ħajja fl‑Istat Membru, id-distanza bejn il-kapitali tal-Istati Membri u l-prestazzjoni” (28).
52. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, sa fejn il-Programm Erasmus + għandu bħala għan ġenerali u speċifiku li jippromwovi l-mobbiltà ta’ persuni għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ, il-boroż ta’ studju Erasmus + għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-ispejjeż addizzjonali li ma kinux iseħħu fl-assenza ta’ mobbiltà (29).
53. Dan huwa għalhekk il-kuntest progressiv u regolamentari li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-kwistjoni ġuridika mqajma mill-qorti tar-rinviju.
b) Fuq l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni fondata fuq in‑nazzjonalità jew ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu taċ‑ċittadini tal‑Unjoni
54. Peress li l-qorti tar-rinviju stess għandha dubji dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, ser nibda billi neżamina dan il-punt.
1) Fuq l‑eżistenza ta’ diskriminazzjoni
55. Fir-rigward tal-qasam tal-fiskalità diretta, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, barra mill-oqsma li fihom id-dritt fiskali tal-Unjoni huwa s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, id-determinazzjoni tal-karatteristiċi kostituttivi ta’ kull taxxa taqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri, fl-osservanza tal-awtonomija fiskali tagħhom, peress li din is-setgħa għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi eżerċitata fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għall-għażla tar-rata tat-taxxa, li tista’ tkun proporzjonali jew progressiva, iżda wkoll għad-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tagħha u tal-fatt taxxabbli tagħha (30).
56. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw din is-setgħa b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jirrigwarda kemm il-miżuri li permezz tagħhom tintuża din is-setgħa kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom. Addizzjonalment, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (31). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ma tistax neċessarjament tkun evalwata biss fil-kuntest ta’ sistema fiskali waħda u identika (32). Hemm ukoll lok li jitfakkar li r-regoli ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni manifesta bbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma oħra moħbija ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, bħall-kriterju tar-residenza, fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat (33).
57. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li huwa diffiċli li jiġi identifikat grupp ta’ riferiment li miegħu s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ tiġi pparagunata sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx, f’dan il-każ, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
58. B’mod partikolari, dik il-qorti tqis li, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tista’ toħloq, f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-ġenituri għall-manteniment tal-ulied dipendenti tagħhom, differenza ta’ trattament bejn, minn naħa, il-ġenituri taxxabbli li l-wild dipendenti tagħhom eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu fi ħdan il-Programm Erasmus + sabiex imur fi Stat Membru fejn l-għoli tal-ħajja huwa simili jew ogħla, kif huwa l-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, il-ġenituri taxxabbli li l-wild dipendenti tagħhom eżerċita dan id-dritt fil-kuntest tal-istess programm sabiex imur fi Stat Membru fejn l-għoli tal-ħajja huwa simili jew inqas, kif ukoll dawk li l-wild dipendenti tagħhom ma eżerċitax l-imsemmi dritt sabiex isegwi l-istudji universitarji tiegħu, peress li dawn tal-aħħar ma jkollhom l-ebda spejjeż relatati mal-mobbiltà.
59. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika hija stess li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet tar-Regolament Erasmus +, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hija komparabbli la, b’mod ġenerali, ma’ dik tal-persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul li wliedhom ma eżerċitawx id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, u lanqas ma’ dik ta’ tali persuni suġġetti għat-taxxa li wliedhom kisbu għajnuna għall-mobbiltà fil-kuntest tal-Programm Erasmus + għal soġġorn ta’ studji universitarji fl-Istati Membri li għandhom għoli tal-ħajja simili jew inqas.
60. Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tidher li tqis li s-sitwazzjoni tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik ta’ persuni oħra suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul u li, għalhekk, hija ma għandhiex tingħata l-istess trattament fiskali.
61. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, mill-perspettiva tal-għanijiet tal-Programm Erasmus + u tan-natura speċifika tal-boroż ta’ studju miksuba bis-saħħa ta’ dan il-programm (34), is-sitwazzjonijiet ta’ dawn il-kategoriji ta’ ġenituri taxxabbli ma humiex komparabbli (35). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura speċifika tal-boroż ta’ studju Erasmus +, dawn huma sitwazzjonijiet differenti li ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, u dan jimplika li l-għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + ma għandhiex tiġi kkunsidrata waqt il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tal-ġenitur li jħallas it-taxxa, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
62. Fi kwalunkwe każ, jiena konvint li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-istudenti, u dan għar-raġunijiet segwenti.
2) Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu
63. Infakkar li, bħala ċittadina Kroata, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tgawdi, skont l-Artikolu 20(1) TFUE, mill-istatus ta’ ċittadina tal-Unjoni, li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi, huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (36). Konsegwentement, hija tista’ tirrikorri, inkluż, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha, għad-drittijiet marbuta ma’ tali status, b’mod partikolari d-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħtija bl-Artikolu 21 TFUE (37).
64. Nirrileva wkoll li hija ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba l-fatt biss li eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (38). Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-Trattat ma jiggarantixxix lil ċittadin tal-Unjoni li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment huwa newtrali fir-rigward ta’ tassazzjoni. F’dan ir-rigward, hija spjegat li, minn naħa, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar dan is-suġġett, tali eżerċizzju jista’, skont il-każijiet, ikun iktar jew inqas vantaġġuż jew żvantaġġuż. Min-naħa l-oħra, l-istess prinċipju japplika a fortiori għal sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ma eżerċitatx hija stess id-dritt tagħha ta’ moviment, iżda ssostni li kienet vittma ta’ trattament żvantaġġat wara l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment ta’ membru tal-familja tagħha (39).
65. Madankollu, nosserva, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu tal-wild dipendenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fi ħdan il-Programm Erasmus + kellu impatt definittiv fuq id-dritt tagħha għal tnaqqis fiskali (40).
66. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-faċilitajiet offruti mit-Trattat fil-qasam tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru seta’ jkun skoraġġut milli jagħmel użu minnhom, minħabba ostakoli dovuti għar-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu tippenalizzah għas-sempliċi fatt li huwa eżerċita dawn il-faċilitajiet (41). Ma għandux jintesa, kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam tal-edukazzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Artikolu 6(e) TFUE u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema (42). Fil-fatt, minkejja li l-Istati Membri għandhom il-kompetenza, bis-saħħa tal-Artikolu 165(1) TFUE, f’dak li jikkonċerna l-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi rispettivi tagħhom, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (43).
67. F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li l-għan komuni assenjat lill-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, skont l‑Artikolu 165(2) TFUE u tar-Regolament Erasmus +, huwa l‑promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u tal-għalliema (44). Fir-rigward ta’ dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jaqa’ taħt l-interess ġenerali u jagħmel parti mill-azzjonijiet li l-Artikolu 165 TFUE assenja lill-Unjoni fil-kuntest tal-politika ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ professjonali, taż-żgħażagħ u tal-isport, u li l-mobbiltà fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tagħmel parti integrali mill-moviment liberu tal-persuni u tikkostitwixxi waħda mill-għanijiet prinċipali tal-azzjoni tal-Unjoni (45).
68. F’dan il-każ, anki jekk l-għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + ma hijiex, bħala tali, suġġetta għat-taxxa fil-Kroazja, huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-wild dipendenti tagħha bbenefika minn għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + u, għalhekk, eżerċita d-dritt għall-moviment liberu u ta’ residenza libertà fil-Finlandja, ġiet ippenalizzata mid-dispożizzjonijiet kontenzjużi. Fil-fatt, il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + li minnha bbenefika l-wild dipendenti wassal għat-telf tad-dritt tagħha għal żieda fit-tnaqqis bażiku.
69. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju u kif korrettament tirrileva l-Kummissjoni, l-effett dissważiv jirriżulta b’mod partikolarment ċar mir-rapport tal-medjatriċi tar-Repubblika tal-Kroazja għas-sena 2017 (46). Fil-fatt, skont dan ir-rapport, l-universitajiet Kroati ddikjaraw li ħafna studenti interessati fil-Programm Erasmus + irrinunzjaw għalih wara li ġew informati dwar il-fatt li, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill‑Ministeru għall-Finanzi Kroat, meta jirċievu l-għajnuna Erasmus + għall-mobbiltà, il-ġenituri tagħhom ġew preklużi mid-dritt għaż-żieda fit-tnaqqis bażiku għal kull student dipendenti. Dik il-qorti żżid li, wara r-rakkomandazzjoni tal-medjatriċi, iż-ZPD ġiet emendata fl‑2018 (47).
70. Jiena għalhekk tal-opinjoni li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi huma ta’ natura li jiskoraġġixxu liċ-ċittadini tal-Unjoni, bħall-istudenti universitarji, milli jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru għal finijiet ta’ edukazzjoni minħabba l-effett li l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jista’ jkollu fuq id-dritt għal tnaqqis tal-ġenituri taxxabbli tagħhom.
3) Fuq il‑ġustifikazzjoni
71. Infakkar li restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tista’ tkun iġġustifikata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess ġenerali indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u jekk din tkun proporzjonali mal-għan leġittimu li d-dritt nazzjonali għandu jilħaq. Miżura tkun proporzjonali meta, filwaqt li tkun adatta għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, hija ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dak l-għan jitwettaq (48).
72. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-identifikazzjoni ta’ kunsiderazzjoni oġġettiva ta’ interess ġenerali, il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi jsegwu, skont il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ ġustizzja tas-sistema fiskali u ta’ ġestjoni tajba tar-riżorsi pubbliċi limitati, għan leġittimu intiż sabiex jikkoreġi, fir-rigward ta’ dħul medju u ta’ spejjeż medji, l-inugwaljanzi soċjali u materjali bejn il-persuni taxxabbli li għandhom ulied dipendenti u dawk li ma jsostnux spejjeż relatati mal-manteniment tat-tfal (49).
73. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi għalhekk għandhom bħala effett leġittimu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tal-ġenituri taxxabbli għat-taxxa fuq id-dħul (50). Madankollu, sa fejn huwa stabbilit li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment ta’ studenti universitarji fi ħdan l-Unjoni, din ir-restrizzjoni ma tistax tkun iġġustifikata b’mod validu ħlief jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
74. F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-proporzjonalità, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni li għandha n-natura li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, tista’ tiġi leġittimament ġustifikata biss jekk din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex (51), li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
75. Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura adattata tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex adattati sabiex jiżguraw, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
76. Jidhirli li r-risposta f’dan ir-rigward hija fin-negattiv.
77. Mill-analiżi tiegħi tan-natura speċifika tal-għajnuna għall-mobbiltà Erasmus + jirriżulta li, sa fejn il-Programm Erasmus + għandu l-għan li jippromwovi l-mobbiltà tal-istudenti għal finijiet ta’ edukazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tagħlim universitarju, din l-għajnuna tikkontribwixxi biss għall-ispejjeż addizzjonali li ma kinux jiġu sostnuti fl-assenza ta’ mobbiltà u, konsegwentement, meta jingħataw ma jwasslux għal tnaqqis mill-ispejjeż tal-ġenituri taxxabbli fil-kuntest tal-obbligu tagħhom ta’ manteniment (tal-ulied dipendenti) (52).
78. Konsegwentement, kif tirrileva hija stess il-qorti tar-rinviju, billi jipprevedu limitu għall-benefiċċju tad-dritt għal żieda fit-tnaqqis bażiku mingħajr ma jiġu kkunsidrati differenzi bejn il-kategoriji differenti ta’ ġenituri taxxabbli, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jiksru l-għan leġittimu tal-Artikolu 36(2) taż-ZPD, li bis-saħħa tiegħu huwa rrikonoxxut dritt għat-tnaqqis bażiku għal wild dipendenti sabiex jiġu mtaffa l-inugwaljanzi soċjali u materjali bejn il-persuni taxxabbli.
79. F’dan ir-rigward, għandi dubji dwar il-koerenza tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi sa fejn, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Gvern Kroat irrileva, sabiex jimmotiva l-emenda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-fatt li s-soluzzjoni leġiżlattiva preċedenti, jiġifieri dik li hija applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kellha l-effett li ż-żgħażagħ, prinċipalment minn żoni żvantaġġati, kienu jirrinunzjaw milli jipparteċipaw fil-Programm Erasmus +. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li din l-emenda eskludiet l-ammonti tal-boroż ta’ studju Erasmus + mill-kategorija tal-ammonti li ġew ikkunsidrati waqt il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tal-ġenituri taxxabbli u li abbażi tiegħu l-amministrazzjoni fiskali setgħet tirrifjuta lil dawn tal-aħħar id-dritt għal tali tnaqqis (53).
80. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi ma humiex adattati sabiex jilħqu l-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tal-ġenituri li jħallsu t-taxxa fuq id-dħul.
81. Fir-rigward, it-tieni nett, tan-neċessità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi sabiex jintlaħaq dan il-għan, mill-evidenza tal-emenda leġiżlattiva inkwistjoni jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq. B’mod partikolari, dan juri li kien possibbli li l-leġiżlatur Kroat jimplimenta miżuri inqas restrittivi, billi jieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-għajnuna għall-mobbiltà u tal-għan tal-Programm Erasmus +, u konsegwentement mingħajr ma jiżvantaġġa b’mod inġustifikat lill-ġenituri taxxabbli ta’ studenti li bbenefikaw minn għajnuna għall-mobbiltà fil-kuntest tal-Programm Erasmus + u, għalhekk, li użaw il-libertà ta’ moviment billi jmorru jistudjaw f’università fi Stat Membru ieħor.
2. Fuq it-tieni domanda preliminari
82. Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi mal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004. Il-Gvern Kroat u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.
83. Għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004 jistipula li dan għandu japplika għal-“leġislazzjoni kollha li tikkonċerna […] l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali: benefiċċji marbuta mal-familja”. B’hekk, sabiex ikun magħruf jekk benefiċċju partikolari jaqax taħt il-benefiċċji marbuta mal-familja msemmija f’din id-dispożizzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat, skont l-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, li t-termini “benefiċċju marbut mal-familja” ifissru “il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I” (korsiv miżjud minni).
84. Fir-rigward tad-dritt għal tnaqqis fiskali għall-wild dipendenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li mill-kuntest ġuridiku jirriżulta li tali tnaqqis ma huwiex benefiċċju fi flus intiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż tal-familja, iżda iktar vantaġġ fiskali li jnaqqas, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul (54).
85. Għalhekk, sa fejn id-dritt għal tnaqqis fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
V. Konklużjoni
86. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Ustavni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kroazja) bil-mod segwenti:
L-Artikolu 21 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni inċiż tal‑Artikolu 165(2) TFUE,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis bażiku li għalih ġenitur taxxabbli għandu dritt għal wild dipendenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna għall-mobbiltà għal finijiet ta’ edukazzjoni li minnha l-wild ibbenefika taħt il-Programm Erasmus +, bil-konsegwenza li jintilef id-dritt għaż-żieda ta’ dan it-tnaqqis fil-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Pépin, L., Histoire de la coopération européenne dans le domaine de l’éducation et de la formation. Comment l’Europe se construit – Un exemple, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Lussemburgu, 2006, p. 116.
3 L-Artikolu 2 TUE jipprevedi li “[l]-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad‑dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is‑solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”.
4 Grimonprez, K., The European Union and Education for Democratic Citizenship. Legal Foundations for EU Learning at School, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden‑Baden, 2020, p. 17.
5 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Thiele Meneses, (C‑220/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Thiele Meneses”, EU:C:2013:683).
6 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi ‘Erasmus+’: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU 2013, L 347, p. 50). Dan ir-Regolament tħassar permezz tar-Regolament (UE) Nru 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU 2021, L 189, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 166, p. 195).
7 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il‑kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).
8 Narodne novine, br 177/04, 73/08, 80/10, 114/11, 22/12, 144/12, 43/13, 120/13, 125/13 u 148/13.
9 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club (C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Vallonja (C‑212/06, EU:C:2008:178, punti 33 u 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 50). Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fil-qosor u elenkat b’mod ċar, fil-punti 50 sa 53 ta’ dik is-sentenza, l-erba’ sitwazzjonijiet li fihom kawżi li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet purament interni xorta huma ammissibbli sabiex jiġu eżaminati għal deċiżjoni preliminari.
11 Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, EU:C:2007:492, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schempp”, EU:C:2005:446, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
13 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schempp (punti 22 u 23, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
14 Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag (C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 31 u l‑ġurisprudenza ċċitata), u tad‑19 ta’ Novembru 2020, ZW (C‑454/19, EU:C:2020:947, punti 28 u 29).
15 L-Artikolu 128 tat-Trattat KEE tħassar fl-1992 permezz tat-Trattat ta’ Maastricht, iffirmat fis‑7 ta’ Frar 1992 (ĠU 1992, C 191, p. 1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993. Huwa ġie ssostitwit bl-Artikoli 126 u 127 tat-Trattat KE, li saru l-Artikoli 165 u 166 TFUE rispettivament. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
16 Deċiżjoni tal-Kunsill 63/266/KEE tat‑2 ta’ April 1963 li tipprovdi prinċipji ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ politika komuni għat-taħriġ professjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 7).
17 Ara Pépin, L., Histoire de la coopération européenne dans le domaine de l’éducation et de la formation, op. cit., p. 16 sa 18, 97 u 143 et seq.
18 Skont l-Artikolu 3(p) tat-Trattat KE, “l-azzjoni tal-Komunità tinkludi taħt il-kundizzjonijiet u bir-rati previsti minn dan it-trattat kontribuzzjoni għal edukazzjoni u għal taħriġ ta’ kwalità”. Din id-dispożizzjoni kienet tirreferi għall-Artikoli 126 tat-Trattat KE (edukazzjoni) u 127 tat-Trattat KE (taħriġ professjonali) li saru l-Artikoli 165 u 166 TFUE rispettivament.
19 Ara Pépin, L., Histoire de la coopération européenne dans le domaine de l’éducation et de la formation, op. cit, p. 39 et seq.
20 Dwar ir-rwol fundamentali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kooperazzjoni Ewropea tal-edukazzjoni, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1985, Gravier (293/83, EU:C:1985:69, punt 31 u d-dispożittiv). Dik is-sentenza tat l-opportunità sabiex l-edukazzjoni ogħla tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat (li kien l‑Artikolu 128 tat-Trattat KEE) u lill-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta’ programmi fuq skala kbira bħal Comett u Erasmus. Ara, ukoll, is-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1988, Blaizot et (24/86, EU:C:1988:43, punt 29 u l-punt 1 tad-dispożittiv); tat‑30 ta’ Mejju 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (242/87, EU:C:1989:217, punt 37), kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 1991, Ir-Renju Unit et vs Il‑Kunsill (C‑51/89, C‑90/89 u C‑94/89, EU:C:1991:241, punti 10 u 31). Għal analiżi ta’ din il-ġurisprudenza, ara Lenaerts, K., “Education in European Community Law after “Maastricht”, Common Market Law Review, Nru 31, 1994, p. 7 sa 41, b’mod partikolari p. 19 et seq.
21 Minkejja d-diffikultajiet inizjali li kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ qbil dwar il-baġit u l-bażi legali, il-proposta ta’ deċiżjoni li tadotta l-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Ewropea fil-qasam tal-mobbiltà tal-istudenti (ERASMUS) ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni Delors lill-Kunsill fit‑3 ta’ Jannar 1986 (ĠU 1986, C 73, p. 4). Din il-proposta, sostnuta mill-Kunsill Ewropew ta’ Londra tal‑5 u tas-6 ta’ Diċembru 1986 (DOC/86/2), ġiet finalment adottata mill-Kunsill fil‑15 ta’ Ġunju 1987 (Deċiżjoni 87/327/KEE (ĠU 1987, L 166, p. 20)). Fuq il-ġenesi ta’ dan il-programm, ara, b’mod partikolari, Traversa, E., “Histoire juridique méconnue du programme ‘Erasmus’ (1985‑1987)”, Revue du Droit de l’Union Européenne, Nru 4, 2017, p. 1 sa 20.
22 Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Fontainebleau tal-25 u 26 ta’ Ġunju 1984 (DOC/84/2). Ara Richonier, M., “Comment l’Europe des citoyens (éducation et santé publique) est-elle née en 1987? Histoire d’un commencement (1984-1989)”, L’Europe en Formation, Nru 3, 2012, p. 163 sa 194. Ara, ukoll, Jones, H. C., “Origins of the Erasmus programme. Development of Erasmus + and the Future”, Vox, Nru 124, Marzu 2023, p. 17 sa 27, kif ukoll “Education in a Changing Europe”, Charles Gittins Memorial. Lecture presented at the University College of Wales, Swansea, Wales, ir-Renju Unit, 16 ta’ Marzu 1992, p. 6. Dwar ir-rabta bejn id-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ara Grimonprez, K., The European Union and Education for Democratic Citizenship. Legal Foundations for EU Learning at School, op. cit., p. 634.
23 Dawn kienu tar-Renju tal-Belġju, tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Federali tal‑Ġermanja, tal-Irlanda, tar-Repubblika Ellenika, tar-Renju ta’ Spanja, tar‑Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tar‑Repubblika Portugiża u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Mit‑tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni, 33 pajjiż jipparteċipaw fl-azzjonijiet kollha tal‑Programm Erasmus +, jiġifieri s-27 Stati Membri tal-Unjoni kif ukoll l-Islanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija.
24 Ara, f’dan ir-rigward, Traversa, E., “Histoire juridique méconnue du programme “Erasmus” (1985-1987)”, op. cit., p. 19.
25 Korsiv miżjud minni. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 165 TFUE, ara Grimonprez, K., The European Union and Education for Democratic Citizenship. Legal Foundations for EU Learning at School, op. cit, p. 595 sa 686.
26 Korsiv miżjud minni. Fir-rigward tal-għan ġenerali tiegħu, mill-qari tal-Artikolu 4(b) u (f) tar-Regolament Erasmus + jirriżulta li l-Programm Erasmus jikkontribwixxi sabiex jinkisbu l‑għanijiet tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal‑edukazzjoni u tat-taħriġ (Edukazzjoni u taħriġ 2020), kif ukoll il-promozzjoni tal-valuri Ewropej skont l-Artikolu 2 TUE. B’mod iktar konkret, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar‑Regolament Erasmus +, dan il-programm għandu diversi għanijiet speċifiċi, b’mod partikolari dak li “itejjeb il-livell tal-kompetenzi u tal-ħiliet ewlenin b’rigward partikolari għar-relevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-kontribuzzjoni tagħhom għal soċjetà koeżiva, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fl-opportunitajiet ta’ mobbiltà ta’ tagħlim u permezz tal-kooperazzjoni msaħħa bejn id-dinja tal‑edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol” (korsi miżjud minni).
27 Ara, b’mod partikolari, il-Programm ERASMUS. Rapport annwali tal-1994 ippreżentat mill-Kummissjoni, COM(95) 416 final, p. 10.
28 Korsiv miżjud minni. L-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament Erasmus + kien jipprevedi li, fil-qasam taż-żgħażagħ, l-għanijiet speċifiċi elenkati fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament għandhom jintlaħqu permezz tal-azzjoni li tirrigwarda “il-mobbiltà fit-tagħlim tal-individwi”.
29 Mill-gwida tal-Programm Erasmus + tas-sena 2014 jirriżulta b’mod partikolari li l‑istudenti tal-edukazzjoni ogħla jirċievu borża ta’ studju tal-Unjoni “bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien tagħhom matul il-perijodu ta’ studju jew it-taħriġ professjonali barra ’l pajjiż tagħhom”. B’hekk l-ammont tal‑borża tal-istudju huwa stabbilit skont jekk l-għoli tal-ħajja tal-Istat Membru “ta’ destinazzjoni” huwiex ogħla, simili jew inqas minn dak tal-Istat Membru “ta’ oriġini”. Għal dan il-għan, din il-gwida tikklassifika lill-Istati Membri fi tliet gruppi. Il‑Finlandja tagħmel parti mill-grupp 1 (pajjiż fejn l-għoli tal-ħajja huwa ogħla) u l‑Kroazja mill-grupp 2 (pajjiż fejn l-għoli tal-ħajja huwa medju). F’dak li jirrigwarda l-mobbiltà tal-Kroazja lejn il-Finlandja, l‑imsemmija gwida tispjega li l-ammont tal‑għajnuna jinsab fil-firxa msejħa “ta’ fuq” li tikkorrispondi għall-borża ta’ studju medja mogħtija mill-aġenzija nazzjonali miżjuda b’tal-inqas EUR 50, jiġifieri ammont ta’ bejn EUR 250 u 550 fix-xahar. Ara “Erasmus +. Gwida tal-programm”, Kummissjoni Ewropea, 2014. p. 49 u 50.
30 Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑596/19 P, EU:C:2021:202, punt 44), u tat‑23 ta’ Novembru 2023, Ministarstvo financija (C‑682/22, EU:C:2023:920, punt 34).
31 Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Hauptzollamt B (Tnaqqis ta’ taxxa fakultattiv) (C‑100/20, EU:C:2021:716, punti 31 u 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
32 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Schulz-Delzers u Schulz (C‑240/10, EU:C:2011:591, punt 40).
33 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 1974, Sotgiu (152/73, EU:C:1974:13, punt 11); tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 26), u tal‑24 ta’ Frar 2015, Sopora (C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 23).
34 Ara l-punti 43 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat li kien diffiċli tikkompara s‑sitwazzjoni tal-ġenituri taxxabbli li wliedhom ibbenefikaw mill-għajnuna għall‑mobbiltà tal-istudenti u s-sitwazzjoni tal-ġenituri li wliedhom kisbu dħul minn xogħol ta’ student jew minn boroż ta’ studju mhux marbuta mal-mobbiltà.
36 Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31); Schempp (punt 15), kif ukoll tat‑18 ta’ April 2024, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑716/22, EU:C:2024:339, punt 40).
37 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas (C‑192/05, EU:C:2006:676, punt 19), u Thiele Meneses (punti 18 u 19, kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).
38 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 31); Thiele Meneses (punt 22), kif ukoll tas‑26 ta’ Mejju 2016, Kohll u Kohll-Schlesser (C‑300/15, EU:C:2016:361, punt 42).
39 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schempp (punti 45 u 46). Infakkar li fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-qorti tar-rinviju kienet staqsiet dwar il-kwistjoni jekk l-Artikoli 12 KE u 18 KE kinux jipprekludu li l-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi jirrifjutaw it-tnaqqis tal-manteniment li r-rikorrent kien iħallas lill-ex konjuġi tiegħu residenti fl-Awstrija. Fil-fatt, ir-rikorrent, li ma kienx eżerċita huwa stess id-dritt għal moviment liberu, ikkontesta t-telf ta’ benefiċċju fiskali kkawżat mill-fatt li l-ex konjuġi tiegħu mill-Ġermanja marret tgħix l-Awstrija. Madankollu, peress li l‑ħlas ta’ tali manteniment lil benefiċjarju residenti fl-Awstrija ma setax ikun ipparagunat ma’ tali ħlas lil benefiċjarju residenti fil-Ġermanja, minħabba li dawn iż‑żewġ sitwazzjonijiet kienu suġġetti għal leġiżlazzjonijiet fiskali differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan it-trattament ma kienx diskriminatorju.
40 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Schempp (punt 25).
41 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Thiele Meneses (punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 32); tas-7 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑147/03, EU:C:2005:427, punt 44), u Thiele Meneses (punt 24).
43 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Thiele Meneses (punt 21); tas‑26 ta’ Frar 2015, Martens (C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 23), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà) (C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 58).
44 Ara l-punti 46 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
45 Sentenza Thiele Meneses (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Rapport disponibbli fuq: https://www.ombudsman.hr/hr/download/izvjesce-pucke-pravobraniteljice-za-2017-godinu/?wpdmdl=4745&refresh=63c90d728a8151674120562.
47 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li saru emendi, mingħajr effett retroattiv, għal‑leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-2018, b’tali mod li, bis‑saħħa tal-punt 10 il-ġdid tal-Artikolu 17(2) taż-ZPD, ma għadhomx jiġu kkunsidrati, fil-kuntest tal-kalkolu tat-tnaqqis bażiku, ammonti bħal “il-boroż ta’ studju, premjijiet ta’ eċċellenza tal-istudenti mogħtija mill-baġits u sussidji ffinanzjati mill-baġit, mill-fondi u mill-programmi tal-Unjoni Ewropea u fondi oħra u programmi internazzjonali rregolati minn dispożizzjonijiet speċjali u minn konvenzjonijiet internazzjonali għal finijiet ta’ edukazzjoni u ta’ żvilupp professjonali”. Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni dwar il-proposta ta’ emenda indirizzata lill-Parlament Kroat, il-Gvern Kroat irrileva l-fatt li s-soluzzjoni leġiżlattiva preċedenti kellha l-effett li “iż-żgħażagħ, prinċipalment minn żoni żvantaġġati, [...] ma jagħżlux il-programmi inkwistjoni għaliex ma jistgħux jibqgħu iktar dipendenti fuq il-ġenituri tagħhom”.
48 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Thiele Meneses (punt 29); tas‑26 ta’ Frar 2015, Martens (C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 34), u tat‑22 ta’ Frar 2024, Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date (C‑491/21, EU:C:2024:143, punt 52).
49 B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni ma tagħtix dritt għaż-żieda tat‑tnaqqis bażiku għal kull wild dipendenti lill-persuni li jħallsu t-taxxa li wliedhom dipendenti bbenefikaw, matul is-sena fiskali, minn dħul mhux taxxabbli ta’ ċertu ammont li, skont l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur, jippermetti lill-wild li jikkontribwixxi għall-manteniment tiegħu bis-saħħa ta’ dħul tiegħu stess u billi jnaqqas l-ispejjeż tal‑ġenituri tiegħu fil-kuntest tal-obbligu ta’ manteniment tagħhom, meta mqabbla ma’ persuni li jħallsu t-taxxa li wliedhom ma jibbenefikawx minn dħul mhux taxxabbli – jew biss minn ammont minimu – u li l-manteniment tagħhom ma jistax, konsegwentement, jiġi żgurat ħlief mid-dħul tal-ġenituri.
50 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Finanzamt V (Suċċessjonijiet Tnaqqis parzjali u tnaqqis tal-ishma rriżervati) (C‑394/20, EU:C:2021:1044, punt 52).
51 Ara s-sentenza Thiele Meneses (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 Ara l-punti 43 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
53 Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
54 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja) (C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 61).