This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CC0205
Opinion of Advocate General Rantos delivered on 11 July 2024.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-11 ta’ Lulju 2024.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-11 ta’ Lulju 2024.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:611
Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fil‑11 ta’ Lulju 2024 (1)
Kawża C‑205/23
Engie România SA
vs
Autoritatea Naţională de Reglementare în Domeniul Energiei
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Direttiva 2009/73/KE – Suq intern tal-gass naturali – Artikolu 3 – Obbligi ta’ servizz pubbliku u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi – Ksur, minn fornitur tal-gass naturali, tal-obbligu tiegħu ta’ trasparenza fil-konfront tal-klijenti residenzjali – Kumulu ta’ sanzjonijiet amministrattivi għall-istess aġir li jikkostitwixxi ksur – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ne bis in idem – Artikolu 52(1) – Limitazzjonijiet għall-prinċipju ne bis in idem – Proporzjonalità”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tressqet mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 50 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Engie România SA (iktar ’il quddiem “Engie” jew ir-“rikorrenti”), fornitur tal-gass naturali, u l-Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei (l-Awtorità Nazzjonali li Tirregola l-Enerġija, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ANRE”), dwar proċess verbal, magħmul minn din tal-aħħar, li jikkonstata u jissanzjona ksur amministrattiv allegatament imwettaq minn Engie.
3. Skont ma talbet il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-analiżi tat-tieni domanda preliminari li tikkonċerna l-prinċipju ta’ ne bis in idem sanċit fl-Artikolu 50 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tal-istess, li jintroduċi limitazzjonijiet għal dan il-prinċipju. B’mod iktar preċiż, tqum essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk l-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fuq fornitur tal-gass naturali kemm mill-awtorità regolatorja tal-enerġija kif ukoll mill-awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi għal fatti li jkunu identiċi, imma ssanzjonati separatament minn dawn iż-żewġ awtoritajiet, fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet differenti, tikkostitwixxix restrizzjoni ġġustifikata għall-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju.
4. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni, minn naħa, li tippreċiża iktar il-ġurisprudenza tagħha dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem f’kuntest fejn ikunu jeżistu flimkien żewġ proċeduri amministrattivi ta’ stħarriġ u ta’ sanzjoni ta’ persuna ġuridika, immexxija b’mod parallel minn żewġ awtoritajiet kompetenti differenti, li imponew atti ta’ sanzjoni individwali distinti għal allegatament l-istess fatti suġġetti għall-proċeduri u, min-naħa l-oħra, li tiddetermina sa fejn tali kumulu ta’ atti josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità sanċit mid-dritt tal-Unjoni.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem li jinsab fl-Artikolu 50 tal-Karta, intitolat “Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”, huwa fformulat kif ġej:
“L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”.
6. L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati”.
7. L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu”
“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.
B. Id-dritt Rumen
8. Skont l-Artikolu 143(1)(k), tal-Legea nr. 123, energiei electrice și a gazelor naturale (il-Liġi Nru 123, dwar l-Elettriku u l-Gass Naturali), tal‑10 ta’ Lulju 2012 (2) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 123/2012”):
“Il-fornitur tal-gass naturali għandu, b’mod partikolari, l-obbligi li ġejjin:
[...]
k) jibgħat lill-klijenti finali informazzjoni trasparenti dwar il-prezzijiet/tariffi mitluba, skont il-każ, kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet ġenerali għall-aċċess għas-servizzi li huwa joffri u għall-użu ta’ dawn is-servizzi”.
9. Il-punt 24bis tal-Artikolu 194 ta’ din il-liġi jipprovdi:
“Jikkostitwixxu ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet fis-settur tal-gass naturali l-fatti li ġejjin: [...] in-nuqqas ta’ osservanza mill-parteċipanti fis-suq tal-gass naturali tal-obbligi li huma għandhom skont l-Artikolu 143(1), l-Artikolu 144bis u l-Artikolu 145(4)(g)”.
10. Skont l-Artikolu 195(2)(c) tal-imsemmija liġi, tali ksur amministrattiv huwa punibbli b’multa li tibda minn 20 000 u titla’ sa 400 000 lei rumeni (RON) (madwar EUR 4 057 sa madwar EUR 81 147).
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
11. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2021, l-Autoritatea Națională pentru Protecția Consumatorilor (l-Awtorità Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ANPK”) ikkonstatat li Engie kienet użat prattiki kummerċjali qarrieqa u aggressivi fit-twettiq tal-attività ekonomika tagħha (3) u ordnatilha twaqqaf dawn il-prattiki, tissospendi l-attività tagħha sakemm twaqqaf l-allegati prattiki kummerċjali żleali u biex ma tbiddilx il-prezz tal-provvista tal-gass naturali għall-klijenti residenzjali.
12. Fil‑11 ta’ Ottubru 2021, l-ANRE kkonstatat li Engie, bħala fornitriċi awtorizzata tal-gass naturali, kienet kisret l-obbligu ta’ trasparenza tagħha, prevista fl-Artikolu 143(1)(k) tal-Liġi Nru 123/2012, u imponitilha multa amministrattiva fl-ammont totali ta’ RON 800 000 (madwar EUR 160 000) (iktar ’il quddiem il-“proċess verbal inkwistjoni”), minħabba li din il-fornitriċi kienet, minn naħa, wettqet irregolaritajiet li jikkonċernaw il-kontenut ta’ ċerti offerti ta’ gass naturali u, min-naħa l-oħra, ma kinitx għamlet suffiċjentement ċara l-possibbiltà li l-prezz tal-provvista tal-gass naturali jinbidel matul perijodu ta’ tnax-il xahar, li fuq il-bażi tiegħu kienu ġew konklużi l-kuntratti mal-klijenti tagħha. Barra minn hekk, l-ANRE ordnat lill-Engie biex tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex, fl-ewwel lok, tinnotifika lit-tnax-il klijent finali tagħha għaż-żamma tal-prezz fiss tal-gass naturali li għalih hija kienet impenjat ruħha, it-tieni, tannulla l-emendi mibgħuta lil dawn il-klijenti, it-tielet, tidentifika l-klijenti finali kollha li aċċettaw offerti standard bi prezz fiss validu għall-perijodu previst f’dawn l-offerti u li għalihom kienu ntbagħtu notifiki u emendi oħra sabiex jiżdied il-prezz tal-gass naturali pprovdut qabel tmiem dan il-perijodu u, ir-raba’, tinnotifika lill-imsemmija klijenti biż-żamma tal-prezz fiss tal-gass skont l-imsemmija offerti u bl-annullament tal-emendi mibgħuta.
13. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Engie ppreżentat rikors quddiem il-Judecătoria Sectorului 4 București (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tar-Raba’ Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kontra l-proċess verbal inkwistjoni. Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2022, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat. Għaldaqstant, Engie ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest), il-qorti tar-rinviju.
14. Fl-ewwel lok, din il-qorti tirrileva li huwa meħtieġ li jiġi ċċarat jekk l-ANRE tistax timponi fuq il-fornitur ta’ gass naturali l-applikazzjoni ta’ prezz differenti mill-prezz tas-suq irregolat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73/KE (4), bħala konsegwenza tal-ksur allegat tal-obbligu ta’ trasparenza fir-rigward tal-konsumaturi.
15. Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tirrileva li kemm l-ANRE kif ukoll l-ANPK kkonstataw, essenzjalment, l-istess fatt imma kklassifikawh b’mod differenti u imponew fuq Engie, permezz ta’ atti distinti, multi amministrattivi kif ukoll l-istess obbligu ta’ riparazzjoni, jiġifieri dak li tirritorna għall-prezz ffissat bl-offerta standard, f’dan il-każ dak li kien fis-seħħ fix-xahar ta’ April 2021. Għaldaqstant, l-istess qorti tikkunsidra li jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplikax għas-sanzjonijiet imposti mill-ewwel awtorità fuq il-bażi tal-Liġi Nru 123/2012, li tittrasponi fl-ordinament ġuridiku Rumen id-Direttiva 2009/73, u mit-tieni awtorità fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Rumena dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.
16. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Allegat ksur tal-obbligu ta’ trasparenza li jaqa’ fuq il-fornituri tal-gass naturali fir-relazzjoni tagħhom mal-konsumaturi domestiċi u li huwa traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ksur li huwa meqjus bħala reat amministrattiv f’din il-leġiżlazzjoni, jista’ jwassal ukoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti tobbliga lil fornitur ta’ gass naturali japplika fir-relazzjoni tiegħu mal-konsumaturi prezz, impost permezz ta’ mezzi amministrattivi, li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ffissar tal-prezz b’mod liberu fis-suq tal-gass naturali, prinċipju li huwa stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2009/73]?
2) L-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq fornitur tal-gass naturali kemm mill-awtorità tal-protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll mill-awtorità regolatorja tal-enerġija, permezz tal-ħruġ ta’ żewġ rapporti distinti ta’ reati li jimponu l-istess miżuri fuq il-fornitur (duplikazzjoni ta’ atti amministrattivi li jimponu miżuri), tista’ titqies bħala restrizzjoni ġġustifikata tal-prinċipju ne bis in idem, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew jikser dan il-prinċipju?
Tali kumulu ta’ atti minn awtoritajiet differenti li jimponu l-istess miżuri, ibbażati fuq fatti identiċi, josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità?”
17. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Engie, mill-ANRE, mill-Gvern Rumen u dak Grieg, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-istess partijiet ittrattaw ukoll oralment waqt is-seduta għat-trattazzjoni orali li nżammet fl‑24 ta’ April 2024.
IV. Analiżi
A. Fuq it-tieni domanda preliminari
18. Permezz tat-tieni domanda preliminari, li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet speċifiċi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 50 u 52 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq fornitur ta’ gass naturali kemm mill-awtorità regolatorja tal-enerġija kif ukoll mill-awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi għal fatti identiċi, imma ssanzjonati separatament miż-żewġ awtoritajiet fuq bażijiet legali differenti tikkostitwixxix restrizzjoni ġġustifikata għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.
1. Osservazzjonijiet preliminari
a) Fuq il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 50 tal‑Karta
19. Jeħtieġ li jitfakkar, preliminarjament, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din tal-aħħar, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (5).
20. F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ż-żewġ proċessi verbali inkwistjoni tħejjew fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Rumena li ttrasponiet id-Direttivi 2009/73 u 2005/29/KE (6) rispettivament. Għaldaqstant, sa fejn dawn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta fis-sens tal-Artikolu 51 tagħha u l-Artikolu 50 ta’ din il-Karta huwa intiż għaldaqstant li japplika għall-kawża prinċipali.
21. Jeħtieġ ukoll li jitfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif sanċit fl-Artikolu 50 ta’ din il-Karta, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (7), li jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet li huma ta’ natura kriminali, fis-sens ta’ dan l-artikolu, għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (8). Madankollu, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ ne bis in idem li jkunu ġġustifikati fuq il-bażi tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, sakemm il-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (9).
b) Fuq in‑natura “kriminali” tar‑reat suġġett għall-proċeduri
22. Jeħtieġ li jiġi nnotat, preliminarjament, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm tliet kriterji li huma rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet inkwistjoni. L-ewwel kriterju huwa dak dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, it-tieni wieħed huwa dak dwar in-natura stess tal-ksur u t-tielet wieħed huwa dwar il-grad ta’ severità tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (10).
23. Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-kriterju li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li s-sanzjonijiet huma imposti, skont il-qorti tar-rinviju, għal fatti ikklassifikati bħala “ksur amministrattivi” fid-dritt nazzjonali u li l-proċeduri li fi tmiemhom ġew imposti dawn is-sanzjonijiet huma proċeduri amministrattivi.
24. Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 50 tal-Karta ma huwiex limitat biss għall-proċeduri u għas-sanzjonijiet li huma kklassifikati bħala “kriminali” mid-dritt nazzjonali, iżda jestendi – indipendentement minn tali klassifikazzjoni fid-dritt intern – għal proċeduri u għal sanzjonijiet li għandhom jitqiesu li għandhom natura kriminali abbażi taż-żewġ kriterji l-oħrajn imsemmija fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet (11).
25. Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-kriterju li jirrigwarda n-natura tal-ksur, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk is-sanzjoni inkwistjoni għandhiex għan repressiv, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni li hija għandha wkoll għan preventiv. Fil-fatt, huwa fin-natura nfisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ikunu intiżi kemm għar-repressjoni kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ aġir illegali (12). Min-naħa l-oħra, miżura li sempliċement tirrepara d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma għandhiex natura kriminali (13).
26. F’dan il-każ, mill-informazzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ksur tal-obbligi ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni lill-konsumaturi minn fornitur tal-gass naturali huwa punibbli, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 123/2012, b’sanzjoni pekunjarja (14). L-istess japplika għal dak li jikkonċerna s-sanzjonijiet imposti mill-ANPK fuq il-bażi tal-Liġi Nru 363/2007 li tipprevedi li l-prattiki kummerċjali żleali jew qarrieqa huma wkoll punibbli b’multi (15). Barra minn hekk, minn din l-istess informazzjoni jirriżulta li, barra mis-sanzjonijiet pekunjarji, dawn iż-żewġ awtoritajiet ħadu miżuri korrettivi komplementari (ikklassifikati mill-qorti tar-rinviju bħala “obbligi ta’ reparazzjoni”) li imponew fuq Engie biex tirritorna għall-prezz iffissat bl-offerta standard fix-xahar ta’ April 2021.
27. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, is-sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-ANPK u mill-ANRE u, min-naħa l-oħra, il-miżuri korrettivi komplementari meħudin minn dawn tal-aħħar. Għalkemm, fil-fatt, ma jidhirlix li jista’ jiġi kkontestat, b’riżerva għall-evalwazzjonijiet li jeħtieġ li tagħmel il-qorti tar-rinviju, li s-sanzjonijiet pekunjarji imposti l-konfront ta’ Engie għandhom għan kemm repressiv kif ukoll preventiv, mhux l-istess jingħad għal dak li jirrigwarda l-miżuri komplementari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tgħid li miżura li tkun limitata biex tirrepara (jew tirrimedja) d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma hijiex ta’ natura kriminali.
28. Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-kriterju tas-severità tas-sanzjoni imposta, li għandha tiġi evalwata skont il-piena massima prevista (16), jeħtieġ li jiġi kkonstatat li mill-elementi tal-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ġew imposti fuq Engie żewġ sanzjonijiet li jammontaw, rispettivament, għal RON 800 000 (madwar EUR 160 000) fir-rigward tas-sanzjoni imposta mill-ANRE (17), u għal RON 150 000 (madwar EUR 30 000) fir-rigward ta’ dik imposta mill-ANPK (18).
29. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fuq il-bażi tal-elementi kollha li hija għandha, jekk l-ammonti ta’ dawn is-sanzjonijiet humiex suffiċjentement severi biex ikunu kklassifikati bħala “kriminali min-natura tagħhom” (19).
2. Fuq il‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ ne bis in idem
30. L‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti (u l-istess persuni kkonċernati) jkunu kkonċernati mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (20).
a) Fuq il‑kundizzjoni “bis”
31. Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni “bis”, sabiex deċiżjoni ġudizzjarja tkun tista’ titqies bħala li tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-fatti sottomessi għal tieni proċedura, huwa neċessarju mhux biss li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża (21).
32. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll f’dan ir-rigward li, għalkemm, ċertament, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tippreżumi l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti definittiva, ma jsegwix neċessarjament li d-deċiżjonijiet ulterjuri preklużi minn dan il-prinċipju jistgħu jkunu biss dawk adottati wara din id-deċiżjoni preċedenti definittiva. Fil-fatt, dan il-prinċipju jeskludi li, meta tkun teżisti deċiżjoni definittiva, ikunu jistgħu jinbdew jew jinżammu fis-seħħ proċeduri kriminali għall-istess fatti (22).
33. F’dan il-każ, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjoni tal-ANPK ġiet definittivament annullata mill-qorti kompetenti minħabba nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma ġie eżaminat il-mertu tal-kawża (23). Issa, kif tfakkar fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjoni “bis” teżiġi l-preżenza ta’ deċiżjoni li saret definittiva li tkun iddeċidiet il-mertu tal-kawża, kundizzjoni li tidher nieqsa f’dan il-każ.
34. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk il-kundizzjoni “bis” hijiex fil-fatt issodisfatta qabel ma jsir l-eżami tal-kundizzjoni “idem”.
b) Fuq il‑kundizzjoni “idem”
35. Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni “idem”, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li dan jipprojbixxi l-proċeduri jew is-sanzjonar kriminali tal-istess persuna iktar minn darba għall-istess reat.
36. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-istess reat huwa dak tal-identiċità tal-fatti materjali. Għaldaqstant, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali fi tmiem proċeduri differenti mmexxija għal dan il-għan (24). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-klassifikazzjoni ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor (25).
37. Filwaqt li l-kundizzjoni “idem” teħtieġ li l-fatti materjali jkunu identiċi, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex intiż sabiex japplika meta l-fatti inkwistjoni ma jkunux identiċi, iżda biss simili. Fil-fatt, l-identiċità tal-fatti materjali tinftiehem bħala ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sa fejn jinvolvu l-istess awtur u huma marbuta b’mod inseparabbli bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju (26).
38. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kkonstatat, minn naħa, li ż-żewġ proċeduri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw l-istess persuna ġuridika, jiġifieri lil Engie, u kkonstatat, min-naħa l-oħra, li l-fatti kkonstatati mill-ANRE u mill-ANPK huma, essenzjalment, identiċi, jiġifieri l-prattika tar-rikorrenti li kienet tikkonsisti fil-modifika tal-prezz tal-gass naturali, minkejja l-fatt li dawn kienu kklassifikati b’mod differenti minn dawn iż-żewġ awtoritajiet.
39. Għalkemm il-Gvern Rumen u l-ANRE jidhru li jikkontestaw id-deskrizzjoni tal-fatti kif ippreżentata mill-qorti tar-rinviju billi jsostnu li l-fatti kkonstatati u ssanzjonati minn dawn l-awtoritajiet ma humiex identiċi (27), jeħtieġ li jitfakkar li d-domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (28). Għaldaqstant, sa fejn il-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-fatti li għalihom Engie ġiet issanzjonata miż-żewġ awtoritajiet huma identiċi fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan il-kumulu jikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta.
40. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li, finalment, għandha tiddetermina jekk il-fatti involuti fiż-żewġ proċeduri inkwistjoni fil-kawża prinċipali miftuħa abbażi, rispettivament, ta’ leġiżlazzjoni settorjali tal-enerġija, minn naħa, u tad-dritt tal-konsumaturi, min-naħa l-oħra, humiex identiċi. F’dan ir-rigward, huwa l-obbligu tagħha li teżamina l-fatti meħuda inkunsiderazzjoni fl-okkażjoni ta’ kull waħda mill-proċeduri, kif ukoll il-perijodu ta’ ksur allegat (29).
3. Fuq il‑ġustifikazzjoni ta’ eventwali limitazzjoni tad‑dritt fundamentali ggarantit fl‑Artikolu 50 tal‑Karta
41. Jeħtieġ li jitfakkar li limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta tista tkun iġġustifikata biss fuq il-bażi tal-Artikolu 52(1) ta’ din il-Karta. Skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Skont it-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-imsemmija drittijiet u libertajiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.
a) Fuq il‑protezzjoni ta’ għan wieħed jew diversi għanijiet ta’ interess ġenerali
42. Kif jirriżulta mis-sentenza reċenti bpost, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kumulu ta’ sanzjonijiet jista’ jkun iġġustifikat meta l-proċeduri mibdija minn żewġ awtoritajiet differenti jkollhom għanijiet komplementari, li għandhom bħala suġġett aspetti differenti tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur (30). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat barra minn hekk li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu leġittimament jagħżlu tweġibiet ġuridiċi komplementari quddiem ċertu aġir dannuż għas-soċjetà permezz ta’ proċeduri differenti li jifformaw koerenza waħda b’mod li l-problema soċjali inkwistjoni tiġi indirizzata taħt l-aspetti differenti tagħha, bil-kundizzjoni li dawn it-tweġibiet ġuridiċi magħqudin ma jirrappreżentawx piż eċċessiv għall-persuna inkwistjoni (31).
43. F’dan il-każ, jidher li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta, peress li, għalkemm il-miżuri ordnati mill-ANPK kienu intiżi esklużivament sabiex itemmu l-prattiki kummerċjali żleali u qarrieqa fil-konfront tal-konsumaturi, il-miżuri ordnati mill-ANRE kellhom bħala għan, min-naħa tagħhom, li jiżguraw it-trasparenza tal-prezzijiet fis-suq tal-enerġija Rumen fil-kuntest speċifiku tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-gass naturali u, għaldaqstant, il-funzjonament tajjeb ta’ dan is-settur (32). Għaldaqstant, huwa leġittimu li Stat Membru jissanzjona l-ksur, minn naħa, tal-leġiżlazzjoni settorjali li għandha bħala għan il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass naturali u, min-naħa l-oħra, fil-konfront tar-regoli applikabbli għall-prattiki kummerċjali żleali, sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (33).
44. Minn dan isegwi li, fil-prinċipju, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jkunx miksur meta l-istess aġir ikun is-suġġett ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni separati, ibbażati fuq dispożizzjonijiet legali differenti li għandhom għanijiet distinti u komplementari, bħalma hija l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-osservanza tat-trasparenza tal-prezzijiet fis-suq tal-enerġija.
45. Barra minn hekk, il-fatt li l-protezzjoni tal-konsumaturi, bħala għan ta’ interess ġenerali tista’ tkun imfittxija mhux biss mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi imma wkoll, b’mod indirett u minn angolu differenti, mil-leġiżlazzjoni settorjali tal-enerġija (34) ma jistax ixejjen in-natura komplementari tal-għanijiet imfittxija miż-żewġ settijiet ta’ regoli.
46. L-interpretazzjoni preċedenti, ibbażata fuq il-komplementarjetà tal-għanijiet intiżi miż-żewġ leġiżlazzjonijiet, tidher ukoll ikkonfortata mit-test stess tad-Direttiva 2009/73 (li ġiet trasposta fid-dritt intern permezz tal-Liġi Nru 123/2012) li tipprevedi, fil-punt 1 tal-Anness I tagħha, li l-miżuri li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-konsumaturi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva huma bla ħsara għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.
b) Fuq il‑proporzjonalità u n‑neċessità tal‑limitazzjoni
47. Għal dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jeħtieġ li jitfakkar li dan jeżiġi li l-kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija minn din il-leġiżlazzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tintuża dik li hija l-inqas restrittiva filwaqt li jiġi żgurat li l-inkonvenjenzi kkawżati minnha ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (35).
48. Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja ta’ tali kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, għandu jiġi evalwat, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk jeżistux regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk iż-żewġ proċeduri tmexxewx b’mod suffiċjentement ikkoordinat u qrib fiż-żmien u jekk is-sanzjoni imposta jekk ikun il-każ mal-ewwel proċedura fuq il-livell kronoloġiku tteħditx inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tat-tieni sanzjoni, b’tali mod li l-piżijiet li jirriżultaw, għall-persuni kkonċernati, minn tali kumulu jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tal-ksur imwettaq (36).
49. Jeħtieġ li jiġi nnotat, qabel xejn, li l-eżistenza ta’ żewġ leġiżlazzjonijiet differenti li japplikaw b’mod parallel jippermetti lill-kumpanniji kkonċernati li jkunu jafu, minn qabel, bi grad għoli ta’ prevedibbiltà, is-sanzjonijiet potenzjali li dawn huma esposti għalihom. Barra minn hekk, ma hijiex sorpriża li kumpannija attiva fis-suq tal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-enerġija għandha tikkonforma ruħha ma’ diversi leġiżlazzjonijiet settorjali li jfittxu għanijiet differenti jew komplementari u tista’, jekk ikun il-każ, tkun ikkonfrontata b’diversi sanzjonijiet għall-istess aġir, fuq il-bażi ta’ atti ġuridiċi li jfittxu għanijiet differenti.
50. Barra minn hekk, il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja fih ħjiel ta’ konnessjoni ta’ żmien fil-qrib bejn iż-żewġ proċeduri mmexxija u bejn id-deċiżjonijiet meħuda skont il-leġiżlazzjoni settorjali tal-enerġija u tad-dritt għall-protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ikkonċernati (previsti speċifikament mil-leġiżlazzjoni Rumena), ħaġa li għandha tiġi wkoll ivverifikata mill-qorti tar-rinviju.
51. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li l-Artikolu 50 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li fornitur tal-gass naturali jkun issanzjonat permezz ta’ żewġ proċessi verbali għal ksur distinti, wieħed magħmul mill-awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ieħor mill-awtorità regolatorja tal-enerġija, bil-kundizzjoni:
– li l-proċeduri u s-sanzjonijiet ikunu bbażati fuq dispożizzjonijiet legali differenti li huma intiżi għal għanijiet ta’ interess ġenerali distinti u komplementari li jiġġustifikaw għaldaqstant kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet;
– li jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll li tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet kompetenti;
– li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat f’intervall ta’ żmien fil-qrib; u
– li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tal-ksur.
V. Konklużjonijiet
52. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari magħmula mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kif ġej:
L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li fornitur tal-gass naturali jkun issanzjonat permezz ta’ żewġ proċessi verbali għal reati distinti, wieħed magħmul mill-awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-ieħor mill-awtorità regolatorja tal-enerġija, bil-kundizzjoni li:
– li l-proċeduri u s-sanzjonijiet ikunu bbażati fuq dispożizzjonijiet legali differenti li huma intiżi għal għanijiet ta’ interess ġenerali distinti u komplementari li jiġġustifikaw għaldaqstant kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet;
– li jeżistu regoli ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi previst liema atti u ommissjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kif ukoll li tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn iż-żewġ awtoritajiet kompetenti;
– li ż-żewġ proċeduri jkunu tmexxew b’mod suffiċjentement ikkoordinat f’intervall ta’ żmien fil-qrib; u
– li s-sanzjonijiet kollha imposti jikkorrispondu għall-gravità tal-ksur.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 485, tas-16 ta’ Lulju 2012.
3 L-ANPK akkużat lir-rikorrenti li nnotifikat imbagħad lill-konsumaturi b’offerti li fihom prezzijiet differenti u, għaldaqstant, qarrqet bihom. Fil-fatt, ir-rikorrenti nnotifikat lill-konsumaturi b’tibdil fil-prezz iffissat fl-offerta inizjali wara perijodu ta’ tliet xhur biss, minkejja li l-prezz inizjali suppost kellu jkun validu għal perijodu ta’ tnax-il xahar.
4 Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94).
5 Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
6 B’mod iktar preċiż, il-Liġi Nru 123/20212 tittrasponi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali d-Direttiva 2009/73, filwaqt li l-Liġi Nru 363/2007 tittrasponi d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).
7 Sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 59).
8 Sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 25), u tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost (C‑117/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza bpost”, EU:C:2022:202, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
9 Sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punti 41, 44, 46, 49, 53 u 55).
10 Sentenza bpost, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara, ukoll, Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, punt 82).
11 Sentenza bpost, punt 26.
12 Sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 31), u tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 49).
13 Sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 33).
14 B’mod iktar preċiż, ksur tal-obbligu previst fl-Artikolu 143(1)(k) tal-Liġi Nru 123/2012 jikkostitwixxi ksur amministrattiv, punibbli b’multa fl-ammont ta’ bejn RON 20 000 u 400 000 (bejn madwar EUR 4 057 u madwar EUR 81 147).
15 Id-deċiżjoni tar-rinviju ma fih ebda riferiment għall-ammont tal-multi previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Bl-istess mod, l-osservazzjonijiet tal-partijiet ma jipprovdu ebda informazzjoni supplimentari fuq il-firxa ta’ multi potenzjali.
16 Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV – 98 (C‑97/21, EU:C:2023:371, punt 46).
17 Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ammont ta’ din is-sanzjoni jieħu inkunsiderazzjoni d-diversi ksur amministrattivi li ġew ikkonstatati mill-ANRE.
18 Għalkemm id-deċiżjoni ta’ rinviju ma ssemmix l-impożizzjoni ta’ multa lil Engie fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċitata iktar ’il fuq, mill-osservazzjonijiet bil-miktub kemm tar-rikorrenti kif ukoll tal-Gvern Rumen jirriżulta li, minbarra l-obbligu impost fuq Engie li tirritorna għall-prezz inizjali miftiehem mal-klijenti kkonċernati, din ġiet imposta lilha, mill-ANPK, multa fl-ammont ta’ RON 150 000 (madwar EUR 30 000).
19 Infakkar, barra minn hekk, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, is-severità baxxa ta’ multa amministrattiva ma hijiex suffiċjenti, minnha nfisha, biex tipprekludi li din tiġi kklassifikata bħala “sanzjoni kriminali” (Qorti EDB, 6 ta’ Ottubru 2020, Pfenning Distributie S.R.L vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2020:1006JUD007588213, punt 27). Ara wkoll, Qorti EDB, 8 ta’ Lulju 2019, Mihalache vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2019:0708JUD005401210, punt 62).
20 Sentenza bpost, punt 28.
21 Sentenza bpost, punt 29.
22 Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 59).
23 Jeħtieġ li jiġi nnotat li, għalkemm din l-informazzjoni ma tinsabx fid-deċiżjoni ta’ rinviju, din ġiet ipprovduta mill-Gvern Rumen fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u, mbagħad, ġiet ikkonfermata waqt il-proċedura orali, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-partijiet l-oħra preżenti fis-seduta.
24 Sentenza bpost, punt 33.
25 Sentenza bpost, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.
26 Sentenza bpost, punti 31, 33, 36 u 37.
27 Skont dawn il-partijiet, l-ANRE ssanzjonat lil Engie għal ksur tal-obbligu ta’ trasparenza, waqt l-istabbiliment tal-offerta standard, filwaqt li l-ANPK ssanzjonatha, min-naħa tagħha, għal prattiki kummerċjali qarrieqa jew aggressivi li jikkonsistu fit-trażmissjoni tan-notifiki suċċessivi dwar it-tibdil fit-tariffi.
28 Sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Societatea Civilă Profesională de Avocaţi AB & CD (C‑252/22, EU:C:2024:13, punt 38).
29 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza bpost, punt 38.
30 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza bpost, punt 50.
31 Sentenza bpost, punt 49.
32 Nirrileva, għal kull buon fini, li l-osservanza tat-trasparenza tal-prezzijiet jikkostitwixxi biss għan indirett tal-protezzjoni tal-konsumaturi.
33 Ara, b’analoġija, bpost, punt 47.
34 Għalkemm fil-fatt, il-protezzjoni tal-konsumaturi hija indikata b’mod “dirett” bħala għan prinċipali tad-dritt tal-konsumatur, hija indikata biss b’mod “indirett” fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni settorjali tal-enerġija li hija intiża prinċipalment sabiex tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tas-suq ikkonċernat.
35 Sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Sentenza bpost, punt 51.